Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ministeru, dipartimenti u enti oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2005-2006? Jista' jgħid f'liema grad hu kull impjegat ġdid?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mad-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, kumpanniji u azjendi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qattx ingaġġaw is-servizzi ta' Special Cleaners Limited? Jekk iva, f'liema każi, meta ġew ingaġġati, kif saret l-għażla tagħhom u kemm tħallsu s'issa?
Jista' il-Ministru jgħid x'kampanja ta' marketing hemm maħsub li ssir mill-awtorita' Maltija għat-turiżmu fil-Ġermanja? Meta se tibda din il-kampanja? X'se jkun is-seat capacity fuq ir-rotta Ġermanja-Malta matul is-sena li ġejja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-attività ta’ marketing mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta fil-Ġermanja, u l-istess f’pajjiżi oħra, hija kontinwa. Fl-2007, konxji mix-xejra pożittiva li qegħdin igawdu l-Gżejjer Maltin fis-suq Ġermaniż, ħejjejna pjani sabiex insaħħu u nintensifikaw il-ħidma u l-preżenza tagħna fis-suq. Dawn il-pjani jinkludu parteċipazzjoni fil-fieri ewlenin tat-Turiżmu u l-organizzazzjoni ta’ workshops u roadshows b’aċċenn partikolari fuq il-promozzjoni tad-diversi segments li joffri l-prodott turistiku Malti. Għas-sena 2007, l-Awtorità qegħda tħejji wkoll programm vast ta’ PR b’inizjattivi ġodda mmirati li jilħqu u jippenetraw firxa dejjem ikbar tas-suq Ġermaniż. Apparti dan kollu li semmejt, il-kampanji ta’ pubbliċita' se jkunu parti integrali mill-pjani ta’ l-Awtorità, b’iżjed flus jiġu allokati għal pubbliċita' flimkien ma’ l-operaturi, bil-għan li l-pubbliċita' tagħna tkun dejjem iżjed sales driven. Ma’ l-operaturi Ġermaniżi ppjanajna wkoll diversi attivitajiet promozzjonali oħra li jilħqu kemm lill-aġenti ta’ l-ivvjaġġar kif ukoll il-pubbliku in ġenerali.
Għas-Sajf 2007 hemm pjani ta’ żieda fit-titjiriet mill-Ġermanja mill-
Air Malta
kif ukoll titjiriet ġodda mill-kumpanija Ġermaniża,
German Wings
.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-gvern jiddeċiedi dwar servizz regolari bl-ajru bejn Malta u Għawdex peress li iżjed ma jintilef żmien iżjed se jkun diffiċli għall-operaturi Għawdxin li jirriklamaw vaganzi f'Għawdex fix-xitwa u s-sajf li ġej?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mid-dekasteru tiegħu din is-sena? Lil min ingħataw, kemm kien il-valur u għaliex? Minn liema dipartiment ħarġu?
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentiari 21983 u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21850, Seduta nru. 456, fejn il-Ministru qal li jinsab informat li l-bibien ta' Dar il-Mediterran jinfetħu skond il-bżonn u l-esiġenzi tas-saħħa u s-sigurta', xi jrid ifisser b'din it-tweġiba? Huwa qal ukoll li l-bord tat-tmexxija jimplimenta regoli stretti dwar il-ftuħ ta' uħud mill-bibien sabiex jevitaw inkonvenjenza mill-ġirien. X'inhuma dawn ir-regoli stretti? Jistgħu jsiru xi reċipjenti apposta fejn jintremew is-sigaretti? Informat li qed joħorġu numru ta' gruppi jpejpu barra u bl-istorbju tagħhom qed joħolqu inkonvenjent għar-residenti, apparti l-ħmieġ għax jarmu s-sigaretti barra.
?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
B'riferenza għall-kjarifika rikjesta dwar il-ftuħ tal-bibien ta' Dar il-Mediterran, ninsab infurmat illi t-tmexxja ta' Dar il-Mediterran hija
libera tiftaħ il-bibien kull ħin u meta jidhirlha li hu neċessarju. Jiġi preċiżat li minn jeddu il-Bord għazel li sa fejn hu possibli, il- bieb
li jagħti minn wara l-istage fuq triq Pozzi, ma jinfetaħx wara l-ħdax ta' bil-lejl, sabiex jiġi evitat xi inkonvenjent lill-ġirien.
Il-Bord mhux tal-fehma li hu għandu jiehu ħsieb li jsiru recipjenti għal-sigaretti f'postijiet pubbliċi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21858 u 22072 u jgħid x'fondi pubbliċi ntużaw mill-Ministeru għall-iżvilupp tal-kultura nazzjonali tagħna matul is-sena 2005? Lil min ingħataw dawn il-fondi u għal liema inizjattivi ngħataw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Parti sostanzjali mill-fondi tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jmorru għall-iżvilupp tal-kultura ta’ pajjiżna. Dawn il-fondi jingħataw lil entitajiet governattivi jew semi governattivi bħall-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, Heritage Malta, s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, t-Teatru Manoel u l-Kavallier ta’ San Ġakbu Ċentru għall-Kreattività. Dawn l-entitajiet jużaw parti mill-fondi tagħhom sabiex jgħinu entitajiet privati jew individwi sabiex itellgħu attivitajiet kulturali. Jekk l-Onor Interpellant jixtieq informazzjoni aktar dettaljata, nitolbu ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 22155, jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jintnefqu l-Lm5.83 miljun ta' fondi strutturali ta' l-UE fis-sena 2007? Se jilħqu jintnefqu kollha dawn il-fondi fis-sena 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed isir x-xogħol preparatorju fuq il-proġetti li qed ikunu kkunsidrati għal finanzjament mill-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ix-xogħol jinkludi l-iżvilupp ta’ kunċetti, disinji u tlestija ta’
tender documents.
Kull ħmistax isiru laqgħat fil-Ministeru fejn il-
project leaders
ta’ dawn il-proġetti jagħtu
progress reports
lis-Segretarju Permanenti.
Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-fortizzi u bini militari ieħor li jaqa' taħt Heritage Malta? Qed isir xi sforz biex gruppi ta' turisti jiġu speċifikament minn barra biex iżuruhom? Hemm xi proġett biex studenti jingħataw lectures u jżuru dawn il-postijiet storiċi, speċjalment dawk li jistudjaw l-istorja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi Heritage Malta hija responsibli biss għal Fort Delimara. Għaddej studju fuq il-Forti biex fil-futur jiġi inkorporat bħala wieħed mis-siti miftuħ għal pubbliku ta’ Heritage Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru laqgħat matul din is-sena ma' għaqdiet sportivi biex jiġi żgurat li jiżdiedu l-attivitajiet sportivi bi skop turistiku? Ma' min saru u x'riżultati kien hemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21906, jista' il-Ministru jgħid, minkejja l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba msemmija, jekk hemmx btajjel li huma mmirati prinċipalment għal gruppi ta' turisti li huma interessati biex jaraw il-wirt reliġjuż?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi hemm numru ta' cruise liners li jorganizzaw vjaġġi fil-Mediterran imsejħa On the footsteps of Saint Paul. Bosta minn dawn il-vjaġġi jinkludu portijiet u siti li żar San Pawl. Malta tinsab fuq l-itinerarju ta' numru minn dawn il-vjaġġi. Il-pellegrini li jżuru Malta ħafna drabi jmorru jaraw u jitolbu San Pawl il-Baħar faċċata tal-gżejjer ta' San Pawl, iżuru wkoll il-katakombi ta' San Pawl ġewwa r-Rabat kif ukoll numru ta' knejjes fosthom il-Kon-Katidral ta' San Ġwann u l-knisja tal-Mosta.
Jeżistu ukoll numru ta' operaturi barranin speċjalment Taljani u Franċiżi li joperaw lejn Malta b'tema kulturali. Fost dawn ta' min isemmi l-Opera Romana Pellegrinaggi (Vatikan), Brevivet (Milan), Rusconi Viaggi (Lecco), Terre Entiere La Prochure u Notre Dame du Salut (Pariġi). Dawn l-operaturi għandhom rappreżentanti hawn Malta li joffrulhom btajjel immirati lejn il-wirt reliġjuż.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21907, jista' il-Ministru jgħid għalkemm huwa minnu li l-mużewijiet fil-parroċċi huma tal-Knisja, jaħsibx li Heritage Malta għandha tagħmel arranġamenti għal żjajjar mit-turisti? Jaqbel il-Ministru li patrimonju hekk rikk li jagħmel unur lil pajjiżna m'għandux jibqa' imsakkar u kważi qatt ma jkunu miftuħa għall-pubbliku?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Heritage Malta tista taċċetta u tħajjar viżitaturi lokali u minn barra għas-siti tagħha biss.
Minkejja dan, naqblu bi sħiħ li hemm patrimonju hekk rikk fil- mużewijiet fil-parroċċi.
Matul is-sena 2004 kemm nefqet l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu fuq reklamar f'pajjiżi oħra? Kemm nefqet fis-sena 2005? Kemm se tonfoq fis-sena 2006 u kemm qed tistma li se tonfoq fis-sena 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-nefqa ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'reklamar f'pajjiżi oħra fis-snin 2004, 2005 u 2006 kienet kif ġej:
2004 Lm 1,882,315
2005 Lm 2,098,849
2006 Lm 2,159,602
L-ispiża għas-sena 2007 hi maħsuba li tkun viċin dik ta' l-2006.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu t-total ta' fondi mill-Unjoni Ewropea li se jintnefqu fi proġetti turistiċi fis-sena 2007? X'tip ta' proġetti se jsiru, fejn u kemm se tkun in-nefqa fuq kull proġett? Meta se jibda x-xogħol fuq kull proġett u meta se jintemm?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Is-sena d-dieħla mill-fondi strutturali 2004-2006 ser jintefqu Lm 697,000 fuq il-proġett ta' Haġar Qim u l-Imnajdra u fuq taħriġ għall-industrija tat-turiżmu.
Kif imħabbar fil-budget, għas-sena 2007 hemm maħsub li jintefqu Lm 5.83 miljuni għall-proġetti turistiċi u kulturali mill-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropeja 2007-2013. F'dan l-istadju għadu kmieni biex jingħataw dettalji fuq il-proġetti speċifiċi, minħabba kif jaħdem l-istess proċess tal-mekkaniżmu tal-fondi strutturali.
Hemm numru ta' proġetti oħrajn li huma maħsuba li jsiru permezz ta' fondi oħrajn mill-Unjoni Ewropeja, partikolarment minn programmi ta' fondi diretti. Dettalji fuq dawn il-proġetti jkunu jistgħu jingħataw aktar il-quddiem.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21729 u jgħid x'sar outsourcing u kuntratti simili jew anċillari għall-proviżjon ta' servizzi mill-ministeru, mid-dipartimenti u mill-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu matul is-snin 2004, 2005 u 2006?
Min kienu l-kumpanniji, individwi, firms, etc. li ħadu dan ix-xogħol (outsourcing u kuntratti ta' proviżjoni ta' servizzi )matul l-istess snin u perijodi?
Kemm tħallsu kull individwu u/jew ente li rċeviet xogħol bħal dan mill-ministeru, dipartiment jew ente li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-istess perijodi?
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlametnari 21858 u jgħid x'fondi pubbliċi ntużaw mill-Ministeru għall-iżvilupp tal-kultura nazzjonali tagħna matul is-sena 2005? Lil min ingħataw dawn il-fondi u għal liema inizjattivi ngħataw?
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21853, u jgħid kemm kumpanniji tal-vapuri għażlu l-port tagħna bħala l-home port tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Port tal-Belt Valletta kien il-home port għal SS Libra ta' Star Cruises fl-2006. Fil-passat kellna ukoll lil My Travel u Louis Cruises li użaw il-port tagħna bħala l-home port f'perjodi differenti.
Fl-2007 se jkollna turnaround operations minn linji ta' cruises differenti filwaqt qed isiru negozjati għal homeporting operations fl-2008.
Nixtieq nippreċiża illi Star Cruises telqu minn Malta minħabba li qegħdin ibiddlu l-istrateġija tal-grupp u kellhom bżonn il-bastiment SS Libra sabiex jidħlu fis-settur ta' gambling cruises fis-swieq Asjatiċi.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21856 u jgħid matul is-sena 2006 kemm hu stmat li ngħataw flus operaturi ta' l-ivvjaġġar biex iġibu turisti lejn Malta u Għawdex? Kemm kienu obbligati jġibu turisti biex jingħataw din l-għajnuna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hi ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.
Jekk iżda l-Onor interpellant b'mod kunfidenzjali għandu bżonn xi informazzjoni partikolari inkun dispost ngħaddijielu.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-valur tal-proġetti li se jiġu funded permezz ta' l-ERDF "Tourism Product Improvement" - Crucifix Hill and Howard Gardens, kull proġett separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-proġetti ta’ l-ERDF 15 fl-Imdina u fil-Belt Valletta ser ikunu approssimament kif ġej:
Ġnien Howard Lm 350,000
Bankina Ġlormu Cassar Lm 177,000.
Dawn il-valuri jistgħu jinbidlu peress illi l-kontijiet finali għadhom qed jiġu finalizzati.