Legislature:
Category:
Reset
Active:

Inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm weġġgħu persuni fuq ix-xogħol din is-sena? kemm mietu? Kemm minn dawk li weġġgħu, weġġgħu b'mod gravi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru 2003 id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali rċieva 3,668 talba għall-Benefiċċju għall-Korriment. Peress li l-ħlas ta’ dan il-benefiċċju ma jiddependix mill-gravita’ tal-korriment, id-Dipartiment ma jżommx statistika dwar il-gravita’ tal-korrimenti. Ninsab infurmat ukoll li bejn Jannar u l-aħħar ta’ Ottubru 2003 kien hemm 10 imwiet riżultat ta’ inċidenti fuq il-post tax-xogħol.

Aġenzija Access — Kottonera

Question

X'servizzi qed jingħataw mill-Aġenzija Access fil-Kottonera fil-komunita'? Min qiegħed jieħu ħsieb din l-Aġenzija? Kemm hemm persuni li qed jaħdmu fl-Access u fuq liema programmi? X'taħriġ u / jew kwalifiki għandhom dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aċċess mhux Aġenzija iżda kumpless immexxi minn bord ta’ diretturi maħtur mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u management committee kompost minn rappreżentanti tad-diversi entitajiet li joperaw fil-kumpless. L-Aġenzija Appoġġ hi responsabbli mit-tmexxija minn ġurnata għall-oħra tal-kumpless. Is-servizzi mogħtija minn dan il-kumpless jinkludu dawk ta’ Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, Job Centre tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, servizzi ta’ ħarsien soċjali u inizjattivi fil-komunita’ mit-team ta’ social workers ta’ l-Aġenzija Appoġġ, servizzi mogħtija mill-Awtorita’ tad-Djar, Ċentru għal Matul il-Jum għal persuni b’diżabilita’ immexxi mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’, u Child Care Centre. L-impjegati li jaħdmu f’dan il-kumpless ġew allokati mid-Dipartiment jew entita’ rispettiva li tipprovdi s-servizz u għalhekk kull impjegat għandu t-taħriġ u/jew il-kwalifiki partikolari għal qadi ta’ dmirijietu skond kif meħtieġ mid-Dipartiment jew entita’ li assenjatu għax-xogħol fil-kumpless.

Dar Bina f'Bormla

Question

X'sar minn Dar Bina f'Bormla? Minn min u fejn qed jingħataw is-servizzi li qabel kienu jingħataw minn Dar Bina?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dar Bina kien il-post f’Bormla minn fejn kienu jagħtu s-servizz is-social workers ta’ l-Aġenzija Appoġġ. Minn Novembru tas-sena l-oħra, meta beda jopera l-kumpless il-ġdid “Aċċess” fil-Kottonera, dawn is-servizzi bdew jingħataw minn dan il-kumpless fejn hemm aktar faċilitajiet u b’żieda ta’ social worker ieħor mat-team li kien hemm qabel.

Programm Formula One

Question

Liema aġenzija jew enti tieħu ħsieb il-Programm Formula One? Kemm-il klijent li qed jingħata dan il-programm? Kemm hemm staff allokat għal dan il-programm? X'taħriġ u/jew kwalifiki għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-programm Formula One hu mħaddem mill-Aġenzija Appoġġ. Dan il-programm jipprovdi appoġġ lil għażagħ bi problemi ta’ mġieba biex jibnu relazzjonijiet aħjar mal-familja tagħhom u persuni oħra mportanti f’ħajjiethom. Dan isir kemm b’mod residenzjali kif ukoll billi jużaw il-post biex jirċievu pariri. Mbarra dan isir ukoll xogħol mal-familji ta’ dawn iż-żgħażagħ biex jiġu ntegrati lura fil-familji. Formula One jagħti wkoll appoġġ lil żgħazagħ li jkunu fil-kura ta’ persuni oħra li ma jkunux il-ġenituri tagħhom. Ninsab infurmat li hemm 10 persuni f’dan il-programm u minn mindu beda ħadu sehem fih 60 żgħazugħ. Il-programm immexxi minn erba’ persuni li barra xogħol fuq il-programm huma nvoluti wkoll f’xogħol ieħor fl-Aġenzija. Meta jkun hemm il-ħtieġa jinġieb staff part-time bix ikopri s-servizz residenzjali 24 siegħa kuljum. L-impjegati professjonali full-time huma gradwati fil-livell ta’ Masters fil-psikoloġija klinika, fis-social work u fil-psikoloġija fl-ewwel degree. Dawk li jaħdmu part-time mhux neċessarjament ikollhom dawn il-kwalifiki iżda jkollhom esperjenza fil-qasam soċjali minbarra li jkunu mħarrġa mill-Aġenzija għal dan ix-xogħol. Bħalissa l-programm qed jiġi evalwat fid-dawl tal-bżonnijiet ġodda li qed jippreżentaw iż-zgħażagħ.

St Vincent De Paule — Maintenance

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-swali ġewwa St Vincent De Paule li talbu li ssirilhom maintenance tas-sala u x'kienet ir-risposta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li talbiet biex isir xogħol ta’ maintenance fis-swali fir-Residenza San Vinċenz de Paule jsiru regolarment u kull talba tiġi kkunsidrata fuq il-merti tagħha u l-urġenza tax-xogħol meħtieġ.

Djar ta' l-anzjani — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu ġewwa id-djar ta' l-anzjani u x'inhuwa l-grad tagħhom, kemm hemm persuni li huma bil-kuntratt, x'inhuwa xogħolhom u kemm jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija. Ninsab infurmat li fid-Djar ta’ l-Anzjani m’hemmx impjegati fuq kuntratt..

Persuna b'diżabilita' — Benefiċċju soċjali

Question

Jista' il-Ministru jinforma bil-miktub lill-persuna b'diżabilita' li d-dettalji tagħha jidhru separatament għaliex mhux tieħu l-full amount tal-Benefiċċju Soċjali bħala Boarded out?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Health assistants

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1734 u cioe' jista' jgħid kemm hemm Health Assistants li għamlu u għaddew b’suċċess mill-kors ta’ Nursing Aide u li sal-lum għadhom jaħdmu u jitħallsu ta’ Health Assistants?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mad-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’ hemm tlett Health Assistants li temmew b’suċċess il-kors ta’ Nursing Aide u għadhom fil-grad ta’ Health Assistants.

Awtorita' tad-djar — Appartamenti tal-gvern - stallazzjoni ta' lift

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se tieħu l-awtorita' tad-djar biex jiġi stallat lift bir-riferenza HAV 3/2003 wara li nstabu strutturi llegali f'numru ta' appartamenti fl-istess blokk fejn irid isir dan il-lift?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni sottomessa mill-Awtorita’ tad-Djar għal installar ta’ lift fil-blokk li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant ġiet miċħuda mill-Awtorita ta’ l-Ippjanar u l-Ambjent għar-raġuni li hemm enforcement action fuq il-blokk. L-Awtorita’ tad-Djar oġġezzjonat għal dan għax waqt li l-enforcement action kienet fuq appartament partikolari fil-blokk, il-lift kien ser jiġi installat fil-parti komuni u għalhekk ma kienx hemm raġuni għaliex il-permess ma kellux jinħareġ. Ir-risposta ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar u l-Ambjent kienet li peress li l-lift kien ser iservi wkoll l-appartament kopert b’enforcement action, il-permess għall-lift ikun jista’ joħroġ jekk l-inkwilini ta’ l-imsemmi appartament jirregolariżżaw ix-xogħol illegali li sar fih.

Senglea — Installazzjoni ta' lift

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-possibilita' li jiġi nstallat lift fil-blokka li d-dettalji qed jintbagħtu separatament li hija okkupata minn inkwilini anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-possibilita’ li jiġi installat lift taħt l-Iskema V ta’ l-Awtorita’ tad-Djar f’post partikolari tiġi evalwata wara li ssir talba formali. Ninsab infurmat li l-Awtorita’ ma rċevietx applikazzjoni għal installar ta’ lift mill-inkwilini tal-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.

Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali — Sensior Technical Officer

Question

Jista' il-Ministru jgħid fejn waslet it-talba biex jiġi reklutat senior technical officer fis-sessjoni ta' l-investigazzjoni fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali? Kemm applikaw għal dan ix-xogħol, min intgħażel? Fiex jikkonsisti dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kien hemm 9 applikazzjonijiet għal post indikat mill-Onor. Interpellant, liema applikazzjonijiet jinsabu fil-proċess ta’ l-għażla. Ix-xogħol primarjament mistenni minn min ser jokkupa dan il-post hu dak elenkat f’paragrafu 4 tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Applikanti li huma homeless

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu applikanti d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali li huma homeless?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jalloka bla dewmien applikanti li jisfaw bla dar f’każijiet fejn applikanti jiġu żgumbrati mill-Qorti, jew ikunu ħarġu minn istituzzjoni jew darhom tiġġarraf jew ikollha ħsarat strutturali serji li jipperikolaw il-ħajja. Ninsab infurmat li d-Dipartiment ma għandux applikazzjonijiet pendenti minn applikanti li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji. B’dankollu ninsab infurmat li d-Dipartiment għandu madwar 1,200 applikazzjoni minn persuni sharing house iżda ma tinżammx statistika dwar kemm minn dawn qed joqgħodu ma’ barranin.

Pembroke — Djar tal-gvern - soqfa ta' l-asbestos

Question

Peress li għaddew iżjed minn erba' xhur mind tlabt biex jittieħdu passi biex jinbidlu soqfa ta' l-asbestos perikolużi għas-saħħa fid-djar tal-gvern f'Pembroke, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħidli jekk humiex se jittieħdu l-passi mitluba u meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern hu kommess li dawn it-tip ta’ soqfa jridu jinbidlu sal-2005 u għalhekk matul dawn is-sentejn ser issir ħidma mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex kull fejn hemm dan it-tip ta’ soqfa f’bini tal-Gvern (l-aktar f’Pembroke) dawn jinbidlu u jsiru b’mod li ma jkunux ta’ periklu għas-saħħa.

Qasam ta' l-Anzjani — Social Workers

Question

Jista' l-Onor Ministru jgħid kemm hemm social workers jaħdmu fil-qasam ta' l-anzjani, jiġifieri fid-day centres, fil-homes u f'SVDPR, tal-housing, jiġifieri fid-dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Housing Authority, ma' l-ETC, shelters, mal-persuni b'diżabilita', jigifieri fl-Adult Training Centres u s-Supported Living, fost oħrajn, u entitajiet oħra fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fid-Dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hemm impjegati 119 social workers full-time u wieħed part-time. Dwar in-numru ta’ social workers impjegati mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Pensjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-ispiża bħala persentaġġ tal-GDP tal-pensjonijiet f'pajjiżna? Jista' jgħid x'kien il-persentaġġ għaxar (10) snin ilu? X'mistenni jkun il-persentaġġ fis-snin 2020, 2030 u 2040?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ispiża tal-pensjonijiet imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali bħala persentaġġ tal-GDP kien 6.81% fl-1992 u 7.71% fl-2002. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nissuġġerixxi li din issir lill-Ministru konċernat.

Bormla — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilu quddiem id-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali l-każ ta' applikanta li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? X'tama hemm li tiġi allokata post fil-futur qarib?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li m’hemm ebda applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali — Benefiċċji tar-relief

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-mara ta' ħaddiem tat-tarzna li ħa s-somma biex ma jkomplix jaħdem f'dak il-post tax-xogħol hijiex intitolata għall-benefiċċji tar-relief?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Biex persuna tikkwalifika għall-Għajnuna Soċjali trid tissodisfa t-test tal-meżżi tad-dħul fil-ġimgħa kif ukoll dak dwar is-riżorsi kapitali tal-familja, kif stabbilit fis-Sitt Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.