Jista' l-Ministru jgħid jekk intalabx permess u eventwalment ingħata, mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jopera is-Circus fi Blata l-Bajda mit-18 ta' Diċembru, 1998 sal-20 ta' Jannar, 1999?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex meħtieġ permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal attivita' bħal din għal tul ta' żmien kif imsemmi aktar 'l fuq?
Jista' jgħid ukoll x'permessi inħarġu u mil-liema dipartiment jew entita' nħarġu u għal-liema tul ta' żmien?
Jista' jgħid min kienu l-applikanti għal din l-attivita'?
Jekk b'xi mod inkisret il-liġi, jista' l-Ministru jgħid x'passi ittieħdu u min minn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ntalbu żewġ permessi separati lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex ikun operat circus fi Blata l-Bajda. Dawn it-talbiet kienu jkopru l-perijodu bejn it-18 u l-31 ta' Diċembru, 1998, u bejn l-1 u l-14 ta' Jannar, 1999. L-Awtorita' tat il-permess meħtieġ a bażi tal-provvedimenti ta' Avviż Legali 137 ta' l-1997 [Ordni ta' l-1997 dwar Żvilupp Ġenerali (Nru. 2)] - Klassi 13 (Użi Temporanji).
Ninsab infurmat ukoll li skond l-imsemmi Avviż Legali, sakemm l-applikazzjoni dwar l-użu ta' l-art ma jkunx jeċċedi 14 il-ġurnata, notifikazzjoni tkun biżżejjed sabiex jingħataw il-permessi meħtieġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Talbiet għall-użu ta' art għal perijodi ta' aktar minn 14 il-ġurnata jkunu jinħtieġu applikazzjonijiet formali.
Dwar it-tielet u r-raba parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej : -
Applikant Perijodu Dipartiment
--------- -------- -----------
Leisure & Theme Park Ltd 14.12.98 sal-31.12.98 Artijiet
24.12.98 sal-31.12.98 Pulizija
Publius Said 01.01.99 sal-14.01.99 Artijiet
01.01.99 sal-14.01.99 Pulizija
Leisure & Theme Park Ltd 15.01.99 sal-24.01.99 Artijiet
15.01.99 sal-24.01.99 Pulizija
23.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal ta' Ħal Safi ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm impjegati ġewwa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li għandhom il-pożizzjoni ta' desk officers u jista' jingħad mingħajr ma jiġu msemmija ismijiet kemm dawn kellhom aplikazzjonijiet pendenti quddiemhom wieħed wieħed fis-snin 1996,1997, 1998 u sa Frar 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fil-preżent in-numru ta' impjegati ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li għandhom il-pożizzjoni ta' case officers hu ta' 33.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta' każi li rċieva kull case officer fil-perijodu mitlub mill-Onor. Interpellant.
Ta' min jgħid li n-numru ta' każijiet ivarja minħabba it-tipi differenti ta' żvilupp u għal fatt li mhux il-case officers kolllha jagħmlu xogħol ta' proċessar ta' applikazzjonijiet biss.
Dwar in-numru ta' każi pendenti, jiġifieri dawk li għadhom mhux deċiżi, dan ivarja il-ħin kollu għax dan jiddependi mill-ipproċessar innifsu u mill-ammont ta' applikazzjonijiet ġodda li jidħlu.
23.03.99
Jista' l-Ministru jgħid fejn intużat il-ħamrija li tħammlet riċentement mill-inħawi tal-ground tal-football ta' Kordin?
Kemm kien il-volum (f'jardi) tal-ħamrija li tħammlet?
Kemm intalbu permessi u ġew approvati talbiet mill-5 ta' Settembru 'l hawn għaċ-ċaqlieq tal-ħamrija?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Agrikultura.
23.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi ttieħdu fuq il-ħamrija li kienet qed tinġarr fuq il-barkuni u tintrema' l-baħar?
Kemm huwa kkalkolat li nqerdet ħamrija? X'passi ħadet l-awtorita' sabiex issir ġustizzja ma' min kiser il-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Agrikultura.
23.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar approvat għat-tħaffir ta' ilma matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
F'liema nħawi ta' Malta ngħataw dawn il-permessi u kemm huwa kkalkolat il-volum ta' ilma li qed jintuża għal skop agrikolu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ma tistax tinġabar minħabba li sal-lum is-sistema komputerizzata mhix attrezzata għal dan it-tip ta' queries. Bħalissa għaddej xogħol biex tiġi nstallata sistema li eventwalment tagħti l-possibilita' li din it-tip ta' informazzjoni tkun tista' tinġabar.
23.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet għal tħaffir għall-ilma li ma approvatx l-Awtorita' ta' l-Ippjanar matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
X'kienu r-raġunijiet ta' dan?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5492 f'din l-istess Seduta.
23.03.99
Jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa f'Villa Francia, Ħal Lija sabiex tinżamm fi stat tajjeb peress li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qiegħed jiġrilha ħsara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proprjeta' li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qegħda f'idejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u għalhekk nitolbu jirreferi din il-Mistoqsija lill-Prim Ministru.
23.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li wara bosta xhur il-passes tal-personnel u tal-karozzi fiż-żoni ristretti ta' l-ajruport ta' Ħal Luqa/Gudja, għandhom l-istess passes ta' qabel li kienu validi sa' l-aħħar ta' Diċembru 1998?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-passes tal-personnel biex ikollhom aċċess fiż-żona ristretta tal-ajruport Luqa/Gudja huma validi sa' l-aħħar ta' Diċembru 2000.
Ninsab infurmat ukoll li l-passes tal-vetturi, li skadew f'Diċembru li għadda, għad ma ġewx mibdula għax id-Dipartiment responsabbli qiegħed fil-proċess iminenti li jibdel is-sistema tal-ħruġ tal-passes għal waħda komputerizzata.
Peress li kull xufier tal-vetturi in kwistjoni għandu pass personali validu sa l-aħħar tas-sena 2000, u għalhekk ma hemm ebda riskju għas-sigurta', il-bdil tal-passes tal-vetturi darbtejn f'qasir żmien ma jkunx ħlief ħela ta' fondi pubbliċi.
23.03.99
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex biċċa art tal-Gvern biswit l-entratura tal-Westin Dragonara Hotel u li s-sidien ta' l-imsemmija lukanda qabdu u żviluppaw f'parking mingħajr l-permessi meħtieġa u mingħajr awtorizzazazzjoni, tittieħed lura mill-awtoritajiet?
Il-Ministru jaf li fl-entratura ta' l-imsemmija parking dan l-aħħar twaħħlet xatba?
Jista' l-Ministru jgħid jekk din ix-xatba twaħħlitx bil-permess ta' l-awtoritajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-biċċa art li għamel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant kienet twittiet u tnaddfet mis-sidien u żviluppaturi tal-lukanda in kwistjoni meta l-proġett kien fil-fażi inizjali ta' kostruzzjoni, fejn xi ħaddiema kienu jipparkjaw il-vetturi tagħhom. Wara li ġiet inawgurata l-lukanda dan is-sit beda jintuża bħala parkeġġ mill-pubbliku in ġenerali li jiffrekwenta l-inħawi.
Minn spezzjoni riċenti rriżulta li xi ħadd għamel 'barrier' biex jagħlaq l-aċċess għal dan is-sit. Ninsab infurmat li qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji sabiex din l-art pubblika ma tintużax għal skop privat, inkluża l-applikazzjoni ta' mandat ta' żgumbrament maħruġ mill-awtorita' kompetenti.
22.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li jintnefqu flus fil-kampanja għal sewqan aħjar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kampanja għal sewqan aħjar, li hu stmat li ser tiswa madwar Lm60,000, mhux ser tinvolvi spejjeż minn fondi pubbliċi peress li l-ammont ta' flus meħtieġa qed jinġabru permess ta' donazzjonijiet u sponsorships.
22.03.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal ta' Ħal-Luqa ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm siti fir-raħal ta' Ħal-Kirkop ta' natura storika li qegħdin f'idejn jew il-Lands Department jew il-Joint Office li huma jew mogħtija għal kirjiet u ċnus jew huma f'idejn l-imsemmija dipartimenti?
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ġiet refused l-applikazzjoni bir-riferenza PC39/97 mill-Planning Authority għal ftuħ ta' Triq id-Dragun f'Ħal Qormi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PC 39/97 ma kienetx biex tinfetaħ Triq id-Dragun f'Ħal Qormi, iżda biex jiġi emendat l-allinjament ma' Triq il-Ħelsien.
L-applikazzjoni ġiet rifjutata għax skond deċiżjoni tal-Qorti ta' l-Appell, l-art in kwistjoni hi raba saqwi.
22.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalita' Russa jew Ukrajna li għandhom residence permit u work permit illum? X'tip ta' xogħol jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa hawn 196 persuna Russa u 6 persuni Ukrajni (inklużi nisa u tfal) li qegħdin hawn Malta permezz ta' Residence Permit. Infakkar lill-Onor. Interpellant li persuni li qed jgħixu hawn bis-saħħa ta' Residence Permit ma jistgħux jaħdmu f'Malta.
Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' persuni Russi u Ukrajni li għandhom liċenzja ta' impjieg biex jaħdmu Malta huwa ta' 101 u 12 rispettivament. Dawn jagħmlu diversi xogħlijiet bħalma huma Diretturi ta' kumpaniji, Managers, Couriers, Interpreti, Chefs u Sportsmen fost oħrajn, kif jidher mill-lista ta' nies barranin li għandhom liċenzja ta' impjieg li tiġi ppublikata kull xahar mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni.
22.03.99
Jista' l-Ministru jgħid xi studji saru mill-Planning Authority dwar l-impatt fuq l-ambjent Malti u dak Għawdxi li tista' iġġib magħha sejba taż-żejt fi kwantitajiet kummerċjali? Liema għandu l-anqas impatt negattiv, tħaffir fuq l-art jew dak offshore? Jista' l-Ministru jippubblika dawn l-istudji jew għall-inqas executive summary tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma għamlet l-ebda studju dwar l-impatt minn tħaffir għaż-żejt.
Jekk l-Awtorita' ikollha applikazzjoni għal tħaffir u produzzjoni għaż-żejt, din l-applikazzjoni tkun suġġetta għal Environmental Impact Assessment skond it-termini tal-proċeduri tal-EIA's f'Malta.
22.03.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandu quddiemu d-Dipartiment ta' l-Artijiet minn NGO's Maltin u Għawdxin biex jiksbu artijiet/premises tal-gvern? Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-NGO's? X'qed isir biex il-gvern jgħaddi l-artijiet/premises lill-NGO's?
Response (BORG, TONIO)
Kull meta ssir talba għal bini minn għaqda volontarja, din it-talba tintbagħat lid-Dipartiment tal-Gvern sabiex japprovaha. Jekk din tiġi approvata, u ma hemm l-ebda bżonn tal-bini għal xi użu pubbliku ieħor, id-Dipartiment tal-Artijiet jeżamina t-talba. Naturalment kull trasferiment isir skond il-Att li jirregola it-Trasferiment tal-Artijiet tal-Gvern.
Peress li ma tinżammx statistika separata dwar dawn it-talbiet, tlabt lid-Dipartiment konċernat biex jeżamina l-'files' tiegħu, sabiex jekk jista' jkun, din l-informazzjoni tingħata f'xi seduta oħra.
22.03.99
Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm kienu s-sigħat ta' overtime minn Ottubru 1998 sal-lum tal-persuni kollha li jaħdmu fid-Dipartiment ta' l-Artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li minn Ottubru 1998, sa Frar 1999, in-numru ta' sigħat overtime li nħadmu minn impjegati tad-Dipartiment ta' l-Artijiet kien ta' 505.
22.03.99