Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rotot ġodda tat-trasport pubbliku

Question

Peress li l-Ministru ħabbar li fir-rotot il-ġodda tat-trasport pubbliku se jiżdiedu s-servizzi diretti lejn il-Belt Valletta, jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta’ passiġġieri li jitilqu mid-diversi rħula u fil-fatt ikunu jridu jmorru dirett lejn il-Belt? Jista’ jgħid ukoll jekk it-termimus tal-Belt hux se jlaħħaq mal-influss tar-rotot diretti ġodda kif miżjuda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li huwa kkalkulat li l-persentaġġ approssimattiv ta’ passiġieri li jużaw ir-rotot diretti lejn il-Belt huwa ta’ madwar 78%. Rigward il-venda tal-Belt, bħalissa qiegħed isir studju biex naraw kif jistgħu jiżdiedu l-punti tat-tluq ħalli jilqgħu mad-domanda fiż-żieda tar-rotot diretti.

Servizz tat-trasport pubbliku – Plan B

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6638 li saret fid-9 ta' Diċembru 2013 u li kienet tagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5622 li saret fil-25 ta' Novembru 2013, jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet l-informazzjoni dwar fiex kien jikkonsisti Plan B tal-Gvern fir-rigward tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn xi nżid ma’ dak li ġie mwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 6638.

Trasport Pubbliku – insurances tal-karozza

Question

Peress li issa t-trasport pubbliku qiegħed ikun operat minn kumpanija proprjetà tal-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozzi tal-linja humiex inxurjati? X' tip ta' insurance għandhom? Min hi l-kumpanija li qiegħda tinxurjahom u min huma l-insurance brokers? X' inhi l-insurance premium li qiegħda titħallas biex tiġi nxurjata l-flotta kollha? X' inhuma t-termini tal-insurance policy?

Response (MIZZI, JOE)

Nappella lill-Onor. Interpellant biex ma jibqax juri attitudni distruttiva billi jipprova jbeżża’ lill-poplu bħal ma għamel fil-każ ta’ Dock 7. Ninfurmah ukoll li bħal ma hu ovvju li jsir, il-karozzi tal-linja kollha li qegħdin jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huma nxurjati b’polza ta’ assigurazzjoni tat-tip comprehensive. Il-kumpanija illi qiegħda tinxurja dawn il-vetturi hija il-Middle Sea Insurance plc filwaqt li l-brokers huma l-Allcare Insurance Brokers Ltd. Il-premium illi qiegħed jitħallas sabiex tiġi nxurjata l-flotta jammonta għal €482,000 (li jinkludi l-istamp duty) fis-sena. It-termini ta’ din il-polza huwa ta’ Standard Motor Insurance Policy li hija suġġetta għal Aggregate Excess ta’ €640,000 fuq Third Party Liability, u għal kull talba seperata li ssir fuq ħsarat tal-kumpanija hemm Policy Excess ta’ €10,000.

Arriva – tkeċċija ta’ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema tkeċċew minn mal-Arriva mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-13 ta’ Jannar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perijodu bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-13 ta’ Jannar 2014 kien hemm 89 ħaddiem li l-impjieg tagħhom ġie itterminat minħabba passi dixxiplinarji, fil-maġġoranza tagħhom kollha kienu xufiera. Infurmat ukoll li minnhom kien hemm 17-il ħaddiem li l-impjieg tagħhom ġie tterminat waqt li kienu għadhom fuq probation.

Il-Mellieħa – Għadira – Triq ġdida

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4433, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar liema pjanse jmur għalih il-Gvern b’rabta maż-żona tal-Għadira? Jista’ jgħid jekk fuq l-istess proġett hemmx time frames meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għadha għaddejja bl-evalwazzjoni ta’ diversi proġetti, fosthom dak imsemmi.

Iż-Żejtun – Triq A Cachia Zammit — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq A Cachia Zammit fiż-Żejtun tiġi resurfaced għax qiegħda fi stat ħażin ħafna u meta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li evalwajt id-diversi lmenti li tressqu fil-Ministeru tiegħi kif ukoll wara diversi talbiet fosthom mill-Kunsill Lokali, ingħata il-parir u l-approvazzjoni minn min hu responsabbli biex din it-triq tkun tista’ titranġa mill-aktar fis possibli.

Iż-Żejtun – ring road — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb u meta jkun f’pożizzjoni li jlesti dawk it-toroq li jduru mar-raħal taż-Żejtun billi tiġi magħquda Triq il-Falkunier mat-toroq li hemm fejn il-kappella ta’ San Klement?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-iskema tal-MEPA, Triq il-Falkunier m’għandiex aċċess dirett għat-toroq li hemm fejn il-kappella ta’ San Klement. Fil-fatt dawn iż-żewg żoni jagħqdu flimkien biss permess ta’ toroq eżistenti bħal Triq Dun Mikiel Cassar, Triq San Klement u Triq Attard Bezzina, li jgħaddu mill-parti l-antika taż-Żejtun, għalhekk ma hemmx toroq oħra li jridu jingħaqdu. Nżid ukoll, li parti minn Triq il-Falkunier għadha mhiex żviluppata / ffurmata u għalhekk Transport Malta ma hiex f’pożizzjoni li tasfalta din il-parti tat-triq għalissa.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, u xahar b’xahar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Ex-MRRA ġew impjegati 99 ħaddiem permezz ta’ direct order, 34 persuna minn barra fuq kuntratt u 38 persuna oħra li ġew impjegati minn barra wara sejħa mill-Gvern għall-applikazzjonijiet. Barra minn hekk ġie impjegat ħaddiem wieħed mill-GHRC kif ukoll 49 ħaddiem ieħor minn Transport Malta. B’kollox, bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u it-8 ta’ Marzu 2013 ġew impjegati xejn inqas minn 221 ħaddiem. Il- kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Baħar iċ-Ċagħaq – xogħlijiet fuq il-Coast Road

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-Coast Road ta’ Baħar iċ-Ċagħaq? Kemm hu maħsub li se jdum ix-xogħol? Kemm hi l-istima ta’ dan ix-xogħol? Min hi l-kumpanija/joint venture li ħadet ix-xogħol? Jekk ix-xogħol ħaditu joint venture, min huma l-membri tal-joint venture?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-proġett tas- Salina Coast Road u ċjoè mill-Junction ta’ Buġibba saċ-Ċimiterju tal-Commonwealth mistenni li jibda sa nofs din is-sena, wara li jitlestew il-preparamenti amministrattivi u tekniċi mill-kuntratturi u minn Transport Malta. Dawn il-preparamenti diġà bdew. Ix-xogħol hu mistenni li jitlesta għall-aħħar xhur tas-sena 2015. L-istima tax-xogħolijiet tammonta għal total ta’ circa EUR 49 miljun b’kofinanzjament mal-Unjoni Ewropea. Żewġ kuntratti ġew iffirmati għax-xogħolijiet u l-kuntratturi huma: 1. Joint Venture: Kosta JV, ffurmata minn Polidano Bros. Ltd, Philip Agius and Sons., u Central Asphalt Ltd, u sub-contractors tagħhom. 2. Kumpanija: RM Construction Ltd., iffurmata minn Bonnici Bros. Ltd., Asfaltar Ltd. u Schembri Infastructures Ltd., u sub-contractors tagħhom

Xiri ta’ impjant ta’ Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Gvern għandu l-ħsieb li jixtri impjant tat-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern ma jimxiex bil-ħsibijiet imma billi jippjana u mbagħad jibda jwettaq.

Transport Malta – ordni għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista dettaljata ta' xogħlijiet/servizzi/provvista ta' materjal u l-order to start work jew inkella r-requesition form għalihom li ħarġet Transport Malta mit-12 ta' Marzu 2013 sal-lum u għal kull każ jgħid minn ħareġ l-ordni, min hu l-kuntrattur, x'tip ta' xogħol/servizz/provvista ta' materjal wettaq, kemm kien il-valur tax-xogħol u jekk tħallasx jew le u jekk iva meta tħallas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kuntratturi — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi li għamlu xogħol għad-diversi dipartimenti/awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li għadhom ma tħallsux tax-xogħol li għamlu għall-istess Ministeru? Kemm huma l-ammonti dovuti? Meta se jsir il-ħlas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-kuntratturi li għamlu u lestew ix-xogħol għas-sodisfazzjon tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, tħallsu jew qegħdin fil-fażi li jitħallsu fiż-żmien raġonevoli. Barra minn hekk, hemm każi fejn għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-kuntratturi konċernati dwar il-final accounts tax-xogħol imwettaq minnhom u oħrajn fejn ix-xogħol tagħhom ma kienx għas-sodisfazzjon sħiħ tad-Dipartiment , u minħabba li għad hemm xi kontestazzjonijiet pendenti f’dawn il-każi, il-ħlas għadu ma sarx. L-istess jista’ jingħad għall-entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Servizz tat-trasport pubbliku – Plan B

Question

B'referenza għar-risposta -ta’ mistoqsija parlamentari 6638, peress li din il-mistoqsija parlamentari saret fil-21 ta' Diċembru 2013, jista’ l-Ministru jagħti d-data ta’ meta l-Gvern ħabbar li r-regolatur u l-operatur tat-trasport pubbliku kien se jkun il-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari numru 6638 li qed jirreferi għaliha, saret fid-9 ta’ Diċembru 2013 u mhux kif qed jgħid hu fil-21 ta’ Diċembru 2013 ninfurmah li m’għandi xejn iktar x’inżid ma’ dak li ġie mwieġeb fl-istess Mistoqsija Parlamentari.

Park and ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix statistika ta’ kemm vetturi għamlu użu mill-park and ride dawn l-aħħar tliet snin? X’tibdil kien hemm fit-tariffi? Jeżisti VIP private parking bay fil-park and ride? Jekk iva kemm hemm vetturi li jagħmlu użu minnu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, in-numru ta’ vetturi li ħallsu biex ipparkjaw fis-sit tal-Floriana Park and Ride kull sena huwa hekk kif ġej: Medja kuljum minn 750 spazju ta’ parkeġġ disponibbli Bejn Settembru u Diċembru 2011 138 Bejn Jannar u Diċembru 2012 175 Bejn Jannar u Diċcembru 2013: 213 Jannar 2014: 192 Fir-rigward ta’ tariffi, minn Settembru tal-2011 sal-20 ta’ Mejju 2012, it-tariffi tal-Floriana Park and Ride kienu hekk kif ġej: · €10.00 għal sebat ijiem li jinkludi il-parkeġġ, vjaġġ bir-ritorn għax-xufier u passiġġier wieħed u € 0.50 għal kull passiġġier addizzjonali; · € 2.50 bejn 07:00 u 19:00 li jinkludi vjaġġ bir-ritorn għax-xufier biss u € 0.50 għal kull passiġġier addizzjonali; · € 3.75 bejn 07:00 u 19:00 parkeġġ biss; · € 4.00 bejn 19:00 u 07:00 li jinkludi vjaġġ bir-ritorn għax-xufier biss u € 0.50 għal kull passiġġier addizzjonali. Mill-21 ta’ Mejju 2012 sal-aħħar ta’ Jannar 2014, dawn inbidlu hekk kif ġej: · € 7.50 għall-sebat ijiem inkluż vjaġġ bir-ritorn għax-xufier u passiġġier wieħed biss u €0.50 għal kull passiġġier addizzjonali; · € 1.50 ta’ għal ġurnata vjaġġ bir-ritorn għax-xufier biss u €0.50 għal kull passiġġier addizzjonali;. Wieħed irrid jinnota illi il-prezzijiet imsemmijja kienu l-għola prezzijjiet illi l-operatur seta’ jitlob għal dan is-servizz. Għaldaqstant l-operatur kellu l-fakulta’ li jitlob prezz orħos minn dak ikkwotat. L-iskema tal-VIP private parking bay daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2014 mat-tibdil tan-nollijiet.

L-Imtarfa – xogħlijiet fuq bandli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn kien hemm il-ħtieġa li jerġa’ jinqala’ x-xogħol li kien lest ġewwa l-bandli tal-Imtarfa? Kemm se jiswa x-xogħol u meta hu maħsub li din iż-żona tkun lesta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ġewwa l-bandli tal-Imtarfa tlesta wara li dan ix-xogħol kellu jerġa jinqala’ minħabba l-fatt li d-Dipartiment ma aċċettax xogħol inferjuri. Dan kollu sar a spejjeż tal-kuntrattur. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li ġara fi Triq Melita ġewwa l’ Belt Valletta minħabba nuqqasijiet tal-Gvern preċedenti. Ta’ min ifakkar li din it-triq kellha tinqala’ mill-ġdid mill-Gvern preżenti wara inqas minn sena li kien tlesta ix-xogħol fuqha mill-amministrazzjoni preċedenti. Peress li kien leħaq skada il-perjodu li matulu il-kuntrattur seta’ jinżamm responsabbli għax-xogħol li għamel, l-ispiża li qabbżet il-€100,000 biex isir dan ix-xogħol mill-ġdid kellhom jitħallsu minn Transport Malta. Il-Ministeru tiegħi ried jiżgura li x-xogħol jitlesta fi żmien aċċettabli u fil-fatt dan tlesta ġimgħatejn qabel ippjanat.

Park and ride — mini buses

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm se jkunu l-mini buses li se jkunu qed jipprovdu servizz ta' trasport bejn il-park and ride u l-Belt Valletta fuq iż-żewġ rotot li se jkunu qed jagħtu dan is-servizz? X'tip ta' ħlas se jkunu qed jingħataw l-operaturi ta' dan is-servizz u għal kemm żmien?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li b’kollox hemm seba’ mini-buses li qegħdin jipprovdu servizz ta’ trasport bejn il-Park & Ride u l-Belt Valletta, speċjalment waqt il-ħinijiet peak tal-ġurnata. Il-kuntratt li ġie ffirmat huwa għal sena u tas-servizz provdut, il-kuntrattur se jitħallas tlieta u għoxrin elf ewro (€23,000) fix-xahar.

Transport Malta – xogħlijiet fi Triq iż-Żebbuġ, Ħaż-Żebbuġ

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih sabiex isiru x-xogħlijiet urġenti li hemm bżonn fi Triq iż-Żebbuġ, it-triq li mit-telgħa tar-Rabat tagħti għal Ħaż-Żebbuġ? Jista’ jikkonferma li t-triq taqa’ fir-responsabilità ta’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq iż-Żebbuġ, f’Ħaż-Żebbuġ hija triq residenzjali li taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-Kunsill Lokali. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Triq Ħaż-Żebbuġ fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ stess, f’dan il-każ din it-triq hija waħda rurali barra mill-iskema tal-bini u għalhekk din ukoll ma taqax taħt ir-responsabilta’ ta’ Transport Malta. Madanakollu għajnuna tingħata skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Pont bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7364 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru bid-data tal-14 ta' Ġunju 2013 (PR Nru 1249 tal-2013) fejn intqal li l-Gvern Malti ffirma memorandum of understanding biex isir studju dettaljat dwar il-possibilità li jsir pont bejn Malta u Għawdex mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u b'referenza għall-istqarrija għall-istampa PR 1283 li ħarġet fit-18 ta' Ġunju 2013, liema stqarrija kienet dwar l-ewwel mitt jum tal-Gvern preżenti, fejn fost il-kisbiet u inizjattivi elenkati mill-Prim Ministru kien indikat ukoll li se jsir studju dwar bini ta' pont bejn Malta u Għawdex, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal dan l-istadju?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet fuq dan il-proġett għadhom għaddejjin u għaldaqstant iktar informazzjoni tkun tista’ tingħata fil-mument opportun.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — top Management Positions

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7492, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.