Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati f'St. James Cavalier?
Kemm minnhom kienu f'dipartimenti oħra?
Kemm kien hemm impjiegi ġodda?
Kemm minnhom kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol?
Id-dħul għal St. James Cavalier se jkun b'xejn?
Response (GALEA, LOUIS)
Għall-ewwel tlett mistoqsijiet nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19708.
Informat li l-ħaddiema li ġew impjegati f'St James Cavalier kienu jirreġistraw għax-xogħol.
In ġenerali d-dħul għal St James Cavalier huwa b'xejn, iżda jista' jintalab ħlas għal attendenza f'attivitajiet kulturali organizzati minn organizzazzjonijiet u individwi kif jiġri f'tejatri u postijiet oħra kulturali.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn is-Smart Card ta' l-Universita' (li suppost għandha Lm200 f'sussidji fuq il-kotba) tinħareġ fl-aħħar ta' Novembru u mhux fil-bidu tas-sena meta fil-fatt l-istudenti jkunu jridu jixtru l-kotba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iSmart Card li qed jirrefri għaliha l-Onor. Membru għadha ma bdietx tintuża, minħabba li kien hemm appell mid-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kuntratti, liema appell għadu mhux deċiż.
Hemm diffikultajiet prattiċi biex dak li qed jissuġġerixxi l-Onor. Membru jkun jista' jsir. Dan minħabba li l-lista ta' l-istudenti aċċettati mill-Universita` u f'xi każi anke minn xi skejjel Post Sekondarji, ma jkunux finalizzati qabel l-aħħar ġimgħa ta' Settembru (u kultant anke aktar tard) minħabba r-riżultati tar-'resits' u r-'Revision of Papers' ta' l-eżamijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda nkluż l-għalliema fl-iskejjel kollha statali mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Ara tweġiba għal Mistoqsija numru 19283 ta' l-istess Onor. Membru.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-Mistoqsija Parlamentari numru 8349?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-aħħar sejħa għall-applikazzjoni fuq bażi permanenti għall-post ta' Kindergarten Assistants (Special Education) ħarġet f'Marzu 1996. Ħarġet sejħa għall-Facilitator fuq bażi permanenti f'Ottubru 1998.
Il-kors ta' Classroom Support Trainees sar bejn Frar 1998 u Awissu 1999.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 17756?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-fondi taċ-Ċentru Malti għar-Restawr bdew ikunu allokati fl-Estimi Finanzjarji ta' din is-sena taħt il-Vot Kapitali III u l-Vot Rikorrenti 17 tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni. Matul is-sentejn ta' qabel il-fondi kienu jidhru taħt il-Vot tad-Dipartiment tal-Mużewijiet. Għaldaqstant fuq firxa ta' tlitt snin l-investiment fiċ-Ċentru hu stmat li jammonta għas-somma ta' Lm1,914,560 maqsuma kif ġej:-
A) Mill-Estimi 2000 - Vot Kapitali III Lm400,000
- Vot Rikorrenti 17 50,000
- Virement fuq il-Vot III 446,000
Mill-846,000 minfuqha fil-Vot Kapitali, madwar 146,000 joħroġhom il-Gvern Malti u madwar 700,000 huma rifondibbli mill-Gvern Taljan.
B) Mil-Vot tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni (1998 - 2000)
- Pagi eċċ għal Ħaddiema Industijali eċċ
(sa 30/06/2000) Lm473,570.52,6
(sa 31/12/2000) 237,268.97,2
- Safety Shoes 808.95,0
- Scaffolding 677.36,0
C) Dipartiment tad-Mużewijiet (1998 - 1999) Lm303,234.34
(Minn din is-somma parti ġew minfuqha fuq Villa Bighi filwaqt li s-somma ta'
Lm212,300.50 ġiet trasferita liċ-Ċentru direttament wara li dan
twaqqaf uffiċċjalment.)
Il-voti antiċipati għaċ-Ċentru Malti għar-Restawr jidhri fl-Estimi 2001 meta jiġu pubblikat. Tajjeb wieħed ifakkar li dan il-proġett qed isir bl-għajnuna li qed jagħti l-Gvern Taljan taħt ir-Raba' Protokoll Finanzjarju bejn iż-żewġ pajjiżi.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fil-bidu ta' din is-sena skolastika biex tidħol kuxjenza u jinbidlu mentalitajiet u mġieba biex ma jibqax ikollna tfal ta' l-iskola iġorru basktijiet tqal fuq daharhom bi ħsara għal saħħithom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fi Frar 2000 saret riċerka ġewwa l-iskejjel kollha inklużi tal-Knisja u l-Indipendenti wara li ntbgħatet ċirkulari OPS 3/2000. Din ir-riċerka kienet tikkonsisti fi kwestjonarju dettaljat u f'ispezzjoni ta' numru (random sample) ta' basktijiet ta' l-istudenti. Ħareġ rapport dwar ir-riċerka u kien approvat. Id-Direttur Ġenerali ltaqa' mal-kapijet ta' l-iskejjel Primarji u spjegalhom ir-rakkomandazzjonijiet. Dawn sejrin jiġu ċċirkolati fil-futur qrib. Wara, sejjer ikun hemm kampanja pubbliċitarja għall-ġenituri.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li qed jattendu is-Sixth Form fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u Indipendenti?
Jista' jelenka kemm hemm studenti subien u bniet li qed jattendu kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Junior College ta' l-Universita` in-numru ta' l-istudenti li qegħdin jattendu sas-16 ta' Ottubru huma dawn:
Nisa Irġiel Total
L-Ewwel sena: 775 622 1397
It-Tieni sena : 711 427 1138
Total globali : 1486 1049 2535
It-tagħrif għall-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti għadu ma wasallix.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' tfal li qed jattendu kindergartens ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din l-informazzjoni bħalissa qed tinġabar. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tirċievi l-quarterly returns fl-aħħar ta' Ottubru u, wara, jrid isir l-għadd tat-totali u verifika.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li qed jattendu fl-iskejjel ta' l-Istat, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Kif inhuma maqsuma f'primarji u sekondarji?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din l-informazzjoni bħalissa qed tinġabar. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tirċievi l-quarterly returns fl-aħħar ta' Ottubru u, wara, jrid isir l-għadd tat-totali u verifika.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta għal kollox il-ground tal-Furjana biex jkun jista' jerġa' jibda jintuża bis-sħiħ?
Kemm intnefaq fuq dan il-ground wara li kienu saru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-millenju?
X'kien ix-xogħol li kellu jsir biex jerġa' jiġi rranġat?
Hemm xi ħsieb li dan il-ground jitmexxa mill-klabb tal-Furjana?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma tirriżultax informazzjoni ġdida mir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nurmu 17400.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Mużewijiet mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu bejn il-5 ta' jannar 2000 u l-10 ta' Settembru 2000 ġew impjegati żewġ ħaddiema ġodda. L-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi ħarġu fit-2 ta' Marzu 1999
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Bibljoteka mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu bejn il-5 ta' Jannar 2000 u l-10 ta' Settembru 2000 ma ġiet impjegata ebda persuna minn barra s-servizz mal-Bibljoteka Nazzjonali.
Jista' l-Ministru jikkonsidra l-bżonn li jgħin finanzjarjament lill-isportivi Maltin li kisbu suċċess fl-aħħar European Quarter Mile Race, sabiex għall-kampjonat Ewropew li jmiss jipparteċipaw fl-events kollha bil-għajn li jinkisbu suċċessi aħjar?
Jista' jara li ssir laqgħa sabiex jiġu reġistrati l-bżonnijiet ta' dawn l-isportivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa' kellu l-opportunita` jispjega fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari ġejt informat li normalment għaqdiet sportivi jitolbu għajnuniet qabel ma jipparteċipaw f'xi kompetizzjoni barra minn Malta. Dawn it-talbiet anke jkunu sostanzjati minn sistema ta' l-ispejjeż li se jiltaqgħu magħhom.
Peress li l-attivita` li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru diġa` saret, mhux possibbli li tingħata għajnuna retroattiva.
Fil-futur, jekk dawn l-isportivi jħossu l-bżonn li jitolbu għajnuna finanzjarja għandhom jagħmlu t-talba tagħhom qabel ma ssir l-attivita`.
Jista' l-Ministru jikkonferma bil-progress ta' l-applikazzjoni tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li applikat sabiex tattendi l-korsijiet ta' l-Ingliż li jiġu organizzati filgħaxija mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjon?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna li isimha intbagħat separament qiegħda l-wieħed u erbgħin waħda fuq il-lista.
S'issa infetħet il-klassi li wegħdna fuq il-Prospett tal-korsijiet ta' Filgħaxija, bi 30 persuna.
Jekk ikun hemm xi studenti li ma jattendux il-lezzjonijiet fl-ewwel ftit ġranet, jissejħu dawk li qegħdin fuq il-'waiting list'.