Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 303 u cioe' jgħid meta se jitlesta x-xogħol kollu fuq il-Mosta ringroad? Kemm tħallas il-kuntrattur sal-lum għax-xogħol li għamel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ammont ta' xogħol li sar s'issa fuq il-Mosta ring road jammonta għal Lm901,192 u minnhom tħallsu Lm533,729.
Peress illi kellhom jinbnew service ducts ta' daqs akbar min dak previst u xogħol ta' renewals ta' mains kbar ta' l-ilma, il-valur tal-kuntratt oriġinali ntlaħaq, għalhekk qed isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-kuntrattur biex ix-xogħol addizjonali jkun jista' jsir ukoll taħt dan il-kuntratt. Id-data li fija jitlesta' dan ix-xogħol tiġi stabbilita meta jitlestew id-diskussjonijiet.
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 302 u cioe' jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol kollu fuq it-triq li tagħti mis-Salina sa l-Iklin? Kemm tħallas s'issa l-kuntrattur fuq dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ammont ta' xogħol li sar s'issa fit-triq li tagħti mis-Salina sa l-Iklin jammonta għal Lm1,355,660 u minnhom thallsu Lm980,000.
Peress illi kellhom jinbnew service ducts ta' daqs akbar min dak previst, xogħol ta' renewals ta' mains kbar ta' l-ilma u tisħiħ tal-pedament tat-triq, il-valur tal-kuntratt oriġinali intlaħaq, qed isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport, id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-kuntrattur biex ix-xogħol addizjonali jkun jista' jsir ukoll taħt dan il-kuntratt.
Hu stmat li x-xogħol li baqa jieħu 22 ġimgħa li jibdew min meta jintemmu dawn id-diskussjonijiet.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jirrikkmanda li jingħata wiċċ xieraq lil Triq Indri Borg, f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għal asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Peress li parti qasira ta' Triq il-Merħba fil-Fgura hija fi stat ħażin ħafna u mħarbta u f'din il-medda mħarbta hemm żewġ warehouses li kull meta jinħarġu l-affarijiet u l-merkanzija minnhom għal ġol-vetturi li jġorruhom dawn jinkisru b'telf għan-negozjant/sid. Jogħġbu il-Ministru jara li ta' l-anqas din il-parti tat-triq titwitta mill-aktar fis?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena infurmat illi filwaqt illi d-Direttorat tat-Toroq lesta x-xogħol preparatorju għall-asfaltar ta' parti minn Triq Merħba kantuniera ma' Triq is-Summien fl-inqas żmien possibli mistennija tiġi ppublikata s-sejħa għall-offerti sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista jsir. Il-parti l-oħra ta' Triq Merħba imsemmija mill-Onorevoli Interpellant qegħda mniżżla fil-programm ta' toroq li għandhom isiru aktar '
l quddiem skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal-żmien fid-Direttorat.
Jogħġbu il-Ministru jara li jiġu nstallati pelican lights f'Dawret il-Gudja, Gudja mill-aktar fis peress li l-wisa' u t-tul sostanzjali ta' din it-triq qed iwasslu għal sewqan eċċesiv bil-konsegwenza li ġieli ttajjru nies li jkunu qed jaqsmu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn riċerka li saret fir-rekords tad-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku, irriżulta li d-Direttorat ma rċieva ebda rikjesta mill-Kunsill Lokali tal-Gudja rigward pelican crossing f'Dawret il-Gudja. Sadanittant l-Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta ser tressaq it-talba ta' l-Onor. Interpellant lill-Kunsill Lokali kkonċernat.
Jogħġbu il-Ministru jara li Triq Carmelo Robinich, Triq Salvatore Imbroll, Triq Mons. F. Xuereb, Triq Anġlu Psaila, lkoll f'Raħal Ġdid, jiġu asfaltati mill-aktar fis, iktar u iktar issa li l-asfaltar fi Triq ix-Xewk f'Raħal Ġdid li tinsab f'nofshom, beda diġa u l-loġika tiddetta li l-area kollha tkun ta' l-istess livell?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq lesta x-xogħol preparatorju għall-asfaltar tat-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u s-sejħa għall-offerti sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista jsir mistennija toħroġ aktar 'l quddiem.
Għad li forsi għadu prematur sabiex jiġi kontemplat dan il-proġett, jaħseb il-Ministru li in vista taż-żieda eżaġerata fil-volum tat-traffiku u kif din mistennija tkun fi żmien ħames snin oħra (skond studju ta' l-2002 tal-MEPA), għandhux jiġi kontemplat proġett ta' sistema ta' underground railway (bħal ma hemm fi bliet Ewropej) jew tube anke forsi b'fondi mill-Unjoni Ewropea, kif sar f'Ateni fil-Greċja matul l-aħħar għaxar snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Dwar it-Trasport kontinwament tistudja kif tista' tirranġa l-meżżi tat-trasport, anke dawk tal-massa, madankollu wieħed irid, dejjem iżomm quddiem għajnejh il-fatt li sistemi ta' underground jiswew miljuni kbar biex jinbnew u miljuni oħra f'manutenzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx sar xi ftehim, bejn xi regolatur u dawk li joffru s-servizzi ta' traġitt lejn Kemmuna, bħala servizz pubbliku? Jekk iva meta sar dan il-ftehim, u min qed jirregola s-servizz u n-noll? Jekk le meta ser jiġu rregolati s-servizz u n-noll?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fil-preżent ma jeżisti l-ebda ftehim bejn xi regolatur u dawk li joffru s-servizzi ta' traġitt lejn Kemmuna u ma hemmx pjani sabiex dan is-servizz u n-noll jiġu regolati.
Hompesch Road/M'Scala bypass — Xogħol fil-junction
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol tal-junction bejn Hompesch Road u M'Scala bypass? Kemm kienet l-istima oriġinali tax-xogħlijiet? Meta nbeda x-xogħol, kemm kellu jieħu żmien sabiex jitlesta u kemm fil-fatt dam sakemm tlesta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq il-proġett tal-Junction ta' Marsaskala beda fi Frar 2002 u kellu jispiċċa f'Lulju 2002.
Waqt ix-xogħol instab li kien hemm bżonn isir cement stabilization fil-pedament tat-triq u riedu jinbidlu wkoll xi soqfa tal-gwiebi li nstabu taħt it-triq. Fuq talba tan-nies inbnew boundary walls mal-ħitan ta' l-għelieqi u retaining wall fid-daħla tat-triq. Il-valur tal-kuntratt kien stmat li ser jiswa LM132,000 iżda b'dan ix-xogħol addizjonali l-proġett ġie jiswa madwar Lm210,000 u fil-fatt tlesta f'Awissu ta' l-istess sena.
B'referenza għal-mistoqsija parlamentari numru 320, jista' il-Ministru għallinqas jirrakkomanda li jsiru pelican lights biex jiffaċilitaw il-qsim ta' Triq l-Imdina li hi ferm traffikuża u li ma taqax taħt il-Kunsill Lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta ma rċeviet l-ebda talba biex isiru pelican lights fil-post imsemmi. Għaldqaqstant, l-Awtorita qed tikkunsidra t-talba ta' l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jirrakomanda li jingħata wiċċ xieraq lil Triq Ġdida fi Triq il-Kandlora Żebbuġ Malta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara programm għal asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' il-Ministru jintervjeni sabiex Triq Leonardo Abela f'Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-aktar fis peress li qatt ma ġiet asfaltata u hija ta' periklu serju għal saħħithom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi Triq Leonardu Abela hija waħda mid-diversi toroq li qed jiġu spezzjonati mill-Awtorita dwar it-Trasport biex tiżdied fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-direttorat, u x-xogħol f'dawn it-toroq isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Jista' il-Ministru jara li jitwaħħlu sleeping policemen jew xi forma oħra ta' tnaqqis ta' veloċita' tal-karozzi ġewwa Triq Patri Magri, Marsa minħabba li l-veloċita' eċċessiva tal-vetturi qed tipperikola l-ħajja tan-nies?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn riċerka li għamel id-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku, irriżulta li fi Triq Patri Magri, Marsa diġa hemm installati sleeping policemen hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jixtarr il-possibilita' li ssir sleeping policeman fi Triq Joseph Burlo, Tarxien, minħabba l-ispeed eċċessiv li bih qed jgħaddu l-vetturi issa li t-triq ġiet asfaltata b'mod tajjeb immens?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku huwa nfurmat mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien li dan il-kunsill ma jaqbilx mal-kunċett ta' sleeping policeman.
Jogħġbu il-Ministru jinterjveni sabiex Triq il-Miġra fil-Gudja tingħata l-asfalt minħabba li l-istat tagħha huwa ħażin immens?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi Triq il-Miġja hija waħda mid-diversi toroq li qed jiġu spezzjonati mill-Awtorita dwar it-Trasport biex tiżdied fil-program ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-Direttorat, u x-xogħol f'dawn it-toroq isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Jista' il-Ministru jintervjeni sabiex Triq l-Isqof Pietru Pace f'Raħal Ġdid tiġi asfaltata ladarba s-servizzi neċessarji diġa' ġew mgħoddija minn din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien ninsab infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq qiegħed il-ħin kollu f'kuntatt mal-Kunsilli Lokali biex ikun implimentat xogħol ta' titjieb f'diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant isir aktar 'l quddiem skond l-eżiġenzi tad-Direttorat.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li jirrikkmanda li jsiru traffic lights fil-viċinanzi tax-showroom ta' SMW Cortis fi Triq l-Imdina, f'Ħaż-Żebbuġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġjar tat-Traffiku, irriżulta li d-Direttorat ma rċieva ebda rikjesta mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żebbuġ rigward Traffic Lights fi Triq l-Imdina u dan id-Direttorat ma jirrikomandax li din il-junction tiġi kkontrollata minn sistema ta' traffic lights għax ir-roundabout li hemm eżistenti għandha biżżejjed capacity għat-traffiku li jgħaddi minn din it-triq.
Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg - pelican crossing
Question
Possibbli d-Dipartiment tat-Toroq jghid meta se ssir il-pelican crossing fil-post li d-dettalji tieghu qed jintbaghtu separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi fi Triq il-President Anton Buttigieg hu ppjanat li ssir zebra crossing u mhux pelican lights. Din iz-zebra crossing mistennija titlesta aktar 'l quddiem.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla t-twessiegħ ta' Triq il-Kanġu Żurrieq fejn il-Boundary Wall ġie mibni filwaqt li t-twessiegħ ma tlestiex u ma ngħatax wiċċ? Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir fir-rigward ta' traffic managment fi Blue Grotto Avenue Żurrieq flok ir-round about li tneħħiet? Ta' min jinnota li kif inhi fil-preżent it-triq qed toħloq periklu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta' kif hija pjanata li ssir Blue Grotto Avenue flimkien ma' Triq il-Kanġu kantuniera magħha.
Il-kulur aħdar muri fuq il-pjanta juri Triq il-Kanġu kif kienet oriġinarjament, qabel ma ġiet imwessa t-triq filwaqt li l-kulur blue juri kif hi pjanata li tiġi ffurmata triq il-Kanġu ma' Vjal Blue Grotto u kif ser jiġi mmexxi l-immaniġjar tat-traffiku. Il-kulur iswed fuq il-pjanta juri kif kienet it-triq qabel ma beda jsir ix-xogħol fiha.
Jien infurmat li l-Junction mistennija titlesta sa' l-aħħar ta' Ġunju.
Jista' il-Ministru jirrikkmanda l-introduzzjoni ta' traffic calming measures fi Triq it-Turisti, ma' Triq Cassarino, ħdejn il-playing field ta' Buġibba li ġieli qed ikun hemm overspeeding f'area frekwentata mit-tfal għax hemm il-playing field?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalkemm l-area msemmija taqa' taħt ir-responsabilta' tal-Kunsill Lokali, tlabt lill-Awtorita' dwar it-Trasport biex tiddiskuti din it-talba mal-Kunsill Lokali.