Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Lift

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-possibilta' li l-Awtorita' tad-Djar tinstalla lift fl-appartamenti li ġejjin: i) Block D1 Housing Estate Tax-Xbiex. ii) 131, Triq San Pawl, Valletta. iii) 48, Triq l-Arċisqof, Valletta. iv) 18, Triq il-Punent, Valletta. Meta hu maħsub li jinbdew dawn ix-xogħlijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Santa Luċija — Triq il-Prinjol - Manutenzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16111, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif jista' jkun li filwaqt li qed isostni li l-inkwilini tal-insemmi blokk residenzjali għandhom jinżammu responsabbli mit-tindif ta' l-istess basement meta dan huwa proprjeta' tal-gvern meta prova ċara ta' dan huwa l-avviż li deher fil-gazzetta tal-gvern tat-12/3/93, fejn il-gvern qed jirreklama l-bejgħ ta' l-imsemmi basement units, liema unit ninsab informat li baqgħu ma nbiegħux? Kopja ta' l-imsemmija gazzetta tal-gvern qed tintbagħat separatament.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.

Servizzi Soċjali — Investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' investigazzjonijiet qed isiru bħalissa dwar abbużi mis-servizzi soċjali? X'abbużi ġew identifikati s'issa u f'liema oqsma? X'passi ttieħdu? Kemm minn dawn l-investigazzjonijiet saru f'Malta u kemm f'Għawdex? Kemm instabu abbużi f'Malta u kemm f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Taqsima tal-Frodu w Investigazzjonijiet li ġiet imwaqqfa fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ftit tax-xhur ilu qed tagħmel diversi tipi ta' investigazzjonijiet biex tassigura li abbużi fit-teħid ta' benefiċċji tas-Sigurta' Soċjali, safejn possibbli, jiġu eliminati. It-tip ta' investigazzjonijiet li jsiru jiddependu mit-tip ta' benefiċċju li jkun qed jittieħed. Jekk il-ħlas tal-benefiċċju jkun jiddependi primarjament fuq mezzi finanzjarji, l-investigazzjoni tkun kkonċentrata fuq verifika dwar dawn il-meżżi. Investigazzjonijiet oħra huma marbuta man-numru ta' membri tal-familja tal-benefiċjarju. F'dawn il-każijiet isiru spezzjonijiet minn spetturi tad-Dipartiment fir-residenza ta' dawn il-benefiċjarji. F'każ ta' rapport ta' xogħol klandestin u teħid ta' benefiċċji soċjali, minbarra mill-ispezzjonijiet mill-uffiċċjali tad-Dipartiment tintalab ukoll l-għajnuna ta' l-ispettorat ta' l-ETC. Ninsab infurmat li, fejn jinstab abbuż, jittieħdu l-passi kif provdut fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali u skond il-liġi Kriminali, kif meħtieġ. Jien infurmat li s'issa ġew investigati 'l fuq minn 10,000 każ. Peress li f'dawn l-investigazzjonijiet ma ssirx ebda distinzjoni bejn benefiċċjarji residenti f'Malta jew Għawdex, ma tinżammx statistika ta' l-informazzjoni kif mitluba fl-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija.

Benefiċċji — Relief

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni tul din is-sena li ma baqgħux eliġibbli li jirċievu l-benefiċċju magħrufa bħala tar-relief? Minn liema lokalita' kienu? X'kienu l-kawżi f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta' Jannar 2000 kien hemm 1,701 persuna li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali u li ma baqgħux aktar eliġibbli. Ir-raġunijiet ikunu varji, per eżempju, il-kap ma baqgħax jirreġistra għax-xogħol, omm li mhix miżżewġa tiżżewweġ eċċ. Ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika li tiddentifika r-raġunijiet għaliex twaqqfet l-Assistenza Soċjali u minn liema lokalitajiet kienu ġejjin.

Benefiċċji — Għajnuna supplimentari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li ma rċevewx il-benefiċċju magħruf bħala għajnuna supplimentari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' persuni li din is-sena għadhom ma rċevewx l-Allowance Supplimentari minħabba xi raġuni jew oħra, huwa ta' 186.

Kummissjoni Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid il-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita' kemm jirriżultalha li ngħataw taħrikiet minn gwardjani lokali lil holders ta' blue stickers minħabba pparkjar f'postijiet projbiti s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni rċeviet ilment wieħed dwar taħrika minn gwardjan lokali lill-persuna b'diżabilita' li għandha l-"Blue Sticker". Il-Kummissjoni kellha arranġamenti partikolari mal-pulizija rigward persuni b'diżabilita' li għandhom il-"Blue Sticker" u fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet mad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali biex dawn l-arranġamenti jsiru wkoll fir-rigward tal-Gwardjani Lokali.

Benefiċċji Soċjali — Childrens Allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' familji u single parents li bdew jirċievu għall-ewwel darba ċ-childrens allowance matul l-ewwel 6 xhur tas-sena? Kemm kien in-numru ta' familji u single parents li tilfu d-dritt ta' dawn il-benefiċċji fl-istess perjodu minħabba l-assessments? Kemm huwa n-numru llum ta' familji u single parents f'Malta u Għawdex (separatament) li qed jirċievu dawn il-benefiċċji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 1,040 familja b'żewġ ġenituri jew b'ġenitur wieħed li bdew jirċievu għall-ewwel darba l-"Allowance" tat-Tfal matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena. Peress li l-ħlas ta' dan l-"Allowance" mhux marbut ma' jekk il-familja hijiex komposta minn ġenitur wieħed jew tnejn qatt ma nħass il-bżonn li tinżamm statistika separata tat-talbiet ġodda. Ma tinżammx statistika ta' kemm kien n-numru ta' familji b'żewġ ġenituri jew ġenitur wieħed li tilfu d-dritt ta' l-"Allowance" tat-Tfal fl-istess perjodu minħabba l-"assessment". F'dan ir-rigward nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18047. In-numru ta' familji b'żewġ ġenituri u b'ġenitur wieħed li fl-aħħar ta' Lulju 2000 kienu qed jirċievu l-"Allowance" tat-Tfal huwa kif jidher aktar 'l-isfel. Ta' min iżid li hu mistenni li n-numru ta' dawk li jikkwalifikaw għal din l-"Allowance" jaqbeż l-40,000 meta r-reviżjonijiet tal-każijiet kollha pendenti jiġu finaliżżati. FAMILJI MALTA GĦAWDEX TOTAL B'żewġ ġenituri 25,409 3,374 28,783 B'ġenitur wieħed 2,478 103 2,581 Total 27,887 3,477 31,364

Abbuż fuq it-tfal

Question

Jista' l-Viċi Prim Minsitru jgħid kemm-il każ ta' abbuż fuq it-tfal ġie rrapportat tul l-1999 u tul din is-sena? Fiex kien jikkonsisti dan l-abbuż? X'kienu l-etajiet tat-tfal abbużati? Tul l-istess perjodu kemm kien hemm każi ta' child neglect? Kemm-il care order inħarġet tul l-istess perjodu u x'kienu l-etajiet tat-tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul il-perijodu 1 ta' Jannar 1999 u 7 ta' Settembru 2000 ġew rappurtati total ta' 1,114 każ ta' abbuż fuq tfal. Dawn kienu jikkonċernaw rapporti dwar diversi abbużi jew riskju ta' abbużi fosthom; traskuraġni, abbużi fiżiċi, sesswali, emozzjonali u psikoloġiċi. L-etajiet kienu jvarjaw bejn l-eta' tat-twelid u sbatax-il sena. In-numru ta' rapporti dwar traskuraġni (child neglect) kien ta' 285. Matul l-istess perijodu nħarġu 24 "care order" u l-etajiet tat-tfal kienu jvarjaw bejn xahar u sittax-il sena.

Impjiegi — Kondizzjonijiet ta' xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru Ministru jgħid jekk sarx xi progress min-naħa tal-ministeru tiegħu mas-sidien tal-kumpanniji tat-trasport tat-turisti bil-coaches u vannijiet dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati tal-kumpanniji tat-trasport tat-turisti bil-"coaches" u vannijiet, huma koperti mill-"Hire (Cars and Private Buses Wages Council Wage Regulation Order, 1977". Uffiċċjali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg, minn żmien għal żmien jagħmlu spezzjonijiet u jintervistaw kemm lill-ħaddiema kif ukoll lis-sidien ta' dan is-settur biex jinfurzaw il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg skond l-imsemmija "Wage Regulation Order" u l-Att li jirregola l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg. Ninsab infurmat ukoll li kienet saret laqgħa ta' konċiljazzjoni preseduta mid-Direttur tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg f'tilwima ndustrijali bejn waħda mill-"Unions" u wieħed mis-sidien tal-"coaches".

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni nqatgħu minn fuq l-ewwel parti tar-reġistru minn Jannar sal-lum xahar xahar? X'kienu r-raġunijiet u minn liema lokal kienu ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar u 31 ta' Lulju ta' din is-sena.

Ministeru għall-Politka Soċjali — PROs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinformani minn kien jew kienu l-PROs tal-ministru mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? X'rinumerazzjoni kellu jew kellhom? X'benefiċċji u kondizzjonijiet addizjonali ntawlhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fis-Segretarjat Privat ta' Ministru d-dmirijiet marbuta ma' "Public Relations" jitwettqu mill-"Communications Co-ordinator". Ir-remunerazzjoni u kondizzjonijiet marbuta mal-post huma regolati mid-Dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta Numru 124 tas-16 ta' Ġunju 1999. Il-"Communications Co-ordinator fil-Ministeru tiegħi minn Settembru 1998 'il hawn kien Mr Alan Camilleri li ġie mpjegat fil-11 ta' Jannar 1999.

Sigurta' Soċjali — Impjegati taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati taċ-Ċivil li jaħdmu f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jaħdmu sigħat imnaqqsa? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond l-etajiet u skond l-impjegati humiex irġiel jew nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18818.

Ġnus Maqgħuda — Women 2000

Question

B'riferenza għall-indirizz tal-Gvern Malti lill-Konferenza tal-Ġnus Maqgħquda - Women 2000: Gender equality, development and peace for the 21st Century, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm focal points implimentaw gender impact assesments u f'liema dipartimenti? Jista' jgħid b'liema mod dawn affettwaw ix-xogħol fid-dipartiment konċernati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-indirizz tal-Gvern Malti lill-Konferenza tal-Ġnus Magħquda - "Women 2000 Gender Equality, Development and Peace for the 21st Century", ingħad li ġew żviluppati metodoloġiji sabiex ikunu jistgħu jsiru "Gender Impact Assessments" u li dawn il-metodoloġiji qed jiġu mplimentati permezz tal-"focal points" eżistenti fl-istrutturi tal-Gvern biex jiġi żgurat li l-"policies" u l-programmi ma jkunux hemm "gender bias". Ix-xogħol tal-"gender focal points" hu li jipprovdu l-informazzjoni u jagħtu idejat ta' kif proċeduri u programmi fil-qasam tax-xogħol partikolari tagħhom jistgħu jiġu żviluppati mingħajr "gender bias" u wara jagħtu sehemhom fl-implimentazzjoni ta' dawk il-proċeduri u programmi. Il-"gender focal points" mhumiex responsabbli li jagħmlu huma l-"Gender Impact Assessments".

Ġnus Maqgħuda — Women 2000

Question

B'riferenza għax-xogħol magħmul mill-working group li jissemma fl-indirizz tal-Gvern Malti lill-konferenza tal-Ġnus Magħquda - Women 2000: Gender equality, development and peace for the 21st Century - jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed jirriżulta minn dan ix-xogħol? Jista' jpoġġi rapport tax-xogħol li sar s'issa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid x'azzjoni qed tittieħed biex jitneħħew proviżjonijiet diskriminatorji fil-liġijiet Maltin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-riżultat tax-xogħol tal-"working group" hu rapport dwar riċerka, suġġerimenti u proposti rigward liġi ġdida dwar it-tneħħija ta' kull xorta ta' diskriminazzjoni eżistenti fuq bażi ta' sess. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport. Qed tittieħed azzjoni biex tiġi abbozzata l-liġi meħtieġa.

Anzjani — Membri fuq il-bord

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13948, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma dawk il-membri f'dawn il-bordijiet li għandhom is-servizz ta' karozza tal-kiri mħallsa mill-gvern jew ta' karozza tal-gvern? Għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda membru tal-bordijiet, li saret referenza għalihom, li għandhom l-użu ta' karozza tal-kiri jew tal-Gvern a bażi tal-fatt li huma membri ta' dawn l-istess bordijiet. Dawk il-membri li għandhom tali użu qed jagħmlu hekk skond il-kundizzjonijiet tax-xogħol prinċipali tagħhom.

Tfal abbużati — Helpline

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilu mwaqqaf il-helpline għat-tfal abbużati jew dawk li jkunu jenħtieġu l-għajnuna? Kif inhu mmexxi, minn min u kemm għandu volontiera? Kemm daħlu telefonati fl-1998, 1999 u tul din is-sena? Bejn wieħed u ieħor għalfejn intalbet l-għajnuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.