Legislature:
Category:
Reset
Active:

Allowances/Overtime — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħata l-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament mill-ministeru għall-infrastruttura? Kemm tħallas flus f'overtime u allowances, xahar b'xahar minn Ottubru 1998 sal-lum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata huwa ngaġġat fuq kuntratt definit bħala uffiċjal tas-Segretarjat tiegħi u huwa ntitolat għal remunerazzjoni kif provdut fil-kuntratt li ffirma. Minn Ottubru 1998, ma tħallas l-ebda 'overtime'. Ma jidhirlix li hu prudenti li nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt. Pero', r-remunerazzjoni tiegħu hija pegged ma' Salary Scale 10 (jiġifieri Lm6104 għas-sena 2002) flimkien mal-bonus tal-Milied u ta' nofs is-sena. Huwa għandu 'allowance' ta' Lm75 fix-xahar għall-ħin żejjed li jagħmel. Jekk il-ħin żejjed jaqbeż il-ħamsin siegħa f'xahar, għandu bonus ta' Lm40 oħra fix-xahar.

Gradi — Overtime/Allowances

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-persuni li isimhom qed jintbagħtu separatament, fil-ministeru ta' l-infrastruttura? X'inhu l-grad ta' dawn il-persuni? Kemm tħallsu flus kull wieħed f'overtime u allowances oħrajn kull xahar minn Ottubru 1998 sal-lum? Matul dan l-istess perjodu, dawn il-persuni ingħataw xi tip ta' kuntratt mil-ministeru jew xi dipartiment jew entita' oħra fir-responsabilta' ta' dan il-ministru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ewwel persuna msemmija huwa mpjegat mal-Ministeru fil-grad ta' Senior Technical Officer. Huwa jitħallas overtime għall-ħin żejjed li jagħmel. Rigward it-tieni persuna msemmija fil-mistoqsija, dan huwa mpjegat mal-Ministeru bħala l-Assistent Personali tiegħi b'kuntratt li jiġi mġedded minn sena għal sena. Is-salarju tiegħu huwa pegged ma' Salary Scale 5 (Lm8,516 għas-sena 2002). Huwa għandu 'allowance' ta' Lm115 fix-xahar għall-ħin żejjed li jagħmel. Għandu wkoll il-faċilita' ta' użu ta' karozza u ta' servizz tat-telephone b'xejn. Dwar it-tielet persuna, dan huwa mpjegat mal-Ministeru bħala Messaġġier b'kuntratt li jiġġedded minn sena għal sena. Is-salarju tiegħu huwa pegged ma' Salary Scale 12 (Lm5404 għas-sena 2002). Huwa għandu 'allowance' ta' Lm60 fix-xahar għall-ħin żejjed li jagħmel. Jekk il-ħin żejjed jaqbeż il-ħamsin siegħa f'xahar, għandu bonus ta' Lm40 oħra fix-xahar.

Ġbir ta' Waste għar-recycling

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi dipartimenti tal-gvern jew privati li qegħdin jiġbru materjal għal recycling? Fejn jeżistu dawn il-postijiet: aluminium waste; iron waste; glass waste u paper waste? Teżisti xi informazzjoni għall-produtturi ta' dawn l-industriji fejn jistgħu jiddisponu minn dan il-waste għall-iskop imsemmi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Immaniġjar ta' l-Iskart u Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija għandu faċilitajiet għall-ġbir ta' materjal bħal aluminium waste, iron waste, glass waste u paper waste u plastic li jinġabar u jiġi storjat f'diversi lokalitajiet tad-dipartiment sakemm imorru għar-riċiklaġġ. Dawn jinsabu fiċ-Ċentru tad-Dipartiment għall-Immaniġjar ta' l-Iskart u Implimentazzjoni ta' l-Istrateġija, il-Marsa, l-Impjant ta' Sant'Antnin, Wied il-Għajn u fil-landfills tal-Magħtab u Wied Fulija. Dan id-Dipartiment m'għandux kontroll rigward entitajiet privati li qegħdin jiġbru materjal għar-riċiklaġġ.

Dipartiment tad-Drenaġġ — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders li ngħataw mid-dipartiment tad-drenaġġ (anke dawk li taw wara talba għal quotation) mill-bidu tas-sena 2001 sal-lum? Xi jkopri dan ix-xogħol, lil min ingħata u x'inhu l-valur tax-xogħol li sar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Wied ta' l-Isqof

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport imħeġġi mit-taqsima għall-ambjent nadif dwar il-Wied ta' l-Isqof wara li ġie spezjonat minn diversi uffiċjali ta' l-istess sezzjoni? Huwa l-każ li jitqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mill-ġeoloġista b'mod separat? X'deċiżjoni ħa d-dipartiment dwar it-tindif ta' dan il-Wied jew almenu l-aktar partijiet kruċjali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-ġeoloġista illi juri l-kundizzjoni ta' Wied Isqof u r-rakkomandazzjonijiet għall-interventi biex jittaffa l-għargħar.

Gzira United Football Club

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 33713 li kienet saret lill-ministru ta' l-edukazzjoni, billi xi żmien ilu l-Gzira United F.C. kienu ġew mwiegħda mill-ministru preċedenti responsabbli għall-ambjent draft agreement dwar il-football ground il-ġdid li kellu jinbena Manoel Island bħala parti mill-proġett tal-MIDI, jista' jgħid meta dan l-abbozz ta' ftehim ser jiġi ippreżentat lil dan il-club? Jikkonferma li l-ground se jinbena flok il-Phoenicia Glass Blowers Co. Ltd. Il-ground il-ġdid ser jkun b'titlu ta' dan il-club u jekk le, f'isem min se jkun vestit it-titlu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nista' ninforma lill-Onorevoli Interpellant li se jkomplu t-taħdidiet mal-Gżira United Football Club fuq is-suġġetti ndikati. Wara li jintemmu dawk it-taħdidiet li kienu diġa' nbdew bejn il-Gvern u l-istess Club, inkun nista' nwieġeb għall-istess mistoqsijiet.

Raħal Ġdid — Triq Zabbar - Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li titnaddaf is-sistema tad-drenaġġ fi Triq Zabbar, Raħal Ġdid minħabba l-intiena insapportabbli li hemm b'dannu għar-residenti li lanqas jistgħu jħallu l-bibien u t-twieqi li jagħtu għall-istess triq miftuħa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ser isir it-tindif neċessarju fi Triq Żabbar, Raħal Ġdid permezz tal-jetting/suction bowser fil-ġranet li ġejjin.

Baħrija — Pjanti tal-Ġnien

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi kopja tal-pjanti tal-Ġnien li se jiġi żviluppat fil-Pjazza tal-Knisja l-Ġdida tal-Baħrija, fejn riċentement tħawlu madwar 10 siġriet ta' prinjol minn tlett ministri? Jista' jikkunsidra li f'din il-parti tal-pjazza ssir girna sabiex il-karatteristika rurali tal-pjan ma' tintilifx?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Promozzjonijiet

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija 33383, jista' l-Ministru jgħid f'liema gradi ingħataw dawn il-promozzjonijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-promozzjonijiet kienu dawn: 1 Public Cleansing Officer 1 Public Cleansing Foreman 1 Senior Public Cleansing Foreman 3 Diretturi 11 Assistent Diretturi 4 Operational Support Worker 2 Operative 14 Senior Operative 1 Marbler 4 Supervisor 3 Assistant Technical Officer 3 Assistant Foreman 6 Security Guard 3 Chief Engineer 2 Technical Officer 33 Senior Technical Officer 1 Foreman 4 Senior Messenger 1 Chief Quantity Surveyor 3 Senior Engineer 5 Operations Manager 1 Senior Scientific Officer 1 Principal Security Officer 5 Principal Technical Officer 9 Principal 2 Legal Officer 1 Principal Scientific Officer 13 Junior Architect & Civil Engineer

Proġett Skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu l-persuni li kitbu u ddisinjaw il-fuljett proġett skart li intbagħat fid-djar kollha? Kemm tħallsu dawn il-persuni għax-xogħol li għamlu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-persuni li kitbu u ddisinjaw il-fuljett "Proġett Skart" intgħażlu mill-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura minħabba l-idea nnovattiva u sempliċi li pproponew biex jitwassal il-messaġġ fid-djar. Il-kitba saret minn Marie Briguglio, it-tpinġija minn Adrian Fenech u d-disinn minn Pierre Portelli. Tax-xogħol tagħhom dawn it-tliet min-nies tħallsu s-somma globali ta' Lm400.

Nefqa Kapitali

Question

Peress li l-Ministru ġie kkwotat li qal li Gvern Nazzjonalista nefaq aktar minn Lm400 miljun matul l-aħħar erba' snin f'nefqa kapitali, jista' jagħti breakdown sena b'sena tan-nefqa imsemmija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

F'konferenza politika fl-Uffiċju Nazzjonalista taż-Żurrieq jiena ġejt ikkwotat li għidt li f'dawn l-erba' snin (1999-2002) il-Gvern se jkun għamel investiment ta' aktar minn Lm400 miljun fi proġetti ta' natura kapitali. Din iċ-ċifra tirriżulta mill-Estimi għas-snin 1999-2002 li huma pubbliċi.

Discharge Permit Unit — Interviews

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33499 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Intern u l-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu: B'riferenza għall-vakanzi ta' assistant technical officer (discharge permit unit) mad-dipartiment tad-drenaġġ tat-taqsima ta' xogħlijiet jista' l-Ministru jgħid sarux l-interviews? Jekk iva, meta saru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-interviews biex jimtlew vakanzi ta' Assistant Technical Officer (Discharge Permits Unit) mad-Dipartiment tad-Drenaġġ fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet għadhom ma sarux.

Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi, vannijiet u nġenji oħra li l-Ministeru u d-Dipartimenti, Entitajiet eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru, kellu mikrija jew le, matul is-sena li għaddiet? X'kienet is-sitwazzjoni għas-snin 2000, 1999, 1998 u 1997 separatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Jien m'iniex sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata fuq firxa ta' ħames snin mitluba fil-mistoqsija numru 31806 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar. Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni.

Marsaskala — Triq l-Immakulata

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq l-Immakulata, Marsaskala, tingħata kisja tarmac peress li qed tkun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti tagħha?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Mellieħa — Bowsers ta' l-Ilma

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex matul dawn l-aħħar 5 ġimgħat ma ntbgħatux bowsers ta' l-ilma lill-bdiewa kollha li jaħdmu r-raba' fl-inħawi tal-Qammieħ il-Mellieħa minħabba l-kontaminazzjoni tad-drenaġġ li żblokkat fl-ispieri tal-bdiewa msemmija? Jista' l-Ministru jara li jibdew jintbgħatu bowsers ta' l-ilma sabiex l-uċuħ tar-raba' ma jkomplux jinqerdu kif ġara bil-prodott matul dawn l-aħħar 4 ġimgħat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li allavolja d-Dipartiment tad-Drenaġġ ma pprovdiex ilma bil-bowser lill-bdiewa, id-Dipartiment qatt ma żamm lill-istess bdiewa milli jġibu l-ilma huma. Infatti, għalkemm, f'April id-Dipartiment, permezz tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, kien ikkonferma liż-żewġ bdiewa konċernati li setgħu jġibu l-ilma meħtieġ biex isaqqu r-raba tagħhom u li d-Dipartiment kien ukoll lest illi jikkumpensahom għal dak l-ilma li setgħu ġabu l-istess bdiewa mid-19 ta' Frar ta' din is-sena, id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura informa lid-Dipartiment li l-bdiewa in kwestjoni sostnew li din l-offerta ma kenitx prattikabbli għal diversi raġunijiet. Għalkemm il-bdiewa konċernati ġew mitluba sabiex jippreżentaw irċevuti ta' l-ilma li kienu ġabu huma stess biex id-Dipartiment ikun jista' jikkumpensahom ta' dak l-ilma, dawn l-irċevuti qatt ma ġew ippreżentati. Madankollu, l-Ministeru intervjena mal-Ministeru ta' l-Agrikoltura biex isir ukoll assessment ta' xi ħsarat li setgħu sofrew l-istess bdiewa. Dan l-assessment għadu qed isir.

Impjant għat-Trattament tad-Drenaġġ — Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 33262 u cioe: Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 33058 u cioe, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-applikazzjoni li n-numru tagħha qed jintbagħat separatament u l-pjanti relattivi tal-PA għall-bini ta' impjant għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

COWI — Kuntratt tal-Konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien il-valur tal-kuntratt tal-konsulenza oriġinali li l-gvern iffirma mad-ditta COWI fl-1993?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-valur tal-kuntratt tal-konsulenza oriġinali li l-Gvern iffirma mad-ditta COWI fl-1993 kien ta' Lm590,000.

Inġenji

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 33228, jista' l-Ministru jagħti breakdown tat-tip ta' inġenji msemmija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: Tip ta' Inġenji Inġenji Distretti fit-Taqsima 1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 ____________________________________________________________ Karozzi 34 / / 1 / / / / / / / Jeeps 18 1 2 / / 2 1 2 / 1 / Vannijiet 72 / 1 1 2 1 4 / / 1 1 Trakkijiet 40 / / / / / 2 / / / 2 Bowser ta' l-ilma 1 / / / / / / / / / / Bowser tal-fuel 1 / / / / / / / / / / Trakk High-up 1 / / / / / / / / / / Bowser tad-drenaġġ 2 / / / / / / / / / / Bowser tal-ħasil 1 / / / / / / / / / / Tractor Units 1 / / / / / / / / / / Krejn Telescopic 1 / / / / / / / / / / Skid Steer Loaders 4 / / / / / 1 / / 1 / Dumpers 2 / 1 / / 1 / / / / / Forklifts 5 / / / / / / / / / / Graders 3 / / / / / / / / / / Road Rollers 16 / 2 1 2 3 2 1 1 1 2 Gaffa tar-roti 27 1 1 1 1 / 2 1 1 1 2 Bulldozers 5 / / / / / / / / / / Kumpressuri 27 1 1 1 2 2 2 2 1 1 1 Gaffa tal-katina 4 / / / / / / / / / / Hydraulic Excavator 2 / / / / / / / / / / Vibro Tampers 14 / / / 1 1 2 1 1 1 / H/G Vibrator Roller 4 1 / / / / / / / / / Tower Ladders 2 / / / / / / / / / /

Drenaġġ — Xgħajra

Question

Jista' l-Ministru jordna li t-tappieri tad-drenaġġ li jinsabu allinejati ġewwa Triq Dwardu Ellul, Xgħajra jiġu debitament mibdula billi dawn ma humiex tal-kwalita' neċessarja sabiex jagħlqu l-irwejjaħ li l-ħin kollu jitilgħu u anke għaliex ma humiex tqal u ssiġillati kif suppost appena jkun hemm żieda dawn jinfetħu u joħroġ kollox fit-triq b'detriment għal kulħadd?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-tappieri fi Triq Dwardu Ellul ser jinbidlu fil-ġranet li ġejjin.

Drenaġġ — Triq Arthur Borton - Mosta

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta sejjer isir is-servizz tad-drenaġġ fi Triq Arthur Borton, l-Mosta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li dan is-servizz jonqsu l-bini ta' Pumping Station, li l-permess tagħha, jiġifieri ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, huwa mistenni li joħroġ f'qasir żmien.