Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Politika Soċjali — Riċevimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux riċevimenti jew ikliet mill-Ministeru tiegħu kif ukoll mis-Segretarju Parlamentari li jaqa' taħtu fl-okkażjoni tal-Milied 1998 u l-Ewwel tas-Sena? Jekk saru, meta saru? Fejn saru? Min ipprovda l-ikel u x-xorb? Kemm ġiet tiswa l-ispiża totali? Inġabru kwotazzjonijiet għall-imsemmija riċevimenti jew ikla? Jekk inġabru kwotazzjonijiet, mingħand min inġabru? Min kien mistieden għal dawn l-attivitajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3303, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li: 1. Saru żewġ riċevimenti: L-ewwel riċeviment sar fid-19 ta' Diċembru 1998 meta il-Ministru tal-Politika Soċjali żamm it-tradizzjoni fejn wara l-attivita' tal-kampanja 'Milied Flimkien' fi Pjazza Ħelsien stieden lill-President u lill-personalitajiet distinti għar-riċeviment fil-Ministeru, filwaqt li r-riċeviment l-ieħor kien fit-22 ta' Diċembru 1998; 2. Fil-Ministeru għall-Politika Soċjali (Palazzo Ferreria); 3. James Confectionery; 4. L-ispiża totali għar-riċeviment tad-19 ta' Diċembru 1998 ġiet tiswa' Lm217.50, filwaqt li l-ispiża għar-riċeviment tat-22 ta' Diċembru 1998 ġiet tiswa' Lm641.00; 5. Għaż-żewġ riċevimenti nġabru 3 kwotazzjonijiet mingħand: a. Osborne Caterers; b. James Confectionery; c. Busy Bee Ltd.; 6. Kienu mistednin l-istaff tal-Ministeru, Segretarji Permanenti, Kapijiet tad-Dipartimenti, Rappreżentanti tal-Unions, Korpi Kostitwiti u personalitajiet distinti. Kif jista' jara l-Onor. Membru, l-ispiża kienet anqas mis-somma ta' Lm929 li kienet intnefqet mill-Ministru tad-Djar waħdu fi tlett riċevimenti li nżammu fl-aħħar ħmistax ta' Awissu 1998 iġifieri ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali tal-5 ta' Settembru 1998. 2.2.99

Benefiċċji soċjali — Ommijiet xebbiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jingħata relief fil-ġimgħa lil unmarried mothers li m'humiex jaħdmu? Kemm nħareġ relief lil dawn il-persuni s-sena li għaddiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ommijiet mhux miżżewġa li jgħixu għalihom u li ma jaħdmux jiġu mħallsa Għajnuna Soċjali bir-rata ta' Lm30.63 fil-ġimgħa f'każ ta' omm b'tifel/tifla waħda, liema rata tiżdied bi Lm3.50 fil-ġimgħa għal kull tifel jew tifla oħra. Titħallas ukoll Lm1.34 fil-ġimgħa bħala Bonus Addizzjoniali. L-omm tirċievi wkoll l-Allowance tat-Tfal. S'issa d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma ħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika separata ta' kemm tħallsu Għajnuna Soċjali f'din il-kategorija ta' benefiċarji w għalhekk m'huwiex f'pożizzjoni li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. 2.2.99

Bord tas-Servizzi Soċjali — Nies boarded out

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu nies boarded out mill-Bord tas-Servizzi Soċjali s-sena li għaddiet? Kemm kellhom żmien dawk li ġew mgħoddija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-istatistika li tinżamm mid-Dipartiment hija n-numru ta' persuni li ġew mogħtija pensjoni ta' l-invalidita' matul is-sena. Għalhekk qed nirriproduċi tabella bl-istatistika dwar persuni li ngħataw pensjoni ta' l-Invalidita' wara li ġew boarded out mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali matul l-1998. PERSUNI LI ĠEW BOARDED-OUT MATUL L-1998 Etajiet Numru ta' Persuni 20 sena sa 30 sena 4 30 sena sa 40 sena 31 41 sena sa 50 sena 170 'l fuq minn 50 sena 635 TOTAL 840 2.2.99

Benefiċċji soċjali — Persuni fuq ir-relief

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni jgħixu minn fuq ir-relief biss, illum? X'etajiet għandhom? Kemm ilhom fuq ir-relief? Kemm ħareġ relief is-sena l-oħra l-gvern? Għaliex qegħdin fuq ir-relief dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' familji li jirċievu l-Għajnuna Soċjali huwa ta' 9,782. Sabiex persuna waħedha jew familja tingħata l-Għajnuna Soċjali, din trid tissodisfa t-test tal-mezzi. L-għoti ta' din l-Għajnuna mhix marbuta ma' l-eta' iżda maċ-ċirkostanzi li tkun tinsab fihom. Għaldaqstant ma tistax tinġabar statistika dwar id-diversi raġunijiet li jistgħu jintitolaw persuna jew familja għal din l-Għajnuna. Fir-rigward tal-parti tad-domanda fejn qed titlob il-perjodu taż-żmien ta' kemm kull persuna ilha fuq l-Għajnuna Soċjali, biex din l-informazzjoni tinġabar jeħtieġ li numru ta' persuni jaħdmu s-sahra biex ikunu jistgħu jeżaminaw kull 'file' individwali. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li din l-informazzjoni tinġabar. Sa l-aħħar ta' Novembru li għadda kienu ġew imħallsa Lm11,625,982 bħala Għajnuna Soċjali. 2.2.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol ta' gradwati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' gradwati li qed jirreġistraw għax-xogħol? X'tip ta' gradwati huma? Kemm ilhom jirreġistraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'Ottubru 1998 in-numru ta' gradwati li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-xogħol u taħriġ kien ta' 45. Mehmuż issib tabella A - li turi x'tip ta' kwalifiki għandhom, filwaqt li tabella B turi għalxiex qed jirreġistraw u kemm ilhom jirreġistraw. 2.2.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif hemm pensjonanti li rċevew iċ-cheque tal-pensjoni mingħajr iż-żieda li ta' l-gvern fil-bidu tas-sena? Għalfejn sar dan l-iżball jew dewmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ ta' pensjonijiet kontributorji, minn madwar 52,000 pensjonant, in-numru ta' pensjonanti li għadhom ma rċevewx iż-żieda għas-sena kurrenti hija ta' madwar 330. Dan in-numru ta' każi pendenti hu normali għal din il-perjodu. Dawn fil-maġġoranza tal-każi huma pensjonijiet mħallsa taħt xi Ftehim Reċiproku. Normalment ir-rati ta' pensjoni taħt Ftehim Reċiproku huma 'pro rata' u mhux bilfors żewġ terzi bħal fil-każi ta' pensjoni kontributorja normali. Għalhekk ir-rata ta' żieda dovuta trid tinħadem manwalment. Dwar il-Pensjonijiet Mhux Kontributorji jien infurmat li n-numru ta' każi li għadhom ma ħadux xi żieda fil-pensjoni hija ta' madwar 1027. Ir-raġuni għal dan hu li billi dawn il-każijiet huma suġġetti għat-test tal-meżżi, jista' jkun li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ma tkunx dovuta kollha. Għaldaqstant trid issir stima għal kull każ biex jiġi determinat għal kemm għoli tal-ħajja huma ntitolati. Jiena nfurmat li fil-każi kollha bħalissa fid-Dipartiment għaddej ix-xogħol meħtieġ biex dawn il-każijiet jitħallsu malajr kemm jista' jkun. 2.2.99

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u Wied il-Għajn li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra. 2.2.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa l-Belt Valletta, il-Furjana, il-Ħamrun u tal-Pieta li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra. 2.2.99

Akkomodazzjoni Soċjali — Allokazzjoni ta' djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati housing units mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali mill-bidla fil-gvern 'l hawn? F'liema bliet u rħula kienu dawn il-housing units? Fejn kienu joqogħdu dawk li ġew allokati dawn il-housing units? F'liema kategorija ta' "raġuni għal talba għal akkomodazzjoni alternattiva" kienu dawk li ġew allokati dawn il-housing units?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jara r-risposta għall-Mistoqsija nru. 4129. 2.2.99

Djar — Ħamrun: Ta' Rabbat Housing Est.

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi diffikulta' biex l-inkwilini li joqogħdu fil-Housing Estate f'Tar-Rabbat, Ħamrun, japplikaw għall-iskema ta' l-Awtorita' tad-Djar li tintitolahom jixtru l-appartament tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Permezz ta' l-emendi li saru fis-19 ta' Jannar 1999 għall-Skema 'I', inkwilini li joqgħodu fil-Housing Estate, tar-Rabbat, Ħamrun (dejjem jekk l-art li hemm mibnija fuqha dawn l-propretajiet għada ma hiex proprjeta' tal-Gvern imma qegħda f'kors ta' akkwist) jistgħu japplikaw biex jakkwistaw ir-resiedenza tagħhom, dejjem jekk huma jikkwalifikaw taħt il-kundizzjonijiet ta' l-iskema. Fuq il-ftehim, l-inkwilini jħallsu lill-Awtorita' tad-Djar il-prezz tar-residenza u fl-istess ħin jiefqu milli jħallsu l-kera fuq il-post. 2.2.99

Djar — Proġett pilota

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn mindu beda l-proġett pilota dwar bini perikoluż fil-Kottonera, il-Belt u l-Floriana mill-Awtorita' tad-Djar; (i) kemm saru spezzjonijiet fid-djar; (ii) kemm minnhom irriżultaw li l-inkwilini jippreferu akkomodazzjoni alternattiva għal tiswijiet fl-istess fond; (iii) kemm minnhom aċċettaw li jsirulhom tiswijiet fl-istess fondi; u (iv) fl-aħħar mill-aħħar liema huma l-kriterji li se jiddeterminaw x'se jiġri f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li l-informazzjoni fuq il-lokalitajiet kollha msemmija tkun finaliżżata fi ftit tal-jiem oħra, tingħata risposta aktar tard. 2.2.99

Pensjonijiet

Question

Wara li "In-Nazzjon" tat-18 ta' Jannar, 1999 f'paġna 4 irrapportat lill-Ministru li qal li "anke l-pensjoni għandha tingħata b'ġustizzja soċjali lil min l-aktar jenħtieġ kif ġara fir-rigward taċ-children's allowance" jista' l-Ministru jgħid xi jfisser dan il-kliem u jekk ifissirx li l-pensjoni se tingħata skond xi means test? Kif se jkun ibbażat dan il-means test?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fir-rigward ta' dik il-parti tad-diskors mill-indirizz tiegħi fil-forum bit-tema 'Il-Pensjonijiet Għada' li qed jiġi kwotat mill-Onor. Interpellant, nixtieq nispjega li jien għamilt enfasi dwar it-twemin tagħna li fil-qasam tal-Pensjonijiet għandu wkoll ikun hemm ġustizzja soċjali. Bħala eżempji ta' dan jien semmejt ir-riforma li aħna daħħalna fiċ-Children's Allowance. Hu ovvju li dan l-eżempju qatt ma kellu jiftiehem li l-Ġustizzja Soċjali għandha tiġi mplementata fil-pensjonijiet fl-istess mod li seħħet ir-riforma fiċ-Children's Allowance. Dan joħroġ ċar mill-fatt li fil-waqt li ċ-Children's Allowance taqa' taħt is-sistema mhux kontributorja, l-Pensjonijiet li għalihom kont qed nirreferi jaqgħu taħt is-sistema kontributorja li mhux suġġetta għat-Test tal-Meżżi. 1.2.99

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir mill-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali, flimkien mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, biex jiġu vverifikati abbużi fil-qasam ta' l-għoti tas-servizzi soċjali? Fiex jikkonsistu dawn l-abbużi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-inizjattiva li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Membru qed titwettaq b'kooperazzjoni bejn id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali u l'hekk imsajjaħ 'Public Expenditure Review Task Force' maħtur mill-Ministru tal-Finanzi. Il-benefiċċji li għandhom jiġu ndirizzati f'dan il-kuntest huma l-Assistenza Soċjali, il-Benefiċċji tal-Qgħad, iċ-Childrens' Allowance u l- Pensjonijiet. It-'terms of reference' li ġew stabbiliti għal dan l-eżerċizzju huma kif jidhru hawn taħt: 'The individual reviews should seek to evaluate the following:- - The objectives of the policy and whether the policy is achieving its objectives. - The process of monitoring and evaluation of the policy. - Whether the objectives of the policy can be met utilising other policy options. - To ensure the proper investigation of fraud and abuse. - To ensure that the benefits are directed at those who need them. - To evaluate the administration costs of the benefit system.' 1.2.99

ETC — Persuni jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jirreġistaw għax-xogħol xahar b'xahar is-sena li għaddiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol xahar b'xahar is-sena li għaddiet kien kif ġej: Jannar 1998 1,199 Lulju 1998 1,526 Frar 1998 975 Awissu 1998 1,341 Marzu 1998 984 Settembru 1998 1,234 April l998 981 Ottubru 1998 1,353 Mejju 1998 790 Novembru 1998 1,212 Ġunju 1998 880 Diċembru 1998 1,071 1.2.99

Single parent families

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn single parent families fl-aħħar tas-sena 1998? Kemm kien hemm tfal jgħixu f'dawn is-single parent families? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' single parent families kienu, jiġifieri kemm kienu kawża ta' separazzjoni, divorzju barra, ommijiet mhux miżżewġa u romol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali: '"ġenitur singlu" tfisser ġenitur li jkun armel jew armla, separat (sew 'de facto' jew 'de jure'), divorzjat jew mhux miżżeweġ li jkun waħdu u għal kollox responsabbli li jżomm u jrabbi lil uliedu dipendenti bniet jew subien li ma jkunux għalqu t-tmintax-il sena'. FAMILJI TFAL Ġenituri separati 'de facto' 468 820 Ġenituri separati 'de jure' 1,437 2,356 Ġenituri divorzjati 37 53 Ġenituri mhux miżżewġa 1,152 1,559 Ġenituri romol 541 801 TOTAL 3,635* 5,589 * Din il-figura tista' tinkludi persuni li għalkemm uffiċċjalment huma meqjusa bħala 'ġenitur singlu', fir-realta', din tkun qed tikkoabita ma' persuna oħra. 1.2.99

Persuna b'diżabilita' — Reserved parking

Question

B'riferenza għall-mistoqsija u tweġiba parlamentari numru 1048, kif ukoll għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' u l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jaħsibx il-Ministru li peress li l-applikant għandu biss sieq waħda għandu jikkwalifika bħala persuna bi "problemi severi ta' immobilita'" u għaldaqstant il-bord għall-kontroll tat-traffiku għandu jiġi jeżamina l-applikazzjoni ta' l-imsemmi applikant?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-servizz ta' Reserved Parking Area jingħata lill-persuni li għandhom problemi severi ta' mobilita' mit-Traffic Control Board fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' jekk jissodisfaw ċerti kriterji maqbula bejn il-Kummissjoni u l-Bord tat-Traffiku. Għal dan il-għan il-Kummissjoni waqqfet bord biex jeżamina dawn it-talbiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa. Dan il-bord għandu l-assistenza ta' casual welfare officer li jagħmel rapport wara li jkun mar iżur l-applikant id-dar tiegħu. Xogħol il-bord hu li wara li jevalwa l-applikazzjoni jiddeċiedi jekk ir-rakkomandazzjoni ssirx jew le. Il-bord hu magħmul minn tlett persuni b' diżabilita u tabib. Il-Kummissjoni timxi skrupolożament fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta' dan il-bord u ma tħossx li għandha tindaħal fid-deċiżjonijiet tiegħu. Fil-futur qarib, il-Kummissjoni ser tikkonsidra jekk hemmx bżonn li l-applikanti jkollom id-dritt t'appell, u jekk iva, x'hemm bżonn biex il-kummissjoni tkun tista' timplimenta din id-deċiżjoni (l-aktar f'termini ta' personnel). L-applikazzjoni li għaliha qed isir referenza f'din il-mistoqsija, ġiet eżaminiata minn dan il-bord li ddeċieda li ma tikwalifikax. Jista jkun li ċ-cirkustanzi ta' dan l-applikant jinbidlu u għalhekk ikun jista' jerġa japplika. 1.2.99

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament huwiex intitolat għall-benefiċċju tal-mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna ndikata qed titħallas l-Għajnuna Medika regolarment. L-istess persuna nfurmat lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali li hi m'għandha l-ebda problema dwar Għajnuna tal-Mard. 1.2.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ġuvni li meta għalaq 16-il sena u beda jirreġistra applika biex jieħu kors ta' l-aluminium Ħal Far u sal-lum sentejn wara dan il-ġuvni għadhom lanqas għajtulu għal dan? Jista' l-Ministru jgħid kemm saru korsijiet mill-ETC, Ħal Far f'sentejn sal-lum? Ta' xiex kienu? Meta kien il-bidu tagħhom u meta spiċċawhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig ma bdietx torganizza korsijiet fix-xogħol ta l-aluminium għax ikkonċentrat fuq bzonnijiet aktar urgenti bħalma huma taħriġ tekniku u fil-qasam ta' l-informatika, u taħriġ għal persuni qiegħda li huma illiterati. Il-Korporazzjoni tikkonsidra tibda dawn il-korsijiet kemm-il darba dawn l-istess korsijiet iwasslu lil persuni qiegħda jsibu mpjieg f'dan il-qasam għax ikun hemm talba għalihom fis-suq tax-xogħol. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-korsijiet li saru mill-ETC fl-1997 u fl-1998. Billi dawn il-korsijiet huma qosra (ta' ftit ġimgħat) diversi korsijiet ta' l-istess tip jibdew u jispiċċaw matul is-sena. 1.2.99

Pensjonijiet — Pension funds

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar dħul u ħruġ fil-pension fund għal matul dawn l-aħħar ħames snin? Sar xi studju mid-dipartiment dwar kemm se tiżdied ir-rata ta' dħul (revenue) u ħruġ (payments) mill-istess fond għal ħames snin li ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi. 1.2.99