Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — xiri u kiri ta' karozzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru għall-karozza uffiċjali? Jekk qed tinkera kemm hi l-kirja fis-sena? Jekk inxtrat kemm inxtrat? Ħarġu offerti għal kiri jew xiri u minn fejn qed tinkera jew inxtrat?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozza uffiċjali inkriet temporanjamnet wara sejħa għall-offerti.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — Membri tal-Bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari tiegħu? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija numru 1379
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — membri tal-bordijiet - remunerazzjoni u benefiċċji
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-onorarja, allowances u perks oħra li għandu kull membru tal-bord u chairperson fl-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 1380.
Problema ta’ vit perikoluż – każ ta’ numru ta’ individwi
Question
Jista’ l-Ministru jara l-każ, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ta’ numru ta’ nies li għandhom problema ta’ vit perikoluż u li minkejja li ilhom jilmentaw ix-xhur għadu ma sar xejn dwar din il-problema?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma marru fuq il-post u tkellmu mal-persuna kkonċernata.
Dokument ta' ftehim fuq provvista ta' gass mal-privat
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mqar dokument wieħed ta’ kuntratt li dwaru tkellem tant fil-kampanja elettorali u li juri eżempju ta’ ftehim ta’ provvista ta’ gass mill-privat bil-prezz fiss għal għaxar snin u li kemm-il darba wiegħed li jipproduċi waqt diversi interventi fuq it-television waqt il-kampanja iżda qatt ma pproduċa?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jezisitu numru ta' kuntratti b'kundizzjonijiet differenti kif ukoll b'mekkanizmi differenti.
B’referenza għall-artiklu tat-Times of Malta – How Enemalta plans to keep its power station timeline u peress li skont il-Ministru nnifsu l-EOI ħalliet l-options kollha miftuħa u ebda teknoloġija mhu se tkun magħrufa qabel jintgħażel il-kuntrattur u peress li l-applikazzjoni lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar trid tkun speċifika fuq it-teknoloġija u l-footprint tal-proġett, jista’ l-Ministru jispjega fuq liema teknoloġija l-ispecial purpose vehicle se tapplika għall-permessi ambjentali u permessi oħra jekk il-kuntrattur li se jibni l-power station ikun għadu ma ntagħżilx?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-onorevoli Interpellant illi l-alternattivi kollha tħallew miftuħa fl-EOIC biex ikollna idea cara mill-bidders infushom dwar l-aqwa soluzzjoni possibbli fis-suq. Il-bidders se jkollhom l-opportunità biex jagħżlu l-aktar teknoloġija avvanzata li teżisiti fil-parametri rikjesti mill-Enemalta. Parametri li jkunu magħrufa aktar tard.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — kiri ta' vetturi - proċedura
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37, jista' l-Ministru jgħid x'proċedura ġiet addottata biex jinkrew dawn il-vetturi? B'liema rata qed jinkrew u mingħand min?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi inkriet vettura wahda skont il-proċedura normali li tintuża maċ-Ċivil biili ttieħdet l-oħros offerta.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kull kuntratt li l-Ministeru tiegħu kellu fis-seħħ fi Frar 2013, jekk kull kuntratt ingħatax b'direct order jew b'tender, min rebaħ kull kuntratt, kemm hija l-ispiża ta' kull kuntratt u meta jagħlaq kull kuntratt?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma – kuntratti ta’ security guards
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-lista ta’ kuntratti ta’ servizzi ta’ sigurtà (security guards/officers) li huma in vigore fil-Ministeru u l-entitajiet li huwa responsabbli minnhom u li r-rata komputata fis-siegħa hija ta’ anqas minn €5.66 eskluża l-VAT?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.
Ġaladarba l-proġett ta’ power station ġdida, li bilfors trid tinbena biex isir Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement, ma jissemma mkien fil-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinbeda l-proċess biex dan il-Pjan jiġi rivedut ġaladarba hemm ħtieġa li dan ikun rivedut ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Il-policy tal-Gvern fuq l-enerġija hija ċara ħafna. Bħalissa bdejna nirrevedu l-policy areas f'diveresi setturi. La darba dawn ir-reviews ikunu konklużi l-energy policy tiġi updated.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ smart meters li ġew stallati sal-lum? Kemm fadal x’ikunu stallati? Kif inhu maħsub li jkunu stallati dawk li fadal? Kemm hi r-rata medja li hu mistenni li jkunu stallati kull xahar minn issa ‘l quddiem?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-20 ta' Mejju, 2013 ġew stallati (209,303) elfejn u disgħa, tlett mija u tliet smart meters. Għad iridu jiġu stallati (66.653) sitta u sittin elf, sitt mija u tlieta u ħamsin smart meter ieħor. Huwa kkalkulat li minn Ġunju 2009 sa issa ġew stallati madwar (3864) tlett elef tmien mija u erbgħa u sittin meter kull xahar.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 756, jista’ l-Ministru jpoġġi l-organigramma tal-Awtorità għar-Riżorsi ta’ Malta (MRA) fuq il-Mejda tal-Kamra u jindika liema huma dawk il-pożizzjonijiet vakanti li issa hemm b'kollox fl-MRA? Jista’ jindika jekk il-pakkett ta' dawn l-uffiċjali baqax l-istess bħalma kellhom meta kienu fl-MRA jew jekk żdiedx? Jekk żdied, b'kemm żdied?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi kopja riċenti tal-Organigramma tal-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat li għalkemm l-Organigramma qed turi li hemm xi pożizzjonijiet vakanti tnejn biss huma relatati ma'
secondment
tal-impjegati mal-Ministeru. Dawn huma Analyst 1 (Fuel Quality) fit-taqsima tal-Competence, Licensing & Enforcement; u
clerk
fit-taqsima tal-Finance and Corporate Services. Il-pakkett finanzjarju tal-uffiċjali li ġew issekondati mal-Miniseru baqa' l-istess bħalma kien meta kienu fl-Awtorità.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 482, jista' l-Ministru jgħid jekk, skont l-espressjoni ta' interess u kapaċità għal Long Term Power Purchase Agreement u Gas Supply Agreement min se jieħu x-xogħol tal-bini tal-power station il-ġdida hux se jkun responsabbli wkoll għat-tħaddim u manutenzjoni tal-power station il-ġdida, kif wkoll għax-xiri tal-gass?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghad-dokument li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta tat-Tnejn 13 ta' Mejju, 2013, f'seduta 17.
Power station il-ġdida — redeployment ta' ħaddiema
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 481, jista' l-Ministru jikkonferma, jekk hux minnu li waqt laqgħa li membri tal-Gvern preżenti kellhom mal-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta qabel l-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet kienu wegħduhom li l-ħaddiema li se jispiċċaw redundant mill-power station tal-Marsa u mill-power station ta' Delimara phase 1 kienu se jiġu redeployed fuq il-power station il-ġdida?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 483 u jgħid kemm hemm nies jaħdmu fix-shifts kollha fil-power station tal-Marsa li se tiġi phased out appena tibda taħdem il-power station il-ġdida?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi Lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 130 ħaddiem jaħdmu fis-sezzjoni tal-operat tal-Marsa power station u 97 li jahdmu fis-sezzjoni tal-Manutenzjoni.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — Impjegat fis-segretarjat minn barra s-Servizz Pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 735 u jgħarraf lill-Kamra jekk fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu ġewx impjegati individwi li huma minn barra s-servizz pubbliku? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawn il-persuni u jekk kinux jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC)?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 694.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Port Ruman - servizzi tal-ilma u drenaġġ
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija 1478, liema domanda kienet relatata ma' mistoqsija parlamentari 761, għal darba oħra qed nitlob li ningħata risposta għad-domanda msemmija billi nitlob lill-Ministru biex jekk jogħġbu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tat-Triq Port Ruman, San Pawl il-Baħar, u jindika fejn hemm servizzi u fejn m'hemmx servizzi tal-ilma u d-drenaġġ, fl-istess triq?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tan-network tal-ilma u drenaġġ. Il-parti l-vojta fin-nofs ta' kull pjanta (murija f'ċirku) turi l-parti fejn ma hemm l-ebda servizz.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1355, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna li mhumiex indirizzati mill-Pjan Nazzjonali għall-Ilma varat fl-2012?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-Politika ghall-ilma li se titnieda mill-Gvern se tagħti importanza strategika lill-Integrazzjoni ta' sorsi alternattivi tal-ilma, id-domanda nazzjonali u l-protezzjoni tar-rizorsi naturali tal-Ilma. Din il-politika se jkollha impatt aktar dirett fuq policies settorali, kif ukoll se tieħu in konsiderazzjoni d-direzzjoni gdida tal-Kummissjoni Ewropeja.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-input li l-Gvern kien irċieva mingħand l-entitajiet kollha fil-perijodu ta’ konsultazzjoni pubblika fuq in-National Water Policy li kienet iffinalizzata f’Ġunju tal-2012?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.