B’referenza għat-twegibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 8505 u 12365, jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mir-rilokazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 8505.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12366, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Fondazzjoni V-18 tagħmilx management accounts u jekk tagħmilhom, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar set, peress li fit-tweġiba l-Ministru poġġa l-financial statements u mhux il-management accounts?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hi prassi li l–Management Accounts jiġu ppreparati għall-użu intern tal-Management u għaldaqstant ma jkunux jistgħu jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 9939 u 12367, minħabba li l-inizjattivi li jissemmew huma ta’ natura temporanja u mhux neċessarjament se jwasslu għal titjieb soċjali (b’mod partikolari fil-parti t’isfel tal-Belt), jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanati proġetti li minnhom se jibbenefikaw ir-residenti Beltin b’mod tanġibbli bħal infrastruttura lokali, proġetti soċjali u/jew investiment aktar permanenti fil-qasam edukattiv?
Response (BONNICI, OWEN)
M’għandix dubju li l-Onor. Interpellant japprezza li l-Belt Valletta u r-residenti se jgawdu minn benefiċċji sostanzjali minn proġetti bħalma huma s-segwenti:
a) Ir-rinovazzjoni tal-ispazju li jinsab fl-iskola primarja ta’ Sant’Iermu għal użu komunitarju
b) Ir-riġenerazzjoni ta’ Strada Stretta
ċ) L-iżvilupp tal-Biċċerija f’hub kreattiv
d) It-titjib fl-infrastruttura inġenerali tal-Belt Valletta
e) Il-ftuħ tal-Forti Sant’Iermu wara r-rinovament li sarlu permezz ta’ fondi Ewropej
f) Il-ftuħ mill-ġdid tas-Suq tal-Belt
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12369, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sit alternattiv għall-futbol grawnd ta’ Valletta FC instabx?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali — persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali — persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13884, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-individwu li kien issemma fl-istess mistoqsija parlamentari qed jagħmel l-istess xogħol li kien jagħmel meta kien impjegat mal-kuntrattur, fosthom anke li kien jassumi r-responsabilità ta’ xufier taċ-Chairperson fl-assenza tax-xufier proprju?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minbarra dak li ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13884, il-persuna msemmija qed tagħmel ukoll ix-xogħol li kien jagħmel qabel.
Jista’ l-Ministru jispjega x’ried ifisser is-CEO ta’ Heritage Malta bil-kliem: “Għandha ħafna x’nagħmlu u ma noqogħdux nintilfu bħala aġenzija fuq affarijiet personali” waqt il-laqgħa tal-management li saret nhar it-Tlieta, 27 ta’ Jannar f’Ħaġar Qim? Jidhirlu l-Ministru li dan ma kienx kumment f’waqtu u li seta’ urta ħafna mill-managers preżenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Filwaqt li qed jiġi espress dubju dwar kemm il-kwotazzjoni hija korretta, ninsab infurmat li l-kuntest li fih intqal dan il-kliem kien sabiex Heritage Malta twettaq il-proġetti kbar li hija impenjata fihom matul din is-sena u kif għandha bżonn il-kontribut attiv ta’ kulħadd. Dawn il-proġetti se jkunu ta’ prijorità ewlenija, u għalhekk għalissa l-miri individwali ta’ dipartimenti partikolari jkollhom jingħataw importanza sekondarja.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13595, ma jidhirlux il-Ministru li tirriserva jumejn fil-ġimgħa trasport għad-dipartiment tal-istores huwa ftit meta dawn il-ħaddiema jridu jlaħħqu mas-siti kollha mxerrda ma’ Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-frekwenza tat-trasport għall-ħaddiema tal-istores tista’ tiżdied. Il-frekwenza tat-trasport tiżdied meta jinħass il-bżonn li dan isir.
Heritage Malta – impjegati li ġġeddewlhom is-servizz wara l-pensjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk minn Marzu 2013 kienx hemm impjegati ta’ Heritage Malta li ġeddewlhom is-servizz tagħhom wara l-pensjoni tal-irtirar? Jekk fl-affermattiv, kemm kien hemm ħaddiema, f’liema gradi u minn liema dipartiment/sezzjoni ġejjin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa issa kien hemm impjegat wieħed fi grad ta’ coordinator mid-Dipartiment tal-istores li kellu estenzjoni ta’ sitt xhur.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14080, jista' l-Ministru jgħid liema kienet il-professjoni li l-persuna ġiet ingaġġata taħdem fiha? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sejħa tal-ETC li għaliha qed jirreferi l-Ministru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-persuna ġiet ingaġġata bħala Legal Officer mal-Kunsill Malti għall-Arti u kif diġa ntqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 14080 dan l-ingaġġ sar wara sejħa tal-ETC.
Il-Vacancy number ta’ l-ETC huwa 273862.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-proċeduri l-Kunsill Malti għall-Arti ma jkollux għandu kopja tas-sejħa ta’ l-ETC, iżda minflok il-Kunsill jirċievi mingħand l-ETC dokument mingħand din il-korporazzjoni li jikkontjeni lista tal-kandidati li applikaw.
Nifhem li l-Onor. Interpellant jaqbel miegħi li m’huwiex opportun li mperreċ mal-erbat irjieħ l-ismijiet tal-kandidati li applikaw għas-sejħa tal-ETC.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża abbinata ma’ training u CPD programme f’Heritage Malta matul is-sena 2014?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta l-ispiża ta’ Heritage Malta abbinata ma’ training u CPD programme għall-2014 kienet tammonta għal €16,279.43
Għandi nifhem li l-Onor Interpellant jemmen kemm fit-training u kemm f'CPD initiatives għall-impjegati tal-Aġenzija u jemmen ukoll li kull Ewro investit f'dan il-qasam hu investiment dirett fil-ħaddiema nfushom.
Il-Belt — Palazz tal-Granmastri – kontroll taħt Heritage Malta
Question
Darba li l-Parlament imur fil-binja l-ġdida, jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta hux se tieħu l-kontroll tal-binja kollha tal-Palazz?
Response (BONNICI, OWEN)
Onestament, ma fhimtx jekk l-Onor. Interpellant huwiex qed jissuġġerixxi li l-President ta’ Malta m’għandux jew m’għandhiex jibqa’ jokkupa partijiet tal-Palazz tal-President. Jekk dak huwa li qed jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant, jiena ma naqbilx ma dana s-suġġeriment. Naturalment, wara li l-Parlament imur fil-binja l-ġdida, Heritage Malta se tilgħab rwol kruċjali fl-amministrazzjoni ta’ partijiet tal-Palazz tal-President b’konsultazzjoni sħiħa ma’ esperti fis-settur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi enforcement notices tal-MEPA relatati mal-uffiċċji ta’ Heritage Malta? Jekk fl-affermativ, x’mi¿uri ħadet l-Aġenzija biex din il-kwistjoni tiġi riżolta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li m’ hemm l-ebda enforcement notice tal-MEPA relatata mal-uffiċċji ta’ Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid għala Heritage Malta organizzat open day fis-siti u l-mużewijiet tagħha kollha fi żmien li ma kienx previst, fl-istess ġurnata meta l-Fondazzjoni Wirt Artna organizzat ukoll open day li kienet reklamata ħafna qabel fil-Batterija tal-Mistra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Heritage Malta organizzat open day fl-1 ta’ Frar 2015 bħala l-kontribut tagħha għall-Gimgħa tas-Servizz Pubbliku organizzata mill-Uffiċju tal-Prim Ministru
Heritage Malta –kunflitt ta’ interess ta’ impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif Heritage Malta tiddefinixxi t-terminu ta’ kunflitt ta’ interess fejn jidħlu l-impjegati tagħha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Heritage Malta tiddefinixxi l-kunflitt t’ interess fejn jidħlu l-impjegati bl-istess mod kif it-terminu jiġi definit fil-Public Service Management Code.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338 fejn il-Ministru informa li s-CEO ta’ Heritage Malta ngħata l-massimu tal-performance bonus, jiġifieri 15%, filwaqt li l-heads ingħataw 13.5%, jista’ l-Ministru jispjega r-raġunijiet għaliex is-CEO ngħata l-massimu tal-punti fejn jidħol il-kriterju tal-ERDF projects filwaqt li l-heads ingħataw biss 17/20 fuq dan il-kriterju? Jekk is-CEO ħa l-massimu, x’inhi r-raġuni li l-heads ma ngħatawx il-massimu bħalu u x’miżuri ħa jittieħdu sabiex il-miri stabbiliti jintlaħqu kollha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li f’kull każ il-persentaġġ tal-performance bonus ingħata bl-aktar mod ġust.
Inċidenti f’Għawdex — talba għall-kumpens għal ħsarat lill-kunsili lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba għal kumpens saret lill-kunsilli lokali f’Għawdex għal ħsarat li ġarrbu persuni fil-vetturi tagħhom f’Għawdex konsegwenza ta’ inċidenti fit-toroq li ġraw minħabba toroq mhux miżmuma tajjeb, mill-1 ta’ Settembru 2014 sal-lum? Jista’ jgħid kemm-il talba saret lil kull kunsill lokali f’Għawdex? Jista’ jgħid x’tip ta’ ħsarat kienu u kemm kienu l-ammonti mitluba minn dawn il-persuni għall-ħsarat li ġarrbu fil-vetturi tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, skont kif miġbura mill-Kunsilli Lokali ta’ Għawdex.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — positions of trust
Question
Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jiġi deċiż min jieħu l-kustodja tat-tfal, jekk hux ir-raġel jew l-mara, f'każ ta' separazzjoni? F'dawn l-aħħar ħames snin, x'inhi l-istatistika ta' min ingħata l-kustodja tat-tfal u għal liema raġuni?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-kriterju fondamentali fl-għoti tal-kustodja tat-tfal f’ każijiet ta’ separazzjoni huwa l-aħjar interess tat-tfal. L-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ssir wara li l-Qorti teżamina l-fatti ta’ kull każ u dan kemm jekk il-Qorti tkun qed tiddeċiedi dwar il-kustodja waqt li tkun pendenti l-kawża ta’ separazzjoni kif ukoll jekk tkun qed tiddeċiedi dwar il-kustodja fi tmiem il-kawża.
Il-Qorti dejjem għandha d-dritt illi tirrevoka l-kustodja u tista’ ukoll tafda l-kustodja ta’ tfal f’idejn persuni li ma jkunux il-ġenituri naturali tagħhom, dejjem jekk tiddeċiedi illi dan ikun fl-aħjar interess tal-benesseri tat-tfal.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qatt ma kienet prassi li tinżamm statistika dwar lil min tingħata l-kustodja.