Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fgura — Triq l-Għarnuq - Servizzi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hemm ippjanat li l-parti tat-triq li jonqos li ssir ġewwa Triq l-Għarnuq, Fgura issir issa li s-servizzi għaddew kollha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, naturalment wara li jiġi assigurat li s-servizzi kollha meħtieġa jkunu tqegħdu fil-post.

Vetturi bil-mutur — Ħlas ta' liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' liċenzji ta' vetturi bil-mutur li m'humiex imħallsa skond il-liġi llum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` liċenzji ta` vetturi bil-mutur li m`humiex imħallsa skond il-liġi llum huwa 7887. Id-Dipartiment ikkonċernat ser jagħmel sforz biex flimkien mal-pulizija jara jekk dawn il-liċenzji fil-fatt humiex ta` vetturi li għadhom qed jintużaw, inkella ta` dawk li ġew `scrapped'.

Qormi — Tiswija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jindika meta hemm il-ħsieb li ssir Triq New Street off Triq il-Ħelsien, Qormi (qrib "Tal-Ħlas" pharmacy)? Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu rranġati l-open spaces li hemm qrib u bejn il-Housing Estate fuq Tal-Blat, Qormi u qrib il-Palazz l-Aħmar Street, Qormi/Santa Venera, jiġifieri fil-Housing Estate, li jiġi wara l-fabbrika tal-Canada Dry?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant huma kollha asfaltati u x-xogħol ta` titjieb fihom isir mill-Kunsill.

Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru signs/tabelli fit-triq prinċipali taż-Żebbiegħ sabiex ikunu ddentifikati aħjar it-Tempji Skorba fl-inħawi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex flimkien mad-Dipartiment tal-Mużewijiet iħejji pjan fuq skala nazzjonali biex isiru it-tabelli neċessarji għall-postijiet kollha ta`interess storiku.

Wied il-Għajn — Servizz tal-karozza tal-linja

Question

Wara diversi rappreżentazzjonijiet mill-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn u wara bosta lmenti mir-residenti, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li s-servizz tal-karozza tal-linja jiġi estiż għan-naħa tar-Ramla ta' San Tumas u n-naħa ta' Triq il-Qaliet f'Wied il-Għajn? Huwa possibbli li dan is-servizz jiġi estiż għan-naħa taz-Zonqor ukoll peress li dawn iż-żewġ naħat jinsabu fil-periferija ta' Wied il-Għajn u għal kollox maqtugħha minn fejn jgħaddi t-trasport bħalissa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku, il-Kunsill Lokali ta` Marsaskala u l-Għaqda tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja biex il-karozza tar-Rotta 20 tibda tgħaddi minn Triq il-Qaliet u toħroġ mir-Ramla ta` San Tumas. L-Awtorita` u l-Kunsill qed jistennew tweġiba finali min-naħa tas-sidien tal-karozzi tal-linja.

Ħaż-Żabbar — Toroq

Question

Billi naf li hi prijorita' tal-ħidma tal-Ministeru li jtejjeb it-toroq ta' pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jiġu rranġati Triq Gużeppi Micallef, Triq il-Ġilbiena, Triq l-Għasel u Misrah Alofju Wignacourt f'Ħaż-Żabbar li ilhom ħafna fi stat ħażin u li l-aċċess għalihom kważi jkun impossibbli fix-xhur tax-xitwa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, naturalment wara li jiġi assigurat li s-servizzi kollha meħtieġa jkunu tqegħdu.

Fgura — Tiswija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hemm ippjanat li l-parti tat-triq li jonqos li ssir ġewwa Triq il-Ġiżi kantuniera ma' Triq A. M. Valperga ġewwwa l-Fgura issir issa li s-servizzi għaddew kollha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser issir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, wara li jkun assigurat li s-servizzi kollha meħtieġa jkunu tqegħdu fil-post.

Żurrieq — Vjal ix-Xarolla

Question

Jaf il-Ministru li Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq saret triq prinċipali? Jista' jgħid meta huwa maħsub illi din it-triq titwessa' peress illi dik eżistenti hija waħda dejqa li kienet intiża biex isservi ta' service road?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għad m`hemmx pjanijiet biex Vjal ix-Xorolla titwessa`. Jien infurmat ukoll li għalkemm din it-triq saret tintuża sew mit-traffiku, il-volum għadu ma laħaqx livell tali li jkun jirrikjedi it-twessiegħ tagħha.

Toroq — Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq li se jiġu nklużi fil-programm tal-gvern ta' titjib ta' l-istat ta' 75 kilometru ta' toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-programm ta` xogħolijiet għadu qiegħed jitfassal u informazzjoni dwaru tkun tista` tingħata aktar `il quddiem, meta jkun tfassal kollu.

Triq Taċ-Ċawsli — Tiswija

Question

Peress li t-triq li mill-Mina ta' Hompesch (Żabbar) tagħti għaż-Żejtun (magħrufa bħala Triq taċ-Ċawsli) hi arterja prinċipali u traffikuża ħafna, u peress li f'xita qawwija din il-parti tat-triq issir baħar wieħed li jitla' 'l fuq mill-bankina u qed jagħmel ħsara lil ħitan tad-djar, jista' l-Ministeru tiegħu jieħu passi biex din is-sitwazzjoni tiġi rranġata fl-iqsar żmien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jinvestiga din il-problema u jirrikmanda x`jista jsir.

Distrett Nru. 2 — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi programm ta' xogħlijiet hemm imħejjija fuq l-asfaltar tat-toroq fil-lokalitajiet tat-Tieni Distrett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-programm ta` xogħolijiet għad-diversi lokalitajiet qiegħed jitfassal u informazzjoni dwaru tista` tingħata aktar `il quddiem.

Trasport pubbliku — Rotta Nru. 8

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed jinżamm il-ħin tar-rotta Nru. 8 (tal-Gudja) peress li qiegħed ikun hemm ħafna ilmenti mir-residenti? Jekk le, x'pożizzjoni se tieħu l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li dan l-aħħar is-servizz ta-Rotta 8 beda jaħdem fuq bażi ċirkolari bir-riżultati li naqsu l-ilmenti msemmija mill-Onor. Interpellant.

Tarxien — Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq Xintill sa Triq is-Sorijiet, Tarxien minħabba l-problemi li qed ikollhom ir-residenti u l-istudenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq ix-xintill sa Triq is-Sorijiet kienet asfaltata żmien ilu u għalhekk id-deċizjoni biex isir resurfacing trid tittieħed mill-Kunsill Lokali.

Santa Luċija — Triq il-Prinjoli - Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq il-Prinjoli, Santa Luċija, tingħata t-tarmak?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq il-Prinjoli kienet asfaltata żmien ilu u għalhekk id-deċiżjoni biex isir resurfacing trid tittieħed mill-Kunsill Lokali.

UE — Sħubija

Question

Issa li Malta inattivat l-applikazzjoni tagħha għall-isħubija fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' fondi li nistgħu nibbenefikaw minnhom għall-infrastruttura u bini ta' toroq? F'liema timeframe qegħdin nistennew dawn il-fondi ġejjin? Fi żmien sitt xhur? Fi żmien sena? Fi żmien ħames snin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill- Onor. Interpellant għar-risposta ta` PQ 999.

Karozzi — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati karozzi godda xahar b'xahar din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` karozzi ġodda xahar b`xahar din is-sena huwa kif jidher hawn taħt: Jannar 550 Frar 539 Marzu 676 April 777 Mejju 687 Ġunju 747 Lulju 865 Awissu 885 Settembru 907 Ottubru 965 Total 7,598

Toroq — Tiswijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1163 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe', jista' l-Ministru jgħid jekk it-toroq u r-rampa li kienu jeżistu għall-persuni b'diżabilita' fid-daħla tat-triq iċ-Ċimiterju ta' Marija Addolorata, Raħal Ġdid u nqalgħu mal-proġett li sar, humiex se jerġgħu jsiru peress li qiegħed ikun ta' inkonvenjent kbir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jerġgħu jinbnew ir-rampi li ndika l-Onor. Interpellant.

Tarxien — Triq il-Vittmi tal-Gwerra

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq il-Vittmi tal-Gwerra, f'Ħal Tarxien minħabba l-problemi li qed ikollhom ir-residenti u l-istudenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, u dan meta jkunu tlestew is-servizzi kollha meħtieġa.

Tarxien — Triq Pawlu Schembri

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq Pawlu Schembri, f'Ħal Tarxien minħabba l-problemi li qed ikollhom ir-residenti u l-istudenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, u dan meta jkunu tlestew is-servizzi kollha meħtieġa.

Tarxien — Triq Dun Mikiel Vella - Asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq Dun Mikiel Vella, Tarxien minħabba l-problemi li qed ikollhom ir-residenti u l-istudenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li Triq Dun Mikiel Vella kienet ġiet asfaltata żmien ilu għalhekk id-deċiżjoni biex isir resurfacing trid titieħed mill-Kunsill Lokali.