Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta hiex bi ħsiebha tgħaddi l-amminstrazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ħaddiema tax-Xatt li jinsab fi ħdanha, lil terzi privati? Jekk dan huwa l-każ, jista’ jgħid x’se jsir mill-impjegati ta’ Transport Malta li bħalissa jaħdmu f’dan l-uffiċċju, x’inhuma d-dettalji finanzjarji tal-arranġament li sar, jekk inħarġitx sejħa pubblika għall-offerti u, jekk le, għalfejn?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx ħsieb li Transport Malta tgħaddi l-amminstrazzjoni tal-Uffiċċju tal-Ħaddiema tax-Xatt lil terzi privati.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — fondi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' ideat u proġetti ġodda li se jitressqu mill-aġenziji, l-awtoritajiet, l-azjendi u l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jitwettqu minn fondi Ewropej?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru ikkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fi Triq il-Mellieħa fil-Manikata, liema xogħol kien inbeda f’Jannar 2013? Meta hu mistenni li tinfetaħ din it-triq? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pjanijiet li kien hemm bejn l-amministrazzjoni preċedenti u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-pjazza tal-Manikata tingħalaq għat-traffiku u ssir waħda pedonali, għadhomx se jidħlu fis-seħħ? Jekk iva, dan meta mistenni li jsir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-triq imsemmija mixjin skont il-pjanijiet u x-xogħol ser ikun lest fil-ġimgħat li ġejjin. Transport Malta qed tanalizza l-proposta mibgħuta mill-perit tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa f’Settembru 2013 u għal dan il-għan, riċentament intbagħtet talba għal iktar informazzjoni lill-istess perit. Kif din l-informazzjoni tkun għand Transport Malta, ikun jista’ jiġi konkluż l-assessment tal-applikazzjoni bir-rakkomandazzjoni fuq il-proposta magħmula.
Peress li f’domandi parlamentari kelli risposti li jindikaw li Transport Malta ħarġet numru ta’ twissijiet lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baġar matul l-aħħar sentejn, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mit-twissijiet li ħarġu fil-fatt inbidlu f’enforcements fuq l-istess kunsill lokali u dan għal perijodu 2012/2013?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li d-Direttiva Ministerjali li kienet inħarġet fis-27 ta’ Marzu 2008, rigward l-infurzar tal-kunsilli lokali ma laħqitx l-għanijiet tagħha u għaldaqstant l-Transport Malta waqqfet il-ħruġ ta’ ittri ta’ nfurzar f’Lulju tas-sena 2013. Jinħarġu biss ittri ta’ notifikazzjoni bil-għan li dawn jiġu riżolti b’diskussjoni u b’volonta’ tajba mill-kunsilli lokali rispettivi. Fejn tali każijiet xorta ma jiġux riżolti, l-Awtorita’ tirriżerva d-dritt li tieħu l-azzjoni neċessarja min-naħa tagħha.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5672, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi ġodda dwar din l-istess zebra crossing u t-talbiet għaċ-ċaqlieq tagħha? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza li rċieva mingħand il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Mandat ta’ Inibizzjoni, li ġie magħmul minn terzi kontra Transport Malta u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, li kien relatat ma’ tali wessiegħ ta’ bankina fi triq it-Turisti, ġie miċħud fis-27 ta’ Settembru 2013. L-Awtorità ma rċeviet l-ebda korrispondenza mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Bahar f’dan ir-rigward iżda saret laqgħa bejn il-partijiet ikkonċernati u sar qbil li l-kunsill jissottometti l-proposta tiegħu sabiex din tiġi eżaminata mill-Awtorità.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm għal dak li jirrigwardja enforcements jew passi oħra li ttieħdu minn Transport Malta għal dak li jikkonċerna zebra crossing li hemm qrib il-bus terminus tal-Qawra f'San Pawl il-Baħar u li fuqha hemm ukoll xi proċeduri legali?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7517.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3822, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar hekk kienx hemm talbiet ġodda għal zebra crossing jew pelican lights fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar? Jista’ jagħti ukoll informazzjoni dwar jekk kienx hemm approvazzjonijiet jew refusals ġodda għal zebra crossings f’din il-lokalità mid-data tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari sal-lum?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm talba oħra għal zebra crossing fi Triq San Pawl iżda din it-talba ġiet miċħuda għax diġa teżisti zebra crossing oħra f’distanza ta’ 70 metru minn din mitluba.
Is-Salina – faċilitajiet ta’ catering/rikreazzjoni
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3824, jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm żviluppi ġodda għal dak li jirregwardja l-faċilitajiet ta’ catering/rikreazzjoni li jistgħu jinfetħu fis-Salina, fejn qed isir ir-restawr tas-salini?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm żviluppi ġodda.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — Laqgħat ma’ Ambaxxaturi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra ma’ liema ambaxxaturi ltaqa’ tul is-sena li għaddiet? Jista’ jindika x’ġie diskuss?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa saru laqgħat mal-Ambaxxaturi taċ-Ċina, Spanja, Kuwajt, Stati Uniti, Italja, mal- British High Commissioner, mal-Ambaxxaturi tal-Awstrija, Russja, Indja, Turkija u Olanda. Matul dawn il-laqgħat ġew diskussi temi varji fuq suġġetti diversi fosthom dawk li jirrigwardaw it-trasport inġenerali, infrastruttura, toroq, tiftix taż-zejt kif ukoll kif tista’ tinġieb għajnuna fuq dawn l-oqsma minn dawn il-pajjiżi. Saru diversi talbiet biex isiru laqgħat ma’ Ambaxxaturi oħra, li pero’ minħabba impenji oħra ta’ xogħol kellhom jiġu skedati għall-iktar il quddiem.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta issa ffinalizzatx il-programm tax-xogħol tagħha għat-toroq li se jsiru matul din is-sena? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar liema toroq f’kull lokalità tas-7, l-11 u t-12-il distrett elettorali hu mistenni li jsiru matul din is-sena? Meta ħarġu jew se joħorġu t-tenders għal dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6936.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatment peress li għandu problema fuq ir-reġistrazzjoni ta’ karozza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li Transport Malta għamlet kuntatt mal-individwu kkonċernat u se tara kif tista’ tassistih sabiex tinstab soluzzjoni għal dan il-każ tiegħu.
Ir-Rabat (Għawdex) – Triq Taħt Putirjal — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li t-triq fi Triq Taħt Putirjal ir-Rabat (Għawdex), liema triq tgħaddi mal-ġenb tal-playing field, ilha magħluqa għal dawn l-aħħar ġimgħat? Jista’ jgħid jekk hemmx bżonn isiru xi xogħlijiet f’din it-triq, u fil-każ meta hemm il-ħsieb li dawn jiġu mwettqa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ingħalqet għat-traffiku wara li ftit tal-ġimgħat ilu ġie innutat xi ċaqliq u konsenturi fir-retaining wall li jżomm l-area ta’ ħdejn it-triq, fejn hemm it-terminus tat-trasport pubbliku, u għalhekk kien hemm bżonn li bħala miżura ta’ prekawzjoni l-imsemmi ħajt jiġi msaħħah minn naħa ta’ barra b’mod proviżorju. Konsegwenza ta’ dan, it-triq ser ikollha tibqa magħluqa għax hija dejqa. Hemm ukoll problema fit-terminus għax il-bankini li saru fl- 2012 bħala parti mix-xogħlijiet ta’ riforma tat-trasport, inqassmu kollha.
Sadanittant komplew isiru l-istudji meħtiega u bħalissa qed jitħejja rapport dwar l-istat tal-ħajt u s-soluzzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati.
Din hija biss parti żgħira mill-problemi kbar li il-Ministeru tiegħi wiret mill-amministrazzjoni preċedenti. Għalhekk filwaqt li inħarsu lura biex nitgħallmu mill-iżbalji li saru minn ħaddieħor, niffukaw ħarsitna ‘l quddiem biex insaħħu is-sigurta’ fit-toroq tagħna.
Ir-Rabat (Għawdex) – Triq Borg Olivier – Irranġar ta’ Ħajt tal-Parkeġġ
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-ħajt tal-parkeġġ li hemm fi Triq Borg Olivier, ir-Rabat (Għawdex), liema ħajt jinsab fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan il-parkeġġ, jiġifieri fi Triq San Ġużepp Labre, isirlu x-xogħlijiet meħtieġa peress li l-istess ħajt jidher li hu fi stat imminenti li jiġġarraf?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru ikkonċernat.
Transport Malta — Triq it-Tnax ta' Mejju - Irranġar ta' triq
Question
Jista' l-Ministru jara jek hux posibbli li Transport Malta tindaħal biex tiġi rranġata l-parti ta' fuq ta' Triq it-Tnax ta' Mejju f'Ħaż-Żebbuġ il-parti viċin tar-Rabat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq it-12 ta’ Mejju f’Ħaż-Żebbug, hija triq li taqa` taħt ir-responsabbilta` tal-kunsill lokali. F’każi bħal dawn Transport Malta tgħin skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jara li jiġi indirizzat il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li kellu l-liċenzja biex issuq mutur iżda allegatament Transport Malta neħħewlu din il-liċenzja bi żball?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li dħalna fil-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament u li allegatament Transport Malta bi żball neħħietlu il-liċenzja biex isuq il-mutur.
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ma kellhiex dokumenti fir-rekords tagħha li juru li l-klijent in kwistjoni kellu l-kategorija tal-liċenzja biex isuq il-mutur. Bħalma tagħmel l-Awtorita’ f’każijiet simili, talbet lill-klijent sabiex jipprovdi l-affidavits konċernati, u wara dan hu ġie kkuntattjat sabiex jiltaqa’ ma’ uffiċċjal tal-Awtorita’ fil-jiem li ġejjin. Hekk kif il-klijent isirlu ittestjat permezz ta’ assessment għall-profiċenza fis-sewqan għal kategorija tal-mutur, l-Awtorita’ tkun f’pożizzjoni li tikkunsidra li tagħhti l-klijent l-istess kategorija tas-sewqan.
Infurmat ukoll li l-imsemmi klijent għandu fil-pussess tiegħu wkoll liċenzja maħruġa mill-Awstralja. Hu kien ġie infurmat li skont il-liġi mhux permess li wieħed ikollu żewġ liċenzji tas-sewqan, u li sad-data tal-lum il-klijent għadu ma rritornax għand l-Awtorita’ waħda minn dawn il-liċenzji.
Ħal Qormi – Triq Valletta – xogħlijiet fuq tappiera
Question
Jista’ l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq it-tappiera li tinsab fi Triq Valletta, f’Ħal Qormi ħdejn Zammit Nurseries peress li meta tagħmel ix-xita, qiegħed jiżbroffa d-drenaġġ barra t-triq? Jista’ jikkuntatja lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex jindika fejn qiegħda l-problema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta’ Transport Malta u għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — top Management Positions
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw top management positions fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marza s’issa? Jista’ jipprovdi lista ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. interpellant jispeċifika għal-liema management positions qed jagħmel referenza għalihom.
Issa li tħabbru l-iskedi li fuqhom suppost jibda jopera s-servizz tat-trasport pubbliku f'Malta u f’Għawdex, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kif se jiżdiedu l-miljun kilometru ta' rotot li ssemma diversi drabi matul il-ġimgħat li għaddew, u li suppost se jkunu miżjuda mal-kilometraġġ li kien isir taħt l-iskedi l-qodma?
Response (MIZZI, JOE)
Tajjeb infakkar lill-Onor. Interpellant li sa mill-ewwel ġranet tat-tmexxija ta’ dan il-Gvern, ridna nagħmlu analiżi tas-sitwazzjoni li writna biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem fil-qasam tat-trasport pubbliku f’pajjiżna. Konferma ta’ dan huwa dak li ġet indikat fl-istess rapport tat-telfa tal- Partit Nazzjonalista, fejn intqal hekk “Ir-riforma fit-trasport pubbliku kienet meħtieġa. Madankollu, inħolqu aspettattivi għoljin ħafna, saru ħafna żbalji u ġiet implimentata b’mod mgħaġġel wisq, bil-konsegwenza li l-ewwel reazzjoni kienet li ir-riforma ma kienetx suċċess. Dan baqa’ jinħass għal ħafna xhur wara li bdiet titwettaq ir-riforma.”
Għalhekk bdejna b’konsultazzjonijiet mal-pubbliku, fejn smajna is-suġġerimenti u kritika ta’ min juża s-servizz, min jaħdem fis-servizz u min jipprovdieh kif ukoll tajna każ ta’ dak li intqal fuq il-
media
lokali.
Barra minn hekk, iltqajna anke mal-Kunsilli Lokali fejn stedinnihom iressqulna s-suġġerimenti tagħhom. Din kienet konsulenza li għaliha, ma ħriġna xejn mill-but, mhux kif għamel Gvern preċedenti li nefaq kważi 900,000 ewro f’konsulenzi.
Wara li evalwajna s-suġġerimenti u l-ilmenti kollha, kien jidher ċar li l-poplu, wara sentejn mid-dħul tal-Arriva f’Malta, ma kienx moqdi.
Għalhekk, beda proċess sħiħ biex jitfassal pjan dwar rotot li jilħqu l-ħtiġijiet u x-xewqat tal-pubbliku, ibbażat fuq l-ilmenti u s-suġġerimenti li waslulna. Għidna li se nlestu dan il-pjan sa’ Novembru 2013 iżda fil-fatt, lestejna qabel.
Meta ir-rotot il-ġodda ġew issottomessi lill- Arriva, irriżulta li l-istess kumpanija kienet falluta u riedet tillikwida u għaldaqstant dawn ir-rotot ma setawx jiġu attwati. F’din is-sitwazzjoni ħdimna biex il-kumpanija ma tillikwidax għax konna ser nispiċċaw mingħajr trasport pubbliku u l-ħaddiema jispiċċaw mingħajr xogħol. Wara diskussjonijiet iebsin imma kordjali, intleħaq ftehim biex il-kumpanija jeħodha l-Gvern għal żmien tranżitorju sakemm jidħol operat ġdid. Issa li ħarġet l- Expression of Interest biex finalment jintgħażel operatur ġdid, din l- Expression of Interest torbot lil min jieħu l-operat tat-trasport pubbliku, li ir-rotot li kienu ġew sottomessi lill- Arriva f’Ottubru li għadda ikunu il-bażi illi l-operatur il-ġdid jopera fuqu.
Fil-kuntest ta’ dan kollu ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żieda fil-kilometraġġ hija dovuta minħabba diversi fatturi fosthom:
- Żieda fil-frekwenzi minn u lejn il-Belt f’ċertu ħinijiet ta’ filgħodu u wara nofsinhar (rush hours);
- Introduzzjoni ta’ rotot ġodda biex jaqdu aħjar lil dawk il-lokalitajiet/akwati li jew s’issa m’għandhomx servizz inkella m’humiex moqdija sew;
- Tibdil f’rotot eżistenti biex jagħtu servizz aħjar bħar-rotot tal-isptar;
- Żieda fil-frekwenzi ta’ xi rotot meta domanda għalihom normalment tkun aktar għolja f’ċertu żminijiet tas-sena.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-proposti li saru mill-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar li ġew aċċettati biex jiġu nkorporati fl-iskedi tat-trasport pubbliku li fuqhom suppost se jkun qed jaħdem l-operatur il-ġdid tat-trasport meta jidħol fis-seħħ l-arranġament ma’ dan l-operatur?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel ma ġew iffinalizzati dawn ir-rotot kien sar proċess ta’ konsultazzjoni estensiv mal-pubbliku inġenerali anke permess ta’ laqgħat mal-Kunsilli Lokali, kif ukoll tajna widen għall-ilmenti u suġġerimenti li l-pubbliku kien iressaq permezz tal-mezzi tal- media lokali kollha. Qabel ma’ dawn ir-rotot il-ġodda ġew mgħoddija lill-kumpanija Arriva Malta Ltd., reġa kien hemm laqgħat mal-Kunsilli Lokali kollha u fejn kien hemm xi dubji dawn ġew ikkjarifikati. Nenfasizza ukoll li dawn l-istess rotot huma il-bażi li fuqha ser jibda jopera l-operatur il-ġdid u li huma ippubblikati fl-Expression of Interest li għadha kemm ħarġet.
Il-proposti li saru kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar tista’ tgħid li kollha ġew milqugħa. Fost dawn is-suġġerimenti kien hemm:
1. It-tneħħija tar-Rotta 101 minn ġewwa t-toroq residenzjali fil-Mellieħa;
2. Żieda fil-frekwenza tar-Rotta 42 minn 60 għal 30 minuta;
3. Trasport pubbliku aħjar biex iservi l-akwati tal-Gillieru, Pijunieri u l-Qawra ġewwa San Pawl il-Baħar lejn il-Belt;
4. Servizz aħjar għar-residenti ta’ Triq Għajn Tuffieħa u l-akwata tal-Ballut;
5. Servizz ta’ trasport pubbliku għal Paradise Bay ġewwa ċ-Ċirkewwa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex ipprogrammat li jsiru proġetti relatati ma’ water culvert fil-Kottonera biex tiġi mtaffija sitwazzjonijiet ta' għarar f'diversi żoni ta' dawn il-lokalitajiet? Fejn se jsiru dawn il-water culverts? Kemm ġejjin jiswew dawn il-proġetti, wieħed wieħed? Meta hemm il-ħsieb li jibdew u jispiċċaw dawn il-proġetti? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li tindika fejn se jsiru interventi f'dan is-sens fil-Kottonera?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-proġett relatat ma’ storm water culverts fil-Kottonera hu dak marbut mal-proġett tal-Baċir Nru 1 f’Bormla. Dan il-proġett jinkludi sistema ġdida ta’ culverts u titjib f’dik eżistenti fl-inħawi li jkopru Triq Santa Tereża, Piazza Gavino Gulia u toroq oħrajn fl-inħawi kif muri fi-site plan li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra (site plan A). Barra dan sar titjib u tindif fis-sistema tal-culverts f’Triq ix-Xatt ta’ Bormla, biswit il-Bacir Nru.1. Saret ukoll manutenzjoni u tindif ta’ storm water culvert fix-Xatt tal- Kalkara biex jiġu eliminati problemi ta’ għarar mix-xita. Huwa stmat li x-xogħol f’Pjazza Gavino Gulia ġie jiswa madwar 123,700Euros filwaqt li ta’ Triq ix-Xatt s’issa ġie jiswa madwar 60,720 Euros. F’dan il-każ għad jonqos xi xogħolijiet ta’ reinstatement. Dan ix-xogħol tlesta bħala parti mill-ewwel fażi tal- Proġett tal-Baċir Nru.1.
Inżid ukoll li hemm pjanat xogħol fi Triq San Nikola Bormla, fiż-żona magħrufha ta’ Verdala. Hawnhekk ser tittaffa l-problema ta’ għargħar billi ser isir
upgrade
u manutenzjoni tal-
culverts
li hemm, dan flimkien ma’ manutenzjoni w użu mill-ġdid ta’ infrastruttura oħra eżistenti. L-ispiża għal dan ix-xogħol għadha qiegħda tiġi ppreparata, filwaqt li
site plan
taż-żona fejn ser isir ix-xogħol qed titpoġġa ukoll fuq il-mejda tal-kamra (
site plan
B).