Legislature:
Category:
Reset
Active:

House Visit – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir house visit lill-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 29875. Il-każ tal-persuna msemmija qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Programm tas-Sedqa – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward programm tas-Sedqa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b'mod separt qed jiġi segwit u jingħata l-għajnuna neċessarja.

Pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta’ pensjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-persuna msemmija ġiet ikkuntattjata mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fejn ingħatat il-parir sabiex tapplika għall-Pensjoni tar-Romol.

Dijabetè – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ ta’ dijabetè?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-persuni li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ġew ikkuntattjati mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fejn ingħataw tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom.

Anzjani u persuni b’diżabilità — ħrieqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani u persuni b'diżabilità (b'mod separat) li fil-preżent qed jingħataw ħrieqi (diapers) b'xejn mill-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, in-numru ta’ anzjani u persuni b’diżabilità li fil-preżent qegħdin jingħataw ħrieqi (bis-sussidju) jew b’xejn mill-Gvern huwa kif ġej: · 2359 persuna b’diżabilità li qed jibbenefikaw minn skema A, fejn qegħdin jingħataw il-ħrieqi b’xejn. · 3068 anzjan/a li qed jibbenefikaw minn skema B, fejn qed jingħataw il-ħrieqi bis-sussidju.

Tneħħija ta' Supplimentari — każ ta' persuna

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29325, jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għadu ma sarx kuntatt magħha?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, is-Sinjura li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat, ġiet ikkuntatjat mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, illum 23 ta’ Jannar 2017.

Tnaqqis tal-kirjiet tal-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kirjiet tal-akkomodazzjoni soċjali baqgħu ma tnaqqsux skont kif ġie mwiegħed fil-Baġit li għadda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 29522.

Adozzjoni ta’ tfal barranin minn koppji Maltin

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29521, jista' l-Ministru jgħid x'wassal sabiex ikun hemm biss sitt adozzjonijiet minn pajjiżi barranin? Jista' jgħid għaliex kien hemm dan it-tnaqqis drastiku u x'qed isir sabiex din il-problema ma testendix għal din is-sena li qegħdin fiha u għas-snin li ġejjin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, hija l-prerogattiva tas-sending country li tiddeċiedi f’liema pajjiż tibgħat it-tfal tagħha. Matul is-sena 2016, minbarra s-sitt każijiet li ġew konklużi, kien hemm numru ta’ tfal minn pajjiżi barranin li ġew imqabbla ma’ koppji Maltin, u għaldaqstant qegħdin fil-proċess li jiġu addottati minn ġenituri adottivi prospettivi Maltin. Dawn jinkludu: · 2 adozzjonijiet mill-Portugal; · 15–il adozzjoni mill-Indja; · 5 adozzjonijiet mis-Slovakkja; u · Adozzjoni waħda mir-Russja. Proprju fil-jiem li għaddew ġew konklużi żewġ adozzjonijiet; waħda mis-Slovakkja u oħra mill-Indja, bit-tfal jaslu Malta flimkien mal-ġenituri adottivi tagħhom. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, barra minn hekk, l-Awtorità Ċentrali tgħaddi lista ta’ pajjiżi li lesti jikkoperaw ma’ Malta fil-qasam tal-adozzjonijiet internazzjonali, lill-aġenziji tal-adozzjoni Maltin sabiex dawn, min-naħa tagħhom, ikunu jistgħu jibdew il-proċess ta’ ko-operazzjoni fil-qasam tal-adozzjonijiet internazzjonali ma’ dawn il-pajjiżi, bil-ħsieb li l-ġenituri adottivi prospettivi jiġu pprovduti b’aktar għażliet minn fejn jistgħu jadottaw.

Ċentru LEAP — Għajnuna ta' ikel mogħti mill-fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji f'kull lokalità li sarilhom il-profiling mill-impjegati taċ-Ċentru LEAP rigward għajnuna ta' ikel mogħti mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? X'qed jitwettaq fil-prattika ma' dawn il-familji biex jiġu megħjuna biex joħorġu mill-faqar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, it-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra jindikaw il-profili li saru mill-impjegati tal-LEAP lokalita’ b’lokalita’. S’issa saru 8,293 profil komplessivament. Apparti li jitqassam l-ikel ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea, qed isiru żjajjar fid-djar sabiex dawn il-profili tal-membri fi ħdan il-familji jiġu miġbura. Waqt l-istess żjara qed jiġu offruti u referuti servizzi varji skont il-ħtieġa partikolari tal-istess familji. Diġa’ qed tingħata għajnuna lil dawn il-familji taħt l-istruttura tal-LEAP fuq temi relatati mat-trobbija aħjar tat-tfal; budgeting; tisjir b’ikel bnin; u użu għaqli tal-enerġija fid-djar. Dawn il-familji jiġu wkoll infurmati dwar korsijiet oħra fil-kommunita’ fosthom il-kors ‘Għaqal id-Dar’. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, waqt iż-żjajjar, jekk jiġi identifikat li hemm bżonn xi għajnuna oħra materjali li ċ-Ċentru tal-LEAP jista’ jiffaċilita, dejjem jekk ikun possibli li jiġi ffaċilitat, nippruvaw naraw kif nistgħu nwettqu dan, bħal per eżempju ġarr ta’ sodod u għamara oħra li tiġi regalata Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fejn hemm persuni li jixtiequ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, il- mentor tal-LEAP, jirreferi lill-entitajiet ikkonċernati u jakkumpanja lill-membru tal-familja sabiex nassiguraw li jinstab ix-xogħol addattat.

Ċentru LEAP — għajnuna ta' ikel mogħti mill-Unjoni Ewropea għall-persuni li għandhom problemi ta' saħħa mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid, wara li sar il-profiling mill-impjegati taċ-Ċentru LEAP, kemm hemm familji u/jew individwi li għandhom problemi ta' saħħa mentali u li qed jirċievu ikel mogħti mill-Unjoni Ewropea?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, hemm 186 individwu li għandhom problemi ta’ saħħa mentali u li qed jirċievu ikel mogħti mill-Unjoni Ewropea; informazzjoni li nġabret waqt li sar il-profiling mill-impjegati taċ-Ċentri LEAP.

Problema ta’ tank tal-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li fil-blokk flats fejn joqgħod, hemm tank tal-ilma tal-asbestos? Jista’ d-dipartiment jara li dan it-tank jinbidel?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, it-tankijiet tal-ilma jappartjenu għall-inkwilini nfushom u għaldaqstant jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħhom stess. Diġà sar kuntatt mal-inkwilin li d-dettalji dwaru qed jingħataw b’mod separat, fejn ingħata din l-informazzjoni.

San Pawl il-Baħar — single Mothers

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' single mothers li joqogħdu f'San Pawl il-Baħar (lokalità kollha)? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm minn dawn l-ommijiet fil-fatt jirċievu ċ-children's allowance?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ma jistax jagħti rendikont ta’ kemm huwa n-numru ta’ single mothers minħabba li mhux kollha huma benefiċjarji tad-Dipartment tas-Sigurtà Soċjali. Madanakollu, skont ir-rekords taċ-Children’s Allowance, jirriżulta li, hemm 445 single mother li joqogħdu fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, li qegħdin jirċievu ċ-Children’s Allowance.

Awtorità tad-Djar – post residenzjali mikri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura u l-parametri neċessarji biex iben jew bint persuna (li llum toqgħod f’post residenzjali mikri mill-Awtorità tad-Djar) tkun tista’ tibqa’ tgħix fit-tali post wara li l-kerrejja oriġinali tiġi nieqsa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, meta inkwilin jiġi nieqes u l-ulied, li jkunu ġuvintur jew xebbiet, jibqgħu jgħixu f’tali post, huma għandhom jagħmlu talba formali lill-Awtorita’ tad-Djar għar-rikonoxximent. B’hekk jibdew isiru l-investigazzjonijiet neċessarji u kull każ jitqies fuq il-mertu tiegħu

Allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali – talbiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet pendenti għall-allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-31 ta’ Diċembru 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar kellha 3,020 talba pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva sal-31 ta’ Diċembru 2016.

Koppji – Marriage Grants

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29430 u jgħid kemm koppji bbenefikaw mill-Marriage Grant fis-snin 2013, 2014, 2015 u 2016 sena b'sena b'mod separat? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża annwali għal kull sena msemmija? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-koppji li rċevew din il-Marriage Grant qegħdin f'unjoni ċivili?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-persuni li bbenefikaw mill-Għotja għaż-Żwieġ u n-nefqa annwali għas-snin imsemmija, kienet kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: Sena Koppji li bbenefikaw mill-Għotja għa ż - Ż wieġ Persuna waħda mill-koppja li bbenefikat mill-Għotja għa ż - Żwieġ Total ta' Benefiċjarji Nefqa 2013 1,381 199 2,961 €779,827.57 2014 1,474 204 3,152 €847,973.22 2015 1,534 182 3,250 €879,037.50 2016 1,539 196 3,274 €892,069.63 Total 5,928 781 12,637 €3,398,907.92 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali m’għandux statistika dwar koppji li rċevew l-Għotja għaż-¯wieġ u li qegħdin f’unjoni ċivili.

Ħlas ta’ Children’s Allowance

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29431, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każijiet fejn ġenituri li ma jaħdmux, ma rċevewx iċ-Children's Allowance kollu dovut lilhom f'Diċembru li għadda? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawn il-ġenituri li ma rċevewx dan il-ħlas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ ġenituri li ma jaħdmux u li ma rċevewx iċ-Children Allowance kollu dovut lilhom f’Diċembru li għadda jammonta għal 47. Dawn il-każijiet issa għaddej ix-xogħol fuqhom sabiex jitħallsu id-differenza fir-rata dovuta lilhom sas-Sibt 28 ta’ Jannar 2017.

Anzjani — pensjoni tal-irtirar u pensjoni tas-servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti llum li filwaqt li għandhom il-pensjoni tal-irtirar igawdu wkoll mill-pensjoni tas-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-numru ta’ pensjonanti li għandhom pensjoni tal-irtirar u li igawdu ukoll minn pensjoni ta’ servizz huwa ta’ 13,004.

Żidiet fil-pensjoni tad-diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kull meta ser ikun qiegħed jagħti ż-żidiet fil-pensjoni tad-diżabilità sabiex sal-2019 il-persuni b'diżabilità jkunu qed jirċievu l-istess daqs l-ammont nett li impjegat idaħħal mill-paga minima nazzjonali? Jista' jgħid jekk dawn iż-żidiet humiex ser ikunu qed isiru darba fis-sena għal kull sena sal-2019 jew perjodikament? Jekk perjodikament, jista' jagħti d-dati ta' meta ser ikunu qegħdin isiru dawn iż-żidiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, r-rata stabbilita għas-sena 2017 għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa hija ta’ €120 fil-ġimgħa. Fid-diskors tal-baġit għal din is-sena kien intqal li l-ewwel livell se jikkonċerna lil dawk il-persuni b’diżabilità li assolutament ma jistgħux jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol skont il-Barthel Index. Dawn se jkunu qed jirċievu l-ogħla rata ta’ benefiċċju li se tiżdied, bil-għan li, eventwalment u gradwalment, din ir-rata tkun ekwivalenti għall-ammont nett li persuna ddaħħal mill-Paga Minima. Ir-rata kemm se tkun fis-snin li ġejjin tiġi stabbilita fil-baġits li jmiss, bi qbil mal-Ministeru tal-Finanzi.

Dar tal-Providenza – ftehim maqbul mal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim maqbul bejn il-Gvern u d-Dar tal-Providenza b'rabta mad-djar residenzjali fil-komunità għall-persuni b'diżabilità li ġew inawgurati fl-2016, liema djar huma mmexxiha mid-Dar tal-Providenza?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kontenut tal-ftehim huwa ta' natura kummerċjalment sensittiva.

Dar Arka – ftehim mal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim maqbul bejn il-Gvern u Dar Arka b'rabta mad-dar residenzjali għall-persuni b'diżabilità li ġiet inawgurata f'Diċembru 2016 f'Għajnsielem Għawdex, liema dar hija mmexxiha minn Dar Arka stess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-kontenut tal-ftehim huwa ta' natura kummerċjalment sensittiva.