Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5756 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Bord ta' l-arbitraġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il seduta ġiet trasferita fil-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet matul is-snin 1997 u 1998 kawża illi xi membru tal-Bord kien indispost? Kemm-il kawża tressqet u kemm ġew deċiżi fl-istess snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul l-1997 u l-1998, in-numru ta' seduti tal-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet li ġew trasferiti minħabba li xi membru tal-Bord kien indispost kien ta' 5. Ninsab infurmat ukoll illi fl-istess perijodu n-numru ta' kawżi li tressqu quddiem il-Bord kien ta' 64. Dwar in-numru ta' kawżi deċiżi, ninsab infurmat li fl-1997 dan kien ta' 15, filwaqt li fl-1998 l-ebda kawża ma ġiet deċiża. 22.03.99
Leg 9 PQ #5757 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Imgħaxijiet legali

Question

Wara li ngħataw diversi sentenzi mill-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet fit-2 u fis-16 ta' Lulju, 1997 illi l-gvern hu obbligat li jħallas l-imgħaxijiet legali mid-data ta' l-esproprjazzjoni ċioe' ta' 8%, għaliex id-Dipartiment ta' l-Artijiet jinsisti li jħallas 5% lil ħafna proprjetarji li jkollhom l-artijiet esproprjati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kien hemm erba' sentenzi, fosthom dawk li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, fejn il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet obbliga lill-Gvern iħallas imgħaxijiet legali ta' 8% mid-data ta' l-esproprjazzjoni. Dawn il-kawżi kienu kollha jikkonċernaw biss art li ġiet meħuda skond l-Att dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini (B.D.A.) Il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet qatt ma ta sentenza fejn il-Gvern ġie obbligat iħallas l-imgħaxijiet bit-8% ħlief għal dawn l-erba' każi li l-ebda wieħed minnhom ma jittratta akkwist ta' art skond il-Kapitlu 88 (Land Acquisition Ordinance). Għaldaqstant f'każ ta' akkwist ta' art skond il-Land Acquisition Ordinance id-Dipartiment ta' l-Artijiet baqa' jħallas l-imgħaxijiet bil-5% kif kien minn dejjem jagħmel. 22.03.99
Leg 9 PQ #5758 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

Birkirkara — Post tal-kunsill lokali

Question

Jista' l-Ministru jindika x'se jsir mill-post li kien okkupat mill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara u jekk huwiex se jiddiskuti mal-kunsill dwar l-użu tiegħu? Kien hemm xi applikazzjonijiet għalih għall-użu ulterjuri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-bini li kien okkupat mill-Kunsill Lokali ta' Birkirkara qed jiġi propost mill-istess Kunsill sabiex jibda jintuża bħala mużew u l-Kunsill Lokali qed jagħmel talba formali sabiex dan il-bini jibqa' f'idejh. Ninsab infurmat ukoll li kien hemm applikazzjoni minn fondazzjoni privata sabiex jutilizzaw dan il-post bħala mużew li ma ġietx milqugħa sakemm tittieħed deċiżjoni fuq it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Birkirkara. 22.03.99
Leg 9 PQ #5787 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Liċenzji — Applikazzjoni "to carry"

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm l-applikazzjoni għal-liċenzja "to carry" tal-persuna mill-Mosta li ismu qed jintbagħat separatament li ilu li applika minn Awissu/Settembru ta' l-1998? Il-Ministru ma jarax li dan huwa dewmien mhux ġustifikat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li parti mid-dewmien biex tinħareġ il-liċenzja 'to carry' lill-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hu dovut għall-fatt li l-persuna konċernata għad trid tiġi msejjħa mid-Dipartiment ta' l-Ambjent biex toqgħod għat-test dwar ġarr ta' arma għal skop ta' kaċċa. Ninsab infurmat ukoll li billi dawn it-testijiet isiru s-Sibtijiet biss hemm lista twila ta' applikanti biex jiġu msejjħa għal dan it-test. 22.03.99
Leg 9 PQ #5799 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-computers li hemm fid-Dipartiment ta' l-Artijiet mhux qed jieħdu l-manutenzjoni u l-attenzjoni li jenħieġu mill-persuni responsabbli mill-IT tad-dipartiment u għalhekk mhux qed isir użu minnhom? Jista' l-Ministru jassigura li l-persuni nkarigati mill-IT jkunu disponibbli matul il-jum kollu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li hemm persuna waħda biss li ġiet mogħtija l-inkarigu ta' IT Facilitator, biex tkopri d-Dipartiment ta' l-Artijiet u dak ta' l-'Estate Management'. Barra mix-xogħol ta' IT Facilitator, il-persuna konċernata għandha xogħol ieħor fid-Dipartiment ta' l-Artijiet u għalhekk ma tistax tkun disponibbli fuq xogħol ta' IT matul il-jum kollu. Ninsab infurmat ukoll li l-computers li mhux isir użu minnhom għandhom bżonn tiswijiet li ma jistgħux isiru mill-IT Facilitator. Qed jittieħdu l-passi biex dawn jiġu msewwija. 22.03.99
Leg 9 PQ #5800 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Leisire Attractions

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-permess li nħareġ mid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex jiġu operati Leisure Attractions (Bumping Cars) ġewwa l-Furjana lill-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament ingħata b'mod regolari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li r-risposta hija fl-affermattiv. 22.03.99
Leg 9 PQ #5801 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Furjana sabiex il-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament ingħatat permess mid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex jopera Bumping Car Attraction?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Furjana ma kienx favur li l-kumpannija li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant tarma Bumping Car Attraction bejn it-12 u s-16 ta' Frar, 1999, f'parti żgħira mill-car park li hemm fit-tarf tal-fosos tal-Furjana. Il-Kunsill kien tal-fehma li din l-attrazzjoni kienet ser tokkupa l-parking area b'detriment għan-nies tal-lokal. Id-Dipartiment ta' l-Artijiet ikkunsidra din l-oġġezzjoni u ħareġ permess biex tintrama din l-attrazzjoni f'parti żgħira ħafna fit-tarf tal-car park, biex, filwaqt li ma jinħolqux problemi għan-nies tal-lokal, tkun tista' tiġi armata din l-attrazzjoni għal jiem tal-Karnival, liema attrazzjoni ilha tintrama fl-istess post għal ħafna snin. 22.03.99
Leg 9 PQ #5802 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Local plan

Question

Jista' l-Ministru jgħidli fuq liema local plan qiegħed taħdem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fil-preżent? Jista' l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħol (dettalji ta' meta beda x-xogħol u f'liema stadju waslu) li sar s'issa fuq il-local plans?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5148 f'Seduta 77. 22.03.99
Leg 9 PQ #5807 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Saċerdoti reliġjużi — Abbużi sesswali

Question

Wara li l-Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca ħareġ policy u proċedura fuq pariri ta' diversi djoċesi, jista' l-Ministru jgħid kemm u f'liema snin ġew irrapportati każi li f'dawn l-aħħar 15-il sena kien hemm saċerdoti, reliġjużi, persuni kkonsagrati jew lajċi mpenjati, kemm dawk impjegati kif ukoll dawk voluntiera, li kienu rrapportati b'xi forma ta' allegazzjoni ta' abbuż sesswali waqt il-ħidma pastorali tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellanti. 22.03.99
Leg 9 PQ #5808 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Perit Mintoff — Proprjeta' "Ta' l-Għarix"

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5600, jista' l-Ministru jispjega kif il-Gvern Nazzjonalista ħallas Lm128,000 bħala kumpens lil Perit Mintoff jekk, fi kliem il-Ministru stess, għad irid isir ftehim finali dwar din il-kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Is-somma ndikata tħallset mill-Ministeru tal-Finanzi, wara deċiżjoni tal-Kabinett, sabiex tiġi solvuta parti mill-kwestjoni ġenerali tal-kumpens, u sabiex ma jiżdiedx l-ammont ta' imgħax/danni li eventwalment il-Gvern ikollu jħallas xorta waħda. Din hija l-istess somma ndikata fil-'letter of intent' tat-22 ta' Mejju, 1998. Sadanittant il-Gvern għadu ma ħallasx il-kumpens proprju għall-esproprjazzjoni 'de facto' tal-proprjeta' in kwestjoni, u lanqas għalhekk ma ġiet trasferita lilu formalment l-istess proprjeta'. 22.03.99
Leg 9 PQ #5839 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA 1084/98

Question

B'riferenza għall-permess PA 1084/98, Comp Nru. 18, dwar żvilupp fi Triq Antonio Schembri, Attard, jista' l-Ministru jispjega għaliex dan l-iżvilupp qed jitħalla jsir bi 32 filata 'l fuq mill-art fuq in-naħa ta' wara, mingħajr l-ispazju ta' għallanqas għaxar (10) piedi li tirrekjedi l-liġi għal bejn il-bini? Jaf il-Ministru li minħabba f'hekk, id-djar numri 3 u 5 fi Triq ir-Rand li għandhom ġonna ta' għaxar piedi fond, se jkunu kompletament magħluqa? Jaf li l-familji li joqogħdu f'dawn l-indirizzi qatt ma ġew informati bid-deċiżjoni tad-DCC u b'hekk ma setgħux lanqas jikkonsidraw li jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Planning Appeals Board?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-permess ta' l-iżvilupp PA 1084/98 biex jinbena ħanut bi 'store' taħtu u uffiċini fl-ewwel u t-tieni sular fi Triq Antonio Schembri - Ħ'Attard ġiet sottomessa minn Med Design Consultants Ltd għan-nom ta' Melbourne Garage, Attard, fis-27 ta' Frar 1998 u ġiet approvata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp fit-28 ta' Ottubru 1998. Jien infurmat li hija l-prattika tal-General Services Board li postijiet kummerċjali ta' inqas minn 40 pied jistgħu jingħataw permess għal bini mingħajr bitħa sakemm il-post huwa arjuż u mdawwal. F'dan il-każ il-btieħi ta' għaxar piedi li għandhom il-ġirien jissodisfaw ir-regolamenti sanitarji. Il-familji li joqgħodu f'numri 2 u 3 (mhux 3 u 5 kif jidher fil-mistoqsija) fit-Triq ir-Rand ġew avżati bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Kontroll ta' l-Iżvilupp permezz ta' ittra li nbagħtet fit-13 ta' Novembru 1998 lill-perit tagħhom li għan-nom tagħhom għamel l-oġġezzjoni. L-ittra ntbagħtet reġistrata bil-pink card u ġiet riċevuta fit-18 ta' Novembru 1998. Skond l-Att ta' l-1992 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, il-ġirien kellhom 30 jum biex jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Bord ta' l-Appell. 22.03.99
Leg 9 PQ #5917 Sitting 78 1999-03-22 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru ta' l-Intern

Bajja ta' San Tumas — Torri Mamo

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li Torri Mamo se jintuża għal self-catering holidays?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-torri li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti ġie mogħti 'on encroachment terms' lis-Soċjeta' - Din l-Art Ħelwa - fl-10 ta' Ġunju, 1988, u waħda mill-kundizzjonijiet tispeċifika li dan il-post għandu jiġi użat esklussivament għall-attivitajiet tas-Soċjeta'. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment ta' l-Artijiet ser jikteb lis-Soċjeta' imsemmija sabiex ifakkarha fil-kundizzjonijiet marbuta ma' l-għoti 'on encroachment terms' ta' l-istess torri. 22.03.99
Leg 9 PQ #3660 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Crash barrier

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal crash barrier quddiem id-dar li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 17.03.99
Leg 9 PQ #5148 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Local plans

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-hekk imsejħa local plans li huma akkarigu tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar jinstabux fi stadju avvanzat ta' xogħol jew le u jekk le, liema huma dawk li għadhom lura?

Response (BORG, TONIO)

Malta hija maqsuma f'sebgħa żoni koperti minn Pjan Lokali u ninsab infurmat li l-proċess ta' kull pjan wasal fl-istadju kif ġej : - Għawdex u Kemmuna - Ġbir ta' informazzjoni Pjan għall-Majjistral - Formulazzjoni tal-policies Żona Ċentrali - Pjan għadu ma nbediex Portijiet tat-Tramuntana - Formulazzjoni tal-policies Port il-Kbir - Approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u ntbagħat lill-Gvern għall-konsiderazzjoni tiegħu Nofsinhar - Pjan għadu ma nbediex Bajja ta' Marsaxlokk - Pjan addottat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u mill-Gvern 17.03.99
Leg 9 PQ #5149 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Pjan ta' Struttura

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba l-Pjan ta' Struttura li wasal biex jiġi mġedded huwiex isir xogħol fuqu minn ġewwa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u f'liema stadju dan wasal?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq ir-Reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura beda, skond kif meħtieġ fl-Att tal-1992 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp u l-'Structure Plan Review Project Managment Plan' li ġie approvat mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'Novembru ta' l-1997. Bħalissa l-Awtorita' qed tħejji tlettax il-studju fis-setturi prinċipali li huma koperti fil-Pjan ta' Struttura bħala parti mill-proċess ta' reviżjoni. Uħud minn dawn l-istudji waslu fl-istadju ta' l-ewwel abbozz, oħrajn għadhom aktar lura minħabba problemi ta' ġbir ta' informazzjoni. Dawn l-istudji ser iwasslu għal Topic Papers li ser jippreżentaw l-issues għar-reviżjoni fir-rigward tas-setturi speċifiċi u huma mistennija li jinħarġu għal konsultazzjoni pubblika matul din is-sena. Skond il-programm imħejji hu mistenni, li d-Draft Replacement Plan jinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika lejn l-aħħar tas-sena 2000 u li jiġi ppreżentat lill-Parlament għan-nofs is-sena 2001. Il-Gvern approva kwart ta' miljun lira għas-sena finanzjarja 1998-1999 ta' l-Awtorita' biex isiru l-istudji neċessarji għar-reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura. 17.03.99
Leg 9 PQ #5150 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kien hemm impjegati ġewwa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li għandhom il-ħatra ta' periti arkitetti fis-snin 1996, 1997, 1998 li (1) għadhom ma qabżux it-30 sena; (2) għadhom ma qabżux il-35 sena; (3) għadhom ma qabżux l-40 sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' periti arkitetti fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar fis-snin 1996, 1997 u 1998 u t-tagħrif ieħor mitlub dwarhom hu kif ġej : - Li ma qabżux l-eta' ta' Fis-sena 30 sena 35 sena 40 sena 1996 9 9 1 1997 6 11 1 1998 9 9 1 17.03.99
Leg 9 PQ #5277 Sitting 77 1999-03-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Hawkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' street hawkers fil-gżejjer tagħna reġistrati mal-pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li kellhom permess ta' hawker fis-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 kien ta' 990, 985, 966, 1,026, u 1,029 rispettivament. 17.03.99
Leg 9 PQ #3546 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Snieter bla permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies b'senter bla permess f'Diċembru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f'Diċembru, 1998, ma kienx hemm persuni li nqabdu b'senter bla permess. 16.03.99
Leg 9 PQ #3622 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Photocopy machines

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu photocopy machines kemm fil-Ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment? Jista' jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 16.03.99
Leg 9 PQ #4825 Sitting 76 1999-03-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' membri fil-Korp tal-Pulizja llum? Imqassmin f'ranks, kemm hemm minnhom li għalqu l-25 sena servizz u b'hekk jistgħu jitilqu meta jridu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-complement preżenti tal-Korp tal-Pulizija huwa ta' 1,751. Il-membri tal-Korp li għalqu il-25 sena servizz huma kif ġej : - GRAD NUMRU ---- ----- Kummissarju 1 Assistent Kummissarju 2 Supretendent 5 Spettur 7 Surġent Maġġur 3 Surġent 24 Kuntistabbli 53 16.03.99