Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema bażi nħaddmu l-prezzijiet għax-xiri tal-postijiet tal-gvern f'Pembroke u li ġew offruti lir-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-prezz tax-xiri ta' l-appartamenti u garaxxijiet tal-Gvern jinħadem billi jiġi kkalkulat kemm jiswa l-proġett biex jinbena, nkluż spejjeż għad-drenaġġ, "landscaping", stallazzjoni ta' "lifts", bini ta' "substations" tad-dawl, akkwist ta' l-art, eċċ.
L-ispejjeż jiġu maqsuma fuq l-appartamenti u l-garaxxijiet skond il-kobor tagħhom. Mill-prezz ta' l-appartmenti jitnaqqas is-sussidju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'arranġamenti se jsiru biex tfal bi bżonnijiet speċjali li jmorru fl-iskejjel tal-Knisja jiġu moqdija bi trasport bħal dawk it-tfal li jmorru fl-iskejjel tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Tfal b'diżabilita' li jattendu skejjel speċjali tal-Gvern għandhom trasport speċjali pprovdut mill-istess skejjel, filwaqt li tfal b'diżabilita' li jattendu skejjel regolari, jew jagħmlu użu mit-trasport ta' skejjel regolari jew mit-trasport speċjali pprovdut mill-Fondazzjoni Trasport għall-Ħajja Aktar Indipendenti.
Arranġamenti għat-trasport għall-iskejjel tat-fal bi bżonnijiet speċjali jsiru mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid huwiex possibbli li jiġu ndikati ż-żidiet fin-numru ta' mpjiegi f'dawk il-kumpanniji li jipproduċu prodotti li ġew effettwati bit-tneħħija tal-levies matul l-1999 u l-2000?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bit-tneħħija tal-"levies" fl-1 ta' Ottubru 1999 u fl-1 ta' Jannar 2000, ġew effettwati 95 ażjenda. Sa l-aħħar ta' Awissu 2000, in-numru totali ta' mpjegati f'dawn il-95 ażjenda kien ta' 71 aktar milli kien fl-aħħar ta' Settembru 1999.
Jista' d-Dipartiment tal-Housing jistħarreġ kif jista' jkun hemm aċċess għall-parking aħjar fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjied ir-Rabat Malta?
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir underground parking fil-futur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-kwistjoni dwar aċċess għal "parking" ma taqgħax taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru.
Għar-rigward ta' l-iżvilupp mgħotti fi Triq iċ-Ċawsli fin-naħa tal-Housing Estate ta' Bulebel, jista' l-Ministru jgħid: min hu l-kuntrattur; jekk ix-xogħol ingħatax b'tender jew direct order; u jekk dan ix-xogħol ġiex ordnat mill-Awtorita' tad-Djar jew mid-Dipartiment għal Manutenzjoni u Kostruzzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett indikat minnu huwa wieħed li ġie mogħti lill-kuntrattur wara sejħa għall-offerti li ngħatat mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Il-pjanti tħejjew u l-permess inkiseb mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar li ħejja wkoll id-dokumenti tal-offerti. Ix-xogħolijiet qed jiġu ffinanzjati mill-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jimxi l-każ tal-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament fejn qegħda tistenna risposta għal sussidju biex tirranġa d-dar fejn toqgħod peress li s-saqaf tad-dar huwa kkundannat u bħalissa huwa ż-żmien addatta li jista' jsir ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata separatament fil-fatt iffirmat il-ftehim meħtieġ ma' l-Awtorita' tad-Djar fil-5 ta' Settembru 2000, wara li kienet naqset li tersaq biex tiffirma dan il-ftehim fl-10 ta' Awissu, skond l-appuntament li kien ingħatalha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitkompla x-xogħol minn ħaddiema tal-handyman service fil-konfront ta' anzjan li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħatu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li saret riferenza għaliha fil-Mistoqsija, ngħatat is-servizz ta' "handyman" meħtieġ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'irriżulta mill-applikazzjoni għal stallazzjoni ta' lift f'25 Triq il-Punent, Valletta, fejn joqogħdu anzjani morda fis-sulari ta' fuq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li saret spezzjoni fuq il-post indikat fil-Mistoqsija u rriżulta li t-tromba hija tant ristretta li ma jistax jiġi stallat "lift" u li mhux possibbli jsir "lift" minn barra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni u fuq liema kriterji ingħatat, jekk ingħatat, approvazzjoni mill-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' għal Reserved Parking quddiem ir-residenza 20, Triq l-Arċisqof Romero, San Ġiljan?
Jaf jew le l-Viċi Prim Ministru li r-residenti li joqogħdu f'dan il-fond m'għandhom l-ebda każ ta' wheelchair u oltre minhekk ta' mobilita'?
Jekk jirriżulta li l-informazzjoni li qed ngħid hija valida, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex din titneħħa u b'hekk jinqata' kull abbuż b'detriment għar-residenti l-oħra tat-triq imsemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Permessi għal "reserved parking" quddiem residenzi ta' persuni b'diżabilita' jingħataw mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għat-talbiet pendenti għall akkomodazzjoni alternattiva fir-Rabat li jlaħħqu 74 każ, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawn il-każi qed jokkupaw bini li huwa ċertifikat bħala bini kkundannat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 18163 f'Seduta 355.
B'riferenza għat-talbiet pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva fil-Mosta li jlaħħqu 89 każ, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawn il-każi qed jokkupaw bini li huwa ċertifikat bħala bini kkundannat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 18163 f'Seduta 355.
B'riferenza għat-talbiet pendenti għal akkomodazzjoni alternattiva f'San Pawl il-Baħar li jlaħħqu 115 każ, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm minn dawn il-każi qed jokkupaw bini li huwa ċertifikat bħala bini kkundannat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 18163 f'Seduta 355.
B'referenza għat-3,571 talba pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva, jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani jekk hemmx xi policy partikolari sabiex it-talbiet tal-koppji u familji mir-Rabat, Mosta, San Pawl li jammontaw għal 228 talba, jiġu rimedjati? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jinfurmani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-applikazzjonijiet pendenti quddiem id-Dipartiment konċernat jiġu ttrattati kollha fuq l-istess kriterji, immaterjalment mill-lokalita' minn fejn ikunu ġejjin.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17352 dwar konsulenti legali li jagħtu servizz bi ħlas lill-ministeru tiegħu
Response (GONZI, LAWRENCE)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji mitluba dwar liema Dipartimenti/Entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi kkommissjonaw is-servizz; l-avukati jew konsulenti legali li taw is-servizz; kemm tħallsu għas-servizz; u x'tip ta' servizz li ngħata f'kull każ.
Minħabba n-natura ġeneralment speċjaliżżata tas-suġġett partikolari, s-servizz individwali ntalab minn avukati/għaqdiet ta' avukati/konsulenti legali li kienu esprimew interess li jidħlu għal dan it-tip ta' xogħol wara li saret sejħa pubblika. F'kull każ il-ħlas għas-servizz ġie stabbilit skond il-provvedimenti tar-Regolamenti Finanzjarji u fuq il-parir ta' "adjudicating board" imwaqqaf apposta.