Legislature:
Category:
Reset
Active:

liċenza ta' senter — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward liċenzja ta' senter?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Knejjes – rapporti ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ serq minn knejjes bejn l-2006 u l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet kienu dawn il-knejjes ? Jista’ jgħid x’kienu l-affarijiet misruqa? Jista’ jgħid jekk kienx hemm nies li tressqu l-Qorti fuq dawn il-każijiet u jekk iva kemm kien in-numru ta’ nies li tressqu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-2006 u sa l-aħħar ta’ Awwissu 2016 kien hemm mitejn u tlieta u sebgħin (273) rapport ta’ serq minn knejjes. Dettalji dwar il-lokalitajiet minn fejn sar dan is-serq, sena b’sena jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Mija u dsatax (119) minnhom kienu propjeta tal-istituzzjoni filwaqt li mija u erbgħa u ħamsin (154) kienu rapporti dwar serq fuq viżitatturi. Dawn jinkludu serq ta’ u minn kaxxi ta’ donazzjonijiet, pitturi, televisions/monitors, apparat relatat ma’ amplifikazzjoni, apparat ta’ Hi-Fi, kompjuters u projectors, strumenti mużikali, ġojjellerija, u oġġetti reliġjuzi bħal pissidi u kurċfissi. Fil-każ ta’ rapporti ta’ serq minn persuni vizitaturi fil-knejjes, dawn kienu jinkludu mobile phones, cameras tar- ritratti, basktijiet/kartieri/portmonijiet li fihom kien hemm dokumenti personali varji, credit/debit cards u ċwievet. Kien hemm tnejn u sittin (62) persuna li tressqu l-Qorti fuq dawn il-każijiet matul l-istess perjodu.

Każijiet ta’ Omiċidji — vittmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ omiċidji fl-2015 u matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ vittmi ? Jista’ jgħid kemm mill-vittmi kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tal-vittmi? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija? Jista’ jgħid kemm kien hemm każijiet solvuti u kemm ġew akkużati nies quddiem il-qorti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Ksur ta’ Bon Ordni – Persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' ksur ta’ bon ordni matul l-2016 sad-data li fiha tkun mwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infrurmat li n-numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti fuq reati ta’ ksur ta’ bon ordni bejn Jannar u l-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena (2016) kien ta’ sebgħa mija u ħamsa u sittin (765). Dawn kienu jinvolvu ħames mitt (500) raġel li minnhom sitta u sebgħin (76) kienu barranin. Kien hemm ukoll mitejn u ħamsa u sittin (265) mara li sbatax (17) minhom kienu barranin. Numru minn dawn il-każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti, oħrajn kien hemm il-proċedimenti eżawriti u oħrajn kien hemm il-persuni liberati. Madankollu fil-każijiet deċiżi, is-sentenzi l-aktar kienu Reprimand and Admonish (twiddiba), probation jew conditional discharge u multi.

Reati ta’ tlajjar għall-prostituzzjoni – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' tlajjar għall-prostituzzjoni matul l-2016 sad-data li fiha tkun mwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li tnejn u erbgħin (42) persuna tressqu l-Qorti fuq reati ta' tlajjar għall-prostituzzjoni minn Jannar sal-aħħar ta’ Awwissu 2016. Tnejn kienu rġiel Maltin, filwaqt li disa u tletin (39) kienu nisa li fosthom kien hemm tlieta (3) barranin. Bejniethom dawn inħarġulhom mija u sittax (116) il-taħrika għal dawn ir-reati. Ħafna mill-każijiet in kwistjoni għadhom pendenti (sub-judice) filwaqt li f’każijiet oħrajn kien hemm sentenzi sospiżi u multi, priġunerija u priġunerija u multi. Minn dawk deċiżi kien hemm każ fejn persuna ġiet liberata u żewġ każi preskritti.

Reati ta’ Vjolenza Domestika – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza domestika matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2016, sa l-aħħar ta’ Awwissu, kien hemm tmien mija u ħamsa u erbgħin (845) persuna li tressqu l-qorti fuq reati ta' vjolenza domestika. Dawn kienu jikkonsisitu f’mitejn u erbgħa u sebgħin (274) mara li minnhom tnax (12) kienu barranin, kif ukoll ħames mija u wieħed u sebghin (571) raġel li ħamsa u sebgħin (75) minhom kienu barranin. Ħafna minn dawn il-każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti pero, is-sentenzi mogħtija fil-każijiet deċiżi kienu jvarjaw minn multi, liberat bil-kundizzjoni, liberat bla ebda kondizzjoni, proċedimenti eżawriti, ċanfira u twiddiba, probation order, ordni ta’ protezzjoni, garanzija, sentenza sospiza u priġunerija. Xi każi ġew irtirati u oħrajn preskritti.

Reati ta’ Stupru – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' stupru matul l-2016 sad-data li fiha tkun mwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2016 sa l-aħħar ta’ Awwissu, kien hemm disa’ persuni li tressqu l-Qorti fuq akkużi ta’ stupru. Dawn kienu kollha rġiel li seba’ minnhom kienu barranin u tnejn kienu Maltin. Il-każijijiet in kwistjoni għadhom sal-lum sub-judice u pendenti l-Qorti.

Reati ta’ vjolenza fuq anzjani – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' vjolenza fuq anzjani matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn Jannar u Awwissu 2016 kien hemm mija u żewġ (102) każi ta’ persuni li tressqu jew ser jittressqu l-qorti fuq reati ta' vjolenza fuq anzjani. Dawn kienu jinvolvu disa’ u sebgħin raġel li minnhom sitta kienu barranin. Tlieta u għoxrin minnhom kienu nisa li minnhom tnejn kienu barranin. Waqt li ħafna mill-każijiet ġew appuntati u għad iridu jinstemgħu jew għadhom sub-judice, oħrajn kellhom il-proċedimenti eżawriti wara li l-partijiet ħafru lill-xulxin, xi whud ingħataw probation orders waqt li kien hemm xi whud ukoll li ġew liberati.

Serq ta’ mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm insterqu mobile phones bejn l-2006 u d-data li fiha tkun imwieġba din l-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat u lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid kemm minnhom instabu sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm tressqu nies quddiem il-Qorti akkużati b’serq ta’ mobiles sena b’sena b’mod separat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li statistika għad-dettalji dwar serq ta’ mobile phones teżisti elettronikament mis-sena 2008. Fil-perjodu mis-sena 2008 sa l-aħħar ta’ Awwissu 2016, ġew irraportati li nsterqu 17,993 mobile phones kif jidher fit-tabella A li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Informazzjoni mqassma lokalità, lokalità tidher f’tabella B li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dettalji ta’ kemm instabu min dawn il-mobile phones sena b’sena, ma jezistux b’format elettroniku. Madankollu matul l-istess perjodu kien hemm 425 persuna li tressqu quddiem il-Qorti akkużati b’serq ta’ mobiles sena b’sena, dan jidher f’tabella Ċ li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pembroke — għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsib li tinfetaħ għassa tal-pulizija f'Pembroke, ġaladarba hemm żviluppi kbar ġejjin biswit Pembroke u żgur li n-nies jmorru l-għassa San Ġiljan jew tas-Swieqi mhijix valida?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi se jagħmel sotto missjoni f’dan is-sens fil-master plan dwar Paceville.

Fire Engines – sejħiet foloz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru sejħiet foloz (hoaxes) għall-fire engines matul is-sena 2016 sad-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena sal-aħħar ta’ Awwissu 2016 kien hemm mitejn, sitta u sebgħin –il sejħa falza lejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Inċidenti fit-toroq li kienu involuti żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fit-toroq matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u li fihom kienu involuti żwiemel? Jista’ jgħid f’liema lokalità seħħ kull inċident? Jista’ jindika jekk f’kull każ kenitx involuta xi vettura jew vetturi? Jista’ jindika kemm kienu l-vetturi involuti f’kull każ? Jista’ jindika jekk f’kull każ kienx hemm persuni li sfaw midruba? Jista’ jindika f’kull każ jekk iż-żiemel safax midrub jew jekk mietx?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Forzi Armati ta’ Malta – operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni ta’ salvataġġ saru fuq il-baħar minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta fejn matulhom ġew salvati nies matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba dil-mistoqsija? Kemm ġew salvati nies f’dawn l-operazzjonijiet ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fil-perijodu msemmi fil-mistoqsija, l-Forzi Armti ta’ Malta wetqet 112 il-operatzjoni ta’ salvataġġ fuq il-baħar u ġew salvati 945.

Protezzjoni Ċivili — talbiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba kien hemm lill-Protezzjoni Ċivili għall-għajnuna matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija ? Jista’ jgħid x’kienu t-talbiet għall-għajnuna? Jista’ jgħid fejn applikabbli, kemm ġew salvati nies?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena sat-18 ta’ Settembru 2016, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu 3656 –il sejħa. Dawn kienu mqassma kif ġej; Marine 49 Assistenzi 378 Nirien 1418 Rescue 212 Floods/Pumping 12 Hazmat 50 Spillages 1306 Oħrajn 231 TOTAL 3656

Reati ta’ pedofelija – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' pedofelija matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Reati ta’ Serq – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati ta' serq matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija u x'kienu s-sentenzi mogħtija? Jista’ jgħid kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu ta’ nazzjonalità Maltija u kemm kienu ta’ nazzjonalità barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena, fil-perjodu ta’ bejn Jannar u l-aħħar ta’ Awwissu 2016, kien hemm mitejn u tmienja u disgħin (298) persuna li tressqu l-qorti in-konnessjoni ma reati ta’ serq. Waqt li diversi każi għadhom pendenti jew għad irid li jitressqu l-persuni kkonċernati, fil-każijiet fejn ingħatat sentenza, il-persuni nvoluti ġew ikundannati diversi pieni li jinkludu ħabs, sentenza ta’ ħabs sospi¿a, probation, liberati, liberati b’kundizzjoni, sentenzi ta’ multi/amendai u multi b’sentenza ta’ ħabs. It-tabella t’hawn taħt turi in-numru ta’Maltin jew barranin involuti kif ukoll l-ammopnti ta’ kemm kien hemm nisa u rgiel. Maltin Barranin Totals Irgiel 173 57 230 Nisa 46 22 68 219 79 298

Inċidenti fi kmamar tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fi kmamar tan-nar f'Malta u f'Għawdex mis-sena 1980 sal-lum, sena b’sena b’mod separat? Jistà jgħid kemm mietu persuni f’dawn l-inċidenti sena b’sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li in numru ta’ inċidenti li seħħew fi kmamar tan-nar f'Malta u f'Għawdex mis-sena 1980 sal-lum, sena b’sena b’mod separat huwa kif jidher fit-tabella t’hawn taħt u kien jammonta għall-tmienja u tmenin każ. It-tabella tinkludi wkoll in-numru ta’ persuni li mietu persuni jew korrew fl-istess inċidenti sena b’sena. ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL 7864 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 438 nhar it-Ġimgħa, 28 ta' Ottubru 2016)

Persuni li għerqu fl-ibħra Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati li għerqu persuni fl-ibħra Maltin mis-sena 2006 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Jista' jgħid in-nazzjonalità tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2006 sal-aħħar ta’ Awwissu ta’ din is-sena, kien hemm disgħin persuna li ġew irrapurtati li għerqu fl-ibħra Maltin. Dettalji ta’ dawn l-inċidenti separatament sena b’sena jidhru f’tabella A li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din it-tabella tinkludi in-nazzjonalità, is-sess u l-etajiet tagħhom. Tabella B li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra turi lista ta’ ħamsa u għoxrin (25) iġsma li nstabu fil-baħar u li l-identita tagħhom mhux magħrufa. Dawn setgħu għerqu barra mill-ibħra Maltin u narru lejn gżiritna. Barra min dan, hemm nieqsa tlett (3) persuni li ġew rrapurtati u li susspettati li għerqu wara zewġ inċidenti tal-baħar separati, matul il-perjodu msemmi u mhux misjuba. Dawn jidru f’tabella Ċ li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li mietu f’aċċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tilfet ħajjitha minħabba aċċident tat-traffiku mis-sena 2001 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija sena b’sena b’mod separat? Jista' jgħid in-nazzjonalità tagħhom? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Drink Driving – persuni mressqa l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq drink driving matul l-2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, f’Malta u f’Għawdex b’mod separat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li n -numru ta’ persuni li ttellgħu l-qorti fuq drink driving fil-perjodu Jannar sa Awwissu 2016 f’Malta u Għawdex, kien ta’ mija tmienja u erbgħin persuna.