Legislature:
Category:
Reset
Active:

Isla — Restawr ta' statwi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta mistenni jiġu restawrati żewġ statwi żgħar li juru lil San Pietru u San Pawl u li jinsabu kantuniera ma' Triq il-Vittorja l-Isla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li sa llum dawn ix-xogħlijiet m'humiex inklużi fil-programm tax-xogħlijiet tas-Sezzjoni tar-Restawr f’dan il-Ministeru. Is-Sezzjoni qed tiġi nfurmata biex tinkludi dan ir-restawr fil-lista' ta' xogħlijiet pendenti.

Għaqdiet sportivi

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19970 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jistax jikkonsidra li minħabba s-sħana tremenda li tagħmel fil-pajjiż matul ix-xhur tas-sajf, jingħata skont lil dawk l-għaqdiet sportivi li jorganizzaw attivitajiet sportivi filgħaxijiet taħt id-dawl artifiċjali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li m’hiex il-funzjoni ta’ l-Awtorita` ta’ Malta dwar ir-Riżorsi li tagħti skont lill-konsumaturi, inklużi għaqdiet sportivi.

Ta' Xbiex — Xogħol ta' Embellishment

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'xogħlijiet li jkopru wkoll tiswija jew embellishment hemm maħsuba fil-lokalita' ta' Ta' Xbiex mill-gvern ċentrali? Meta se jsiru u kemm se jiswew lill-gvern?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li x-xogħol maħsub għall-lokalita` ta’ Ta’ Xbiex jikkonsisti f’tisbiħ tal-Promenade. Ix-xogħol ser jibda fl-aħħar ta' l-2006 u huwa stmat li jiswa Lm 90,000.

Importazzjoni ta' fuel

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal il-gvern fil-programm biex jiftah l-importazzjoni tal-fuel f'pajjiżna? Meta hemm pjan li dan is-suq jiġi liberalizzat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jiena nfurmat illi l-abbozz tal-leġislazzjoni neċessarja biex dan il-proċess tal-liberaliżżazzjoni tas-suq tal-fuel f’Malta jseħħ, jinsab fi stadju avvanzat u ser jiġi finaliżżat wara li jsir it-tibdil meħtieġ skond il-politika mfassla mill-Awtorita' tar-Riżorsi u wara l-approvazzjoni tal-Gvern fir-rigward tal-liberaliżżazzjoni ta’ dan is-suq. Il-politika qed tiġi mfassla wara proċess intensiv ta' konsultazzjoni li kien jinkludi kemm sottomissjonijiet bil-miktub kif ukoll sensiela ta' laqgħat mal-partijiet kollha nteressati.

Wied ta' Burmarrad

Question

Għaliex il-gvern se jċaqlaq ir-rotta oriġinali tal-wied ta' Burmarrad? Min kienu l-esperti lokali u/jew barranin li taw dan il-parir?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li r-rotta tal-kanal li hi proposta minħabba l-problema ta’ l-għargħar fil-pjanura ta’ Burmarrad ġiet imfassla minn periti tat-Taqsima tax-Xogħlijiet b’konsultazzjoni m’uffiċjali mid-Dipartiment ta’ l-Agrikultura. Meta ntgħażżlet din ir-rotta ttieħdu nkonsiderazzjoni t-topografija eżistenti, il-qlib neċessarju kif ukoll il-fragmentazzjoni ta’ l-egħlieqi.

Wied ta' Burmarrad

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-gvern ma kkonsultax mal-bdiewa kollha ta' Burmarrad u għarrafhom li se jċaqlaq u jbiddel ir-rotta oriġinali tal-wied ta' Burmarrad?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li uffiċjali mill-Works Division regolarment ikkonsultaw m'uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura fuq kull żvilupp fuq ir-rotta tal-kanal. L-uffiċjali ta' l-Agrikoltura min-naħa tagħhom infurmaw lill-bdiewa konċernati, wara li kienet ħarġet in-notifika fil-Gazzetta tal-Gvern, madwar sena ilu, rigward it-terminu tal-qbiela fuq l-art li se jsir il-proġett.

Light heating oil

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk humiex isiru investigazzjonijiet dwar użu abbużiv li jista' ikun qed isir minn light heating oil?

Response (ZAMMIT, NINU)

M'hemm xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20159.

Riżorsi u Infrastruttura — Cyberspace Solutions Ltd

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, jew xi kumpanniji parastatali, korporazzjonijiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu f'dawn l-aħħar ħames snin qattx għamlu użu mill-kumpannija Cyberspace Solutions Ltd jew mill-kumpanniji sussidjarji tagħha Digital Signage Cyberspace Solutions, Wicked Promo jew Cyberspace Medical? Jekk iva, x'kien dan ix-xogħol, għal kemm kien jammonta u jekk itteħidx wara sejħa għall-offerti jew b'direct order?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ir-risposta hija fin-negattiv.

Birgu — Xogħol fuq l-istatwa ta' San Lawrenz

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux responsabbilta' tal-Cottonera Rehabilitation Committee ix-xogħol fuq l-istatwa ta' San Lawrenz fil-pjazza tal-Birgu? Meta se jitlesta x-xogħol?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba ser tinghata f'xi seduta ohra.

Light Heating Oil

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma humiex isiru investigazzjonijiet dwar użu abbużiv li jista' ikun qed isir minn light heating oil? Jekk iva, fiex waslu?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar ir-Riżorsi ma qiegħda tmexxi l-ebda investigazzjoni fuq l-użu abbużiv tal- light heating oil .

Dwal mas-Swar tal-Belt

Question

Jista' il-Ministru jagħti ordni biex jiġu ċċekkjati d-dwal li jixgħelu s-swar tal-Belt bil-lejl għaliex hemm ħafna maqtugħin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li manutenzjoni u tiswija ta' dawn id-dwal isir perjodikament. Il-ġimgħa li għaddiet biss, per eżempju, tranġaw jew tbiddlu aktar minn 30 floodlight tas-swar fuq in-naħa ta' Marsamxett.

Birgu — Ġnien Pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-ġnien pubbliku li suppost se jsir fuq l-appartamenti f'Sant'Anġlu fil-Birgu?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Wied bejn Ħal Balzan u Ħal-Lija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-wied li qiegħed fi Triq Robert Mifsud Bonnici bejn Ħal Balzan u Ħal-Lija jiġi mnaddaf, peress li hemm min qed jużah bħala miżbla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi d-Dipartiment ikkonċernat ser jinvestiga dan il-każ u jieħu l-passi neċessarji.

Riżorsi u Infrastruttura — Konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti u/jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mill-1 ta' Jannar, 2006 sal-lum? Fiex kien jikkonsisti s-servizz li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet għal kull każ?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Deloitte & Touche Report — Electricity & water surcharge

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19657 li saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid jekk fir-rapport li għamlu Deloitte and Touche fuq is-surcharge tad-dawl u l-ilma: (a) ħadux in konsiderazzjoni il-fatt li l-gvern kien għolla l-prezz tal-petrol, eċċ. fil-pompi biex jagħmel cross subsidisation tal-konsum tad-dawl; (b) it-telf ta' Lm2.5 miljun assorbiti mill-Enemalta f'Ottubru 2005, ġew ikkonsidrati fl-audit li sar; (c) jekk l-ineffiċjenzi ta' l-Enemalta ammontanti għal Lm5.2 miljun suppost li se jinġarru mill-Enemalta, ġewx ikkonsidrati fil-kalkoli, peress li l-mekkaniżmu msemmi fir-rapport bħala kumpens għal dan l-ammont globali ta' Lm5.2 miljun huwa ħafna anqas mill-ammont ta' Lm5.2 miljun? Dan kollu jimpatta fuq ir-rata ta' surchargeli jrid iġorr il-konsumatur?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.

Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera

Question

Jista' il-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera, il-karigi li jokkupaw u jekk u min jingħata xi kumpens/allowance? Kemm ingħataw fondi għal dan il-kumitat, sena b'sena mill-1996 sal-lum?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rabat — Ġnien Bir l-Iljuni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19935, jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru ġiex mitlub mill-kunsill lokali tar-Rabat biex isiru xi xogħlijiet fuq dan il-ġnien?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li fil-passat il-kunsill talab il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura biex jigi rrifondut il-flus li ħareg biex sar dan il-ġnien li jammonta għall-madwar LM77,000. Il-Ministeru, permezz tat-Taqsima tax-xogħlijiet, tenna li qatt ma kellu x’jaqsam mal-bini u t-tisbiħ ta’ dan il-ġnien. Fl-istess ittra il-Ministeru offra lill Kunsill li lest li jgħin fit-tiswijiet fuq bażi ta’ Joint Venture. Min dak in-nhar l’hawn, il-Ministeru qatt ma sema’ xejn mill-Kunsill Lokali tar-Rabat fuq dan il-kaz.

Mellieħa — Wied Musa

Question

Jista' issa l-Ministru jagħti d-dettalji li rrifera għalihom fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19940?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Rizorsi wettqet zewġ spezzjonijiet f’lukanda ewlenija fiċ-Ċirkewwa. Waħda minn dawn l-ispezzjonijiet saret il-Ġimgħa, 30 ta’ Ġunju, 2006 u saret għall-għarrieda. Waqt din l-ispezzjoni, ġie konstatat li l-boreholes ta’ din il-lukanda, li kienu magħluqin mill-Awtorità xi snin qabel, instabu magħluqin u ma kien qiegħed isir l-ebda ppumpjar minnhom. Spezzjoni oħra saret it-Tnejn, 3 ta’ Lulju, 2006 fejn ġiet spezzjonata fid-dettal is-sistema ta’ l-ilma tal-lukanda b’attenzjoni speċjali għaċ-chiller, ir-Reverse Osmosis u d-direct intake. Fil-granet li fihom saru dawn l-ispezzjonijiet ġie konfermat li zewg spejjer fil-viċinanza, li jaħdmu bl-irdieden kienu qiegħdin jerfgħu l-ilma u l-ġwiebi tagħhom kienu bl-ilma.

Riżorsi u Infrastruttura — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet kull safra (spejjeż kollha inklużi) li saret matul l-2005 u minn Jannar 2006 sal-lum fejn kien involut hu separatament, safra b'safra, meta sar dan is-safar, kemm damu iljieli, fejn kienet id-destinazzjoni, min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh u x'kariga għandhom? Jista' jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom f'kull safra separatament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Kif indikat fl-istess tabelli, kien hemm 6 delegazzjonijiet barra l-pajjiż u dawn, globalment, swew Lm4,416.54ċ. lid-Dipartiment. Tlieta minn dawn id-delegazzjonijiet kienu jikkonsistu fi tlett individwi, waħda f'erba' individwi u żewġ delegazzjonijiet f'żewġ individwi kull waħda.

Riżorsi u Infrastruttura — Vetturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet flus il-manutenzjoni kollha tal-vetturi tal-gvern ta' l-uffiċjali fi skala 4 sa skala 1 fil-ministeru, id-dekasteru u l-enti tiegħu, vettura b'vettura separatament bejn Ottubru, 2005 sa Diċembru, 2005 u Jannar 2006 sal-lum?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.