Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST – Part-Time Lecturers – ħlas kull xahrejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li ġie deċiż li l-ħlas lil part-time lecturers fl-MCAST jibda jsir kull xahrejn? Jekk jikkonferma, jista’ jispjega għaliex ittieħdet tali deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura għall-ħlasijiet ta’ xogħol għal sigħat part-time issir regolarment kull xahar fejn il-ħlas ikun għal sigħat ta’ xogħol li jkunu ġew ivverifikati li saru xahrejn qabel. Biex wieħed jispjega aħjar, sigħat li jkunu nħadmu f’Jannar jiġu mħallsa mal-paga ta’ Marzu, dawk ta’ Frar mal-paga t’April. Dan huwa meħtieġ minħabba n-numru sostanzjali ta’ Part-Timers li l-MCAST timpjega fejn is-sigħat ta’ attendenza jkunu jridu jiġu ppreparati u vverifikati kollha f’daqqa skont kif jitolbu l-kontrolli interni ta’ Amministrazzjoni u Finanzi.

MCAST – Full-time lecturers – ħlas ta’ overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li ġie deċiż li l-ħlas tal-overtime lil full-time lecturers fl-MCAST jibda jsir kull xahrejn? Jekk jikkonferma, jista’ jispjega għaliex ittieħdet tali deċiżjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura għall-ħlasijiet ta’ xogħol addizzjonali (u mhux overtime) lill-letturi li jaħdmu full-time issir regolarment kull xahar fejn il-ħlas ikun għal sigħat ta’ xogħol li jkunu ġew ivverifikati li saru xahrejn qabel. Biex wieħed jispjega aħjar, sigħat li jkunu nħadmu f’Jannar jiġu mħallsa mal-paga ta’ Marzu, dawk ta’ Frar mal-paga t’April. Dan huwa meħtieġ minħabba n-numru sostanzjali ta’ sigħat li jkunu mitluba biex isiru extra li l-MCAST titlob fejn is-sigħat ta’ attendenza jkunu jridu jiġu ppreparati u vverifikati kollha f’daqqa skont kif jitolbu l-kontrolli interni ta’ Amministrazzjoni u Finanzi.

Learning Support Assistants f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Learning Support Assistants Għawdxin li kienu jaħdmu Malta però ġew trasferiti għal Għawdex minħabba mard kroniku? Jista’ jgħid x'tip ta’ mard qed ibatu dawn il-ħaddiema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li hemm 14-il LSA li ġew trasferiti Għawdex minħabba mard kroniku. It-tip ta’ mard li jbatu minnu dawn il-ħaddiema huwa kif se nsemmi: Numru ta’ LSAs Isem tal-marda 1 Multiple Sclerosis 1 Spina Bifida 1 Psoriatic Arthritis 1 Irritable bowel Syndrome 1 Left Interparenchymal Haemorrhage 1 Migraine Associated Dizziness 1 Failed Back Surgery Syndrome 1 Spinal Injury 1 Cerebral Pulsy 1 Disc Prolapse 1 Talus Bone Coalition 1 Low Back Pain 1 LUPUS 1 Extensive Deep Vein Thrombosis

ECDL — sillabu tal-iskejjel tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jghid jekk hux beħsiebu jkun hemm xi tibdil dwar il-kwalifika tal-ECDL fis-sillabu tal-iskejjel tal-Gvern? Jista’ jikkonferma jekk l-ECDL hux se jinżammx jew se jitneħħa mis-sillabu tal-iskejjel sekondarji tal-Gvern? Jekk hu mistenni li l-ECDL jitneħħa mis-sillabu tal-iskejjel sekondarji tal-Gvern, jista’ jagħti r-raġunijiet ewlenin għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni? Jista’ jgħid liema kwalifika se tieħu post l-ECDL fl-iskejjel sekondarji tal-Istat? Jekk hemm kwalifika oħra li ġiet identifikata, jista’ jgħid x’rikonoxximent internazzjonali għandu ċ-ċertifikat ta’ din il-kwalifika ġdida li se jibdew jingħataw l-istudenti meta mqabbla mal-ECDL? F’dan il-każ, meta se tidħol fis-seħħ fis-sillabu, din il-kwalifika l-gdida?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-‘Information Communication Technology’ (ICT) f’pajjiżna sal-lum ma kellux programm għalih u għaldaqstant l-ECDL mela dak il-vojt għal numru ta’ snin. Hekk kif kien maħsub fil-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali (National Curriculum Framework – 2012), bħala parti mill-proġett tal-Qafas għall-Kisbiet (Learning Outcomes Framework), ġie żviluppat programm tal-ICT li jwassal sal-livell 3 tal-Qafas Malti għall-Kwalifiċi (Malta Qualifications Framework – MQF), u li se jkollu kwalifika ta’ SEC, maħruġa mill-Bord tal-Matsec. Dan il-programm ġdid ta’ tagħlim huwa aġġornament fuq l-ECDL, billi jħares lejn il-ħtiġijiet diġitali tal-istudenti Maltin, fil-kuntest lokali u barrani. Il-programm il-ġdid se jkun qiegħed jagħti ħiliet diġitali lill-istudenti b’mod li ma jintrabat ma’ ebda brand waħda. L-istudenti kollha se jibqgħu jistgħu jersqu għall-ECDL, f’kull ċentru li joffri dan is-suġġett.

Università ta’ Malta – korsijiet — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hija l-ispiża għal kull kors mogħti mill-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li rendikont tal-ispejjeż tal-korsijiet offruti mill-Università ta’ Malta għas-sena akkademika 2013/14 hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-figuri jirrappreżentaw l-ispiża għas-sena akkademika 2013/14 u mhux l-ispiża tal-kors kollu, li jista’ jieħu iktar minn sena sa massimu ta’ ħames snin.

Edukazzjoni – statistika ta’ nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħarrafna dwar l-istatistika tan-nefqa ta’ Malta fuq l-edukazzjoni f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Riforma fil-Livell Sekondarju – spiża tal-attivitajiet u inizjattivi li ttieħdu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-attivitajiet organizzati s’issa u l-inizjattivi li ttieħdu s’issa b'relazzjoni mal-introduzzjoni tar-riforma fil-livell sekondarju li tħabbret fit-23 ta' Novembru li għadda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tnedija ta’ ‘Il-Vjaġġ Tiegħi: Nasal minn Toroq Differenti’, li hija dwar it-tiġdid fis-sistema skolastika sekondarja f’pajjiżna, li saret fit-23 ta’ Novembru 2016 ittellgħet f’wieħed mill-hangars ta’ Lufthansa Technik. Infurmat li għal din l-attività li għaliha attendew madwar 200 persuna, il-Ministeru, wara li ġabar il-Kwotazzjonijiet neċessarji, xtara s-servizz ta’ events manager (€220) li kellu wkoll l-inkarigu li jieħu ħsieb il-loġistika kollha tal-attività, ta’ compere (€250), u għall-catering (€474). Intrama wkoll set up ta’ palk (€1,750), screen frames, sar il-carpeting, podju, backdrops u stallazzjonijiet oħra (€5,450), u nkrew u ntramaw sistemi tal-awdjo u dwal (€3,320). Il-Ministeru fassal ukoll sensiela ta’ laqgħat li ser isiru mal-professjonisti fl-iskejjel u mal-ġenituri. Għal dawn l-attivitajiet tfasslu wkoll websajt partikolari, dokument konsultattiv, dokument ieħor informattiv u videografija, ilkoll b’verżjonijiet kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż (total ta’ €6,814).

Suġġetti relatati mal-edukazzjoni vokazzjonali — għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi se jittieħdu biex fis-snin li ġejjin jiġu mħarrġa l-għalliema li eventwalment se jkunu qegħdin jgħallmu s-suġġetti relatati mal-edukazzjoni vokazzjonali u applikata fil-livell sekondarju in vista anki tar-riforma li se tkun għaddejja fil-livell sekondarju? Jista’ jgħid x'korsijiet se jkunu offruti bi preparazzjoni għal dawn l-għalliema u liema entità se tkun qiegħda tipprepara u toffri dawn il-korsijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol waqqaf Working Group li qed jiffoka u jaħdem fuq il-kwistjoni tat-taħriġ għall-għalliema fit-tagħlim ta' suġġetti vokazzjonali u applikati fl-iskejjel sekondarji. Dan il-Working Group hu magħmul minn stakeholders ewlenin u jinkludi wkoll rappreżentanza mill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta' Malta, mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi, u mill-Istitut għall-Edukazzjoni. Dan il-Working Group qiegħed jaħdem ukoll ma' Haaga-Helia University for Applied Science li hija Università Fillandiża speċjalizzata fis-settur. Bħalissa d-Dipartiment għall-Immaniġjar tal-Kurrikulu u l-Istitut għall-Edukazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed jorganizza kors ta’ taħriġ għall-għalliema li jgħallmu suġġetti relatati mas-suġġetti vokazzjonali tas-SEC u li huma interessati li jgħallmu xi wieħed mill-ħames suġġetti vokazzjonali. Dan huwa kors ta’ taħriġ ta’ 80 siegħa mifrux fuq tliet snin kif ġej: · Fl-ewwel sena: taħriġ ta’ 40 siegħa fuq l-ewwel Unit (Form 3) · Fit-tieni sena: taħriġ ta’ 20 siegħa fuq it-tieni Unit (Form 4) · Fit-tielet sena: taħriġ ta’ 20 siegħa fuq it-tielet Unit (Form 5) Il-kors joffri taħriġ fuq: id-dokument uffiċjali fuq is-suġġetti vokazzjonali maħruġ mill-Bord tal-MATSEC; il-kontenut tal-sillabi tas-suġġetti vokazzjonali miktubin fuq il-metidoloġija tal-Kisbiet mit-Tagħlim ( Learning Outcomes ); il-kitba tal-programmi tat-tagħlim; il-mod applikat ta’ kif għandhom jiġu mgħallma dawn is-suġġetti; il-proċeduri innovattivi ta’ assessjar; u il-mili ta’ dokumenti uffiċċjali tal-MATSEC marbutin mal-proċess tat-tagħlim u l-assessjar. Bi ftehim mal-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta, dan il-kors huwa offrut ukoll lill-istudenti tal-Fakultà li waslu fl-aħħar sena tal-kors tal-B.Ed jew li qegħdin jagħmlu l-PGCE.

Riforma fil-livell sekondarju — konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ż-żjara li għamel dan l-aħħar f'pajji¿na l-Professur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament b'relazzjoni mal-introduzzjoni tar-riforma fil-Livell Sekondarju? Jista’ jgħid jekk il-professur hux involut ukoll direttament f'din ir-riforma u jekk huwiex qiegħed joffri servizz ta' konsulenza lill-Gvern Malti f'dan ir-rigward?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ispejjeż involuti b’rabta mal-ewwel preżenza f'pajjiżna tal-Professur indikat mill-Onor. Interpellant għat-tnedija ta’ ‘Il-Vjaġġ Tiegħi: Nasal minn Toroq Differenti’ huma marbutin mal-ivjaġġar (€1,655.30) u mal-akkomodazzjoni (€110.50). Il-Ministeru qiegħed jikkonsulta direttament ma’ dan il-Professur, kif ukoll ma’ awtoritajiet oħra.

Stipendju – każ ta’ persuna

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separament rigward każ ta’ stipendju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet ikkuntattjata u l-każ ġie diskuss.

Korsijiet fl-Università ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża ta’ kull kors mill-Università ta’ Malta? Issir evalwazzjoni dwar kull kors mogħti mill-Università? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamru kopja tal-aħħar evalwazzjoni li saret?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 28958.

Tfal Illitterati

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-aħħar statistika li għandu fejn hemm indikat ir-rata tat-tfal illitterati li qed jattendu fl-iskejjel kollha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-definizzjoni ta’ studenti illitterati fil-Malti u l-Ingliż toħroġ parzjalment mill-istatistika ta’ tfal ta’ ħdax-il sena li jiġu eżentati milli joqogħdu għall-Benċmark Nazzjonali skont it-tabelli ta’ hawn taħt għall-2016. Hemm studenti barranin li jiġu eżentati u hemm studenti oħra Maltin li jiġu eżentati minħabba li jkollhom diffikultà fit-tagħlim. Tabella: Exemptions: Tmiem tal-Primarja Benċmark 2016 Komponent Tfal ta’ Returned Migrants u Immigranti Tfal b’Alternative Learning Programmes u/jew functioning at or below Year 3 jew b’Diżabiltajiet Severi Il-Malti It-Taħdit 98 118 Is-Smigħ 99 127 Il-Qari 99 150 Il-Kitba 99 165 L-Ingliż It-Taħdit 13 110 Is-Smigħ 15 117 Il-Qari 15 149 Il-Kitba 15 161 Dawn l-istudenti jingħataw għajnuna addizzjonali permezz ta’ għalliema kumplimentari, fi gruppi żgħar, waqt il-ħin tal-iskola. Hemm opportunità wkoll ta’ għajnuna wara l-ħin tal-iskola permezz ta’ programmi tal-Aġenzija tal-Litteriżmu.

Paramedic Aides — eżamijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li wara li sar l-eżami għall-Paramedic Aides fl-2015 u ħareġ ir-riżultat, dan l-istess riżultat li ġie ppubblikat ġie mibdul? Għaliex fil-fatt kien hemm min għamel l-eżami, meta ma kellux il-kwalifiki meħtieġa biex jagħmel dan l-istess eżami?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Eżamijiet ma kienx responsabbli mit-tmexxija tal-eżami għall-Paramedic Aides fl-2015. Infurmat ukoll li l-eżami Paramedic Aides ma jiġix offrut mill-Università ta' Malta. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li għad jonqos informazzjoni mill-MCAST. Dan it-tagħrif ikun jista’ jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. ( Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokumentu PL 8107 li tpoġġa f'Seduta 458, nhar it-Tnejn 5 ta' Diċembru 2016.)

Studenti Gradwati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-2015 u fl-2016 kemm gradwaw: a. Acupuncturists; b. Audiologists; c. Dental Hygienists; d. Dental Technologists; e. Dietitians; f. Environmental Health Officers; g. Medical Laboratory Scientists; h. Medical Physicists; i. Nutritionists; j. Nutritional Therapists; k. Occupational Therapists; l. Optometrists; m. Orthoptists; n. Osteopaths; u o. Physiotherapists ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-Università ta' Malta li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif ġej: Professjoni Kors 2015 2016 Acupuncturists Master in Traditional Chinese Medicine and Culture 0 7 Audiologists Master of Science in Audiology 6 0 Dental Hygienists Bachelor of Science (Honours) in Dental Hygiene 4 2 Dental Technologists Bachelor of Science (Honours) in Dental Technology 3 0 Dietitians Postgraduate Diploma in Dietetics 0 5 Environmental Health Officers Diploma in Health Science (Environmental Health) 1 0 Medical Laboratory Scientists Bachelor of Science (Honours) in Medical Laboratory Science 0 0 Medical Physicists Master of Science in Medical Physics 8 0 Nutritionists Bachelor of Science (Honours) in Applied Food and Nutritional Sciences 4 4 Nutritional Therapists Mhux offrut mill-Università N/A N/A Occupational Therapists Bachelor of Science (Honours) in Occupational Therapy 18 13 Optometrists Mhux offrut mill-Università N/A N/A Orthoptists Mhux offrut mill-Università N/A N/A Osteopaths Mhux offrut mill-Università N/A N/A Physiotherapists Bachelor of Science (Honours) in Physiotherapy 27 25 L-istudenti tal-2016 mistennija jiggradwaw f'Novembru/Diċembru 2016.

Skola Primarja tal-Gvern – tfal li jinżammu wara l-ħin tal-iskola

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28125, jista' l- Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt hemmx tfal li għadhom mhux qed jibbenefikaw minn din is-sistema, minkejja li applikaw biex jingħataw dan is-servizz? F'liema lokalitajiet hemm waiting list, u kemm hu n-numru ta' pendenzi, f'kull lokalità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi għandha dawn l-istudenti fil-waiting list għas-servizz ta' Klabb 3-16: Rabat - 1 San Ġwann - 5 Santa Venera - 2 San Pawl il-Baħar - 34

Kunsill Lokali Gudja – aċċess għall-kmamar tal-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27952 li ġiet referuta lilu u ċjoè biex tkun milqugħa t-talba li għamel il-Kunsill Lokali tal-Gudja fl-2015 għall-aċċess għall-kmamar mhux u¿ati mill-iskola biex dawn jinbidlu fi klassijiet għal-Lifelong Learning?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li wara sensiela ta' laqgħat bejn kulleġġ/skola/MEDE u l-Kunsill Lokali ġie maqbul biex jinbeda proċess biex il-kmamar imsemmija jagħmlu użu minnhom il-Kunsill Lokali għal użu esklussivament edukattiv (lifelong learning) tal-lokalità. Dan wara li jiġi ffirmat ftehim bejn il-MEDE u l-Kunsill Lokali. Il-proċess għadu għaddej.

Skejjel Ewropej – studenti ċittadini Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti, ċittadini ta' Malta, li jattendu l-Iskejjel Ewropej (l-iskejjel imwaqqfa mill-Unjoni Ewropea għat-tfal tal-impjegati tagħha u li jinsabu primarjament fil-Belġju u l-Lussemburgu), skola b'skola u skont is-sezzjoni lingwistika u ċ-ċiklu (nursery, primarja u sekondarja)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hi kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Jobsplus – spezzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27286 jista’ l-Ministru jgħid x’passi ġew meħuda fil-konfront tal-elfejn tmien mija u wieħed u sittin (2,861) infrazzjoni li rriżultaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-2861 infrazzjoni li Jobsplus sabu bejn Jannar u Settembru 2016 kien hemm: · 1059 li rregolarizzaw ruħhom; · 123 ħallsu multi amministrattivi; filwaqt li · 1679 qegħdin fil-proċess biex eventwalment jitressqu l-Qorti b’akkuża.

Jobsplus – call centre expenses

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27399, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għal-liema raġuni nħarġet ordni diretta fl-ammont indikat ta’ €93,181 għall-call centre, u mhux sejħa normali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ordni diretta nħarġet wara li ġiet reġistrata żieda fin-numru ta’ telefonati li bdiet tirċievi Jobsplus. Għaldaqstant inħasset il-ħtieġa ta’ titjib konsiderevoli fis-servizz li jingħata lill-klijenti. U għalhekk l-għażla waqgħet fuq Centrecom minħabba li huma jfornu tali servizz lil diversi entitajiet governattivi.

MCAST – korsijiet tal-woodwork — apparat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat b’apparat li jintuża fil-korsijiet tal-woodwork ġewwa l-MCAST (Mosta Institute) li ilu aktar minn sena bil-ħsara? Infurmat il-Ministru li kawża t’hekk studenti qed ikollhom jirrikorru għand kumpanija privata bi spiża fuq l-istudent li tvarja bejn l-€250 sal-€450? Jekk iva, jista’ jaġġornana meta din il-magna se tkun mill-ġdid għad-dispożizzjoni tal-istudenti u fil-frattemp kif se jinġarr il-piż finanzjaru minn fuq dahar l-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej il-proċess sabiex jissewwew il-magni msemmija. Sadanittant, ingħatat direzzjoni lill-Istitut konċernat illi m’għandhomx jingħataw assignments li jinvolvu spejjeż kbar għall-istudenti.