B'riferenza għall-avviż legali 205/2004 u senjetement għall-klawsola 5(3), billi d-dipendenti ta' ċittadini ta' l-Unjoni li jkunu mpjegati f'Malta - anke jekk dawn id-dipendenti huma ċittadini ta' pajjiż terz - għandhom id-dritt li jinħarġilhom permess għal residenza kif ukoll id-dritt li jibdew attivita' bħala impjegati f'Malta, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-konfront ta' dawn id-dipendenti jinħarġilhomx work permit awtomatikament bħal fil-każ ta' ċittadin ta' l-Unjoni jew inkella japplikaw ir-restrizzjonijiet għal ħruġ ta' work permit li għadhom fis-seħħ għal ċittadini ta' pajjiżi li mhumiex imsieħba fl-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk il-work permit joħroġx awtomatikament jew bir-restrizzjonijiet li għadhom fis-seħħ fil-konfront ta' dipendenti li huma ċittadini ta' pajjiż terz fiċ-ċirkostanzi kontemplati fil-klawsola 7(1)(b) u klawsola 8(4) ta' l-istess avviż legali 205/2004?
Response (BORG, TONIO)
Id-dipendenti ta' Ċittadini ta' l-Unjoni, anke jekk huma Ċittadini ta' Pajjiż Terz, li huma msemmija fir-regolamenti 5(3), 7(1)(b) u 8(4) ta' l-Avviż Legali 205/2004 - Regolamenti ta' l-2004 dwar l-Immigrazzjoni, jekk japplikaw għal liċenzja ta' l-impjieg (work permit), din il-liċenzja tinħarġilhom ukoll awtomatikament.
Dan japplika biss sakemm ma tkunx ħarġet xi Ordni taħt ir-regolament 5(7), din l-Ordni tkun tapplika kemm fil-każ ta' Ċittadini ta' l-Unjoni kif ukoll fil-każ tad-dipendenti tagħhom, fejn ikun ġie indikat li l-għoti ta' liċenzja fis-settur jew l-okkupazzjoni partikolari li għaliha saret l-applikazzjoni joħloq jew jista' joħloq tfixkil fis-suq tax-xogħol.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet il-popolazzjoni ta' l-inmates fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 s'issa ta' irġiel u nisa u jgħid ukoll għal liema reati jew offiżi dawn kienu jew għadhom qegħdin fl-istess Faċilita' Korrettiva? Jista' jagħti wkoll tagħrif għall-istess snin indikati fuq l-istess persuni dwar il-pieni mogħtija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'sens jagħmel li permessi tal-ħwienet fil-lokalita' ta' Bormla jħallsu daqs 1iċenzji f'lokalitajiet u toroq aktar kummerċjali bħal The Strand, Gżira, Msida Sea Front, Valley Road, Birkirkara eċċ.? Jista' jgħid jekk għandux il-ħsieb li jirriduċi dan il-ħlas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Appartamenti tal-gvern — Ħlas ta' kontijiet tad-dawl fil-parti komuni
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilta' biex jitħallas il-kont tad-dawl fil-parti komuni ta' appartamenti tal-gvern? Jekk huwa ta' l-inkwlini, jista' jgħid x'jiġri jekk wieħed mill-inkwlini jirrifjuta li jħallas?
Response (BORG, TONIO)
Sa llum il-prassi dejjem kienet li l-ħlas tal-kont tad-dawl fil-parti komuni tal-appartamenti proprjeta' tal-gvern li huma amministrati mill-Kummissarju ta' l-Artijiet isir mid-Dipartiment ta' l-Artijiet.
Rigward dawk l-appartamenti li ġew mikrija mill-Aworita' tad-Djar, l-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema lokalitajiet jinsabu r-residenzi mikrija mill-uffiċċju konġunt lill-inkwlini? Kemm hu d-dħul tal-kera flimkien fis-sena? Kemm hu l-ogħla kera? Kemm hu l-orħos kera?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Konġunt jamministra 1,789 postijiet mikrija bħala residenzi fil-lokalitajiet elenkati hawn taħt:
Attard
Lija
Safi
Baħar iċ-Ċagħaq
Luqa
San Ġiljan
Balzan
Marsa
San Pawl il-Baħar
Birgu
Mdina
Santa Venera
Birkirkara
Mellieħa
Senglea
Blata l-Bajda, Ħamrun
Mosta
Siġġiewi
Bormla
Mqabba
Sliema
Dingli
Msida
Tarxien
Floriana
Nadur, Għawdex
Valletta
Għargħur
Naxxar
Żabbar
Għasri, Għawdex
Pieta'
Żebbuġ, Malta
Għaxaq
Qala, Għawdex
Żejtun
Gudja
Qormi
Żurrieq
Ħamrun
Qrendi
Kalkara
Rabat, Malta
Kirkop
Rabat, Għawdex
Infurmat ukoll li s-sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata li teżisti fl-istess uffiċċju bħalissa tipprovdi n-numru ta' kirjiet residenzjali f'kull lokalita', imma ma tipprovdix l-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-awtoritajiet fuq każ ta' anzjana li tgħix f'post ta' l-uffiċċju konġunt f'periklu kontinwu li l-indirizz tagħha qed jintbagħat separatament? Jista' jintervjeni personalment sabiex jitneħħa l-periklu u l-anzjana tista' terġa' tmur tgħix f'darha?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li s-saqaf tal-fond in kwistjoni inbena mingħajr il-permessi meħtieġa u kontra r-regolamenti sanitarji. Għal dawn ir-raġunijiet id-Dipartiment responsabbli minn dawn it-tiswijiet jiġifieri l-Housing, Construction and Maintenance Department fil-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura, ma jistax jibdel saqaf li jaf li huwa illegali.
Dipartiment ta' l-artijiet — Postijiet milquta mil-liġi possession of use
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawk il-postijiet li huma milquta mil-liġi possession of use ħarġux għall-bejgħ fl-aħħar sitt xhur? Jekk fl-afffermattiv, kemm saru kuntratti?
Response (BORG, TONIO)
Il-bejgħ ta' postijiet li jinsabu fuq proprjeta' li ġiet akkwistata bit-titolu ta' possession and use jista' jsir biss meta t-titolu jinfeda skond l-Amenda tal-Kapitolu 88 tal-Ordinanza dwar Akkwist ta' Proprjeta' għall-Skopijiet Pubbliċi li ġiet fis-seħħ f'Marzu 2003.
Id-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed fil-proċess li jifdi numru ta' possession and use, dejjem skond ir-riżorsi li għandu a dispożizzjoni tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli li talbu li ssir laqgħa biex isir self ta' flus biex ikunu jistgħu jibnu uffiċini tal-kunsilli ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali għandu applikazzjoni mingħand il-Kunsill Lokali taż-Żejtun biex dan ikun jista' jieħu self ta' flus biex ikun jista' jixtri l-fond li qed jintuża bħala l-uffiċċju amministrattiv tal-Kunsill u li bħalissa qiegħed b'kera. Din l-applikazzjoni qed tiġi pproċessata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma t-tliet kandidati li ġew nominati mill-Gvern Malti biex jiġu kkonsidrati għall-post ta' l-avukat G. Bonello bħala imħallef fl-EHCR la jtemm il-ħatra tiegħu fi tmiem Ottubru ta' din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
It-tliet kandidati proposti huma:
L-Imħallef Dr Giovanni Bonello
L-Imħallef Dr Joseph D. Camilleri
L-Imħallef Joseph A. Filletti
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara meta se jerġgħu jitpoġġew il-lines sofor li kienu quddiem il-bibien bejn numru 10 u numru 11 fi Triq Kent, Sliema meta dawn kien ilhom snin twal minn meta saru l-bay parking?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsill Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija biex ineħħu l-periklu kbir li hemm bl-ispeċi ta' barriera fonda li tħaffret fi Triq il-Ġdida, fi Triq il-Fortizza u paralella ma' Triq in-Naġġar, fil-Mosta li fiha jistgħu jaqgħu persuni u vetturi li jgħaddu mill-inħawi, meta dan jista' jiġi evitat jekk is-sid itella' ħajt għoli madwar is-sit kif suppost?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet stħarriġ u rintraċċat sid l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Huwa ġie mwissi sabiex jibni lqugħ mad-dawra ta` din l-art.
Mellieħa — Passi kontra persuni li jikkampjaw fl-Aħrax
Question
Peress li hemm ħafna li qed imorru jikkampjaw fl-Aħrax tal-Mellieħa u jivvandalizzaw is-siġar u jħallu ħafna ħmieġ, tista' il-pulizija tieħu l-passi meħtieġa kontra dawn il-persuni li jikkampjaw hemmhekk? X'permessi qed jitolbu biex jikkampjaw fl-inħawi? Għandhom dritt jibqgħu kkampjati wara li jidlam?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern din is-sena ma ħarġet l-ebda permess sabiex isir ikkampjar fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tagħmel ronda fil-post imsemmi sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm ksur ta` liġi, u fil-każ li jkun hemm, jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' id-dipartiment tal-kunsilli lokali jara li għallinqas il-kunsill lokali tal-Mosta jindenja jwieġeb għat-talba ta' dawk li joperaw fl-inħawi ta' Triq il-Ġdida fi Triq il-Fortizza fil-Mosta li għandhom bżonn isem għat-triq tagħhom biex ikunu jistgħu jindikaw sew fejn huma għal dawk li jkunu jridu jaħdmu għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Mosta sejjer jibgħat il-proposti tiegħu dwar isem ġdid għal triq ġdida fi Triq il-Fortizza skond kif stipulat fir-Regolamenti ta` l-1995 dwar Tismija ta` Toroq.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Każ dwar fond
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux rekwiżizzjonat? Jekk fl-affermattiv, ħarġet id-derequisition?
Response (BORG, TONIO)
Ir-Requisition Orders kienu jinħarġu mill-Housing Secretary tad-Dipartiment tad-Djar, illum magħruf bħala d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. L-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x'inhuma r-raġunijiet għalfejn it-traskrizzjonijiet tax-xhieda fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhumiex qegħdin isiru b'detriment għall-partijiet u l-andament tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-traskrizzjoni tax-xhieda fil-kawża li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament qegħda fil-proċess. Erronjament id-data ta' fuq it-tali traskrizzjoni qegħda indikata bħala s-7 ta' Novembru 2004 minflok is-7 ta' Novembru 2003.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4779, peress li l-proprjeta' ġiet akkwistata fis-snin 1980, 1981 u 1982 f'Għar Barka, r-Rabat, jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani għaliex matul dawn is-snin qatt ma nstabu l-fondi li qed jissemmew fir-risposta? Jista' jgħid meta se jinstabu dawn il-fondi?
Response (BORG, TONIO)
L-Onorevoli Membru jrid japprezza li hemm ħafna kuntratti ta' ħlas ta' esproprju ta' art li ġiet akkwistata qabel it-tmeninijiet. Madankollu, id-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jikkonsidra u jara jekk il-kuntratti ta' ħlas tad-disa' plots li ġew akkwistati f'Għar Barka jistawx isiru aktar tard din is-sena. Dan jiddependi minn kemm hi s-somma u minn kemm id-Dipartiment tal-Artijiet jkun fadallu fondi.
Dipartiment ta' l -artijiet — Twaqqigħ ta' kamra ta' l-injam
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet l-investigazzjoni li ħa d-dipartiment ta' l-artijiet rigward il-mistoqsija parlamentari 4205 u cioe'għaliex qatt ma l-gvern ħa passi biex titwaqqa' kamra ta' l-injam li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha hemm bosta snin u li qed tagħlaq kamra oħra li ġiet mibnija bil-permess u mogħtija lil wieħed sajjied? Din il-kamra ta' l-injam qed tkun ta' inkonvenjent għas-sajjied.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara l-investigazzjonijiet li saru mid-Dipartiment tal-Artijiet, ġie kkonfermat li l-kamra tal-injam tinsab mibnija fuq art li ġiet konċessa permezz tal-ftehim tal-kirja tal-25 ta' Awissu 1948, fejn il-kerrej kien obbligat speċifikament li jibni kamra tal-injam.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija ta' l-għassa ta' Bormla rigward post f'Bormla li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu strutturalment perikoluż u li l-faċċata mhix f'kondizzjoni tajba b'konsegwenza li qed joħloq periklu għal terzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport ta' xi struttura perikoluża fil-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Pero' ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija bdiet il-proċeduri stabbilit sabiex dan il-perikolu jitneħħa.