Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCCAA – drittijiet tal-Konsumatur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed tagħmel l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex jiġi aċċertat li f’postijiet fejn jattiraw ħafna konsumaturi, id-drittijiet tal-konsumaturi qed jiġu mħarsa?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur iwettaq spezzjonijiet regolari f’postijiet kummerċjali fil-bliet u rħula iżda l-iktar li jintensifika din il-ħidma hija f’lokalitajiet u ċentri kummerċjali li jattiraw lill-konsumatur. Barra minn hekk, waqt l-ispezzjonijiet l-uffiċjali mid-Direttorat tal-Infurzar jinkuraġġixxu lil tal-ħwienet sabiex japplikaw biex jidħlu fl-iskema Trust You bil-għan li tippromwovi relazzjoni ta’ fiduċja bejn min jixtri u min ibigħ. L-MCCAA qegħda wkoll kontinwament teduka kemm il-konsumaturi kif ukoll il-bejjiegħa dwar l-obbligi u d-drittijiet legali tagħhom permezz tat-televiżjoni u r-radju. Ta’ min isemmi wkoll li l-Uffiċċju jagħti l-kontribut tiegħu billi darbtejn fil-ġimgħa jkun preżenti ġewwa l-Uffiċini tas-Servizz.gov ġewwa Raħal Ġdid u Birkirkara bil-għan li jagħti pariri u informazzjoni dwar il-liġijiet tal-konsumatur lill-pubbliku in ġenerali. Dan kollu jsir sabiex jiġi assigurat li ċ-ċittadin ikun kemm infurmat kif ukoll imħares fejn jidħlu d-drittijiet tiegħu bħala konsumatur.

MCCAA — Direttorat tas-Sorveljanza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’operazzjonijiet qed isiru mid-Direttorat tas-Sorveljanza tas-Suq tal-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti minn prodotti perikolużi u jkollhom fiducja fis-suq?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li biex jiżgura li l-konsumaturi jkunu protetti minn prodotti perikolużi u jkollhom fiduċja fis-suq, id-Direttorat tas-Sorveljanza tas-Suq juża l-mezzi kollha li ttieh il-liġi billi jagħmel spezzjonijiet fil-ħwienet u postijiet tal-kummerċ sabiex ikun immoniterjat is-suq. Isir infurzar u teħid ta’ miżuri fil-każ li xi prodott li jkun iponi riskju serju u jirtira l-prodott mis-suq. Minbarra dan isiru ukoll testijiet fuq prodotti biex ikun mistħarreġ jekk dawn humiex konformi mal-istandards u liġijiet applikabbli. Id-Direttorat joħroġ stqarrijiet u press releases sabiex il-pubbliku jkun infurmat meta jinstab xi prodott li jkun iponi riskju serju. Id-Direttorat tas-Sorveljanza jattendi ukoll għal laqgħat u fora tal-Kummissjoni Europea, kif ukoll tal-Aġeniji tal-Kummissjoni u għandu involviment attiv ħafna fis-sistema RAPEX li tieħu ħsieb li tinnotifika lill-istati membri tal-Unjoni Ewropeja meta xi prodott li jkun iponi riskju serju għall-konsumaturi.

Unjoni Ċivili

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu l-koppji tal-istess sess li minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija: a) daħlu f’unjoni ċivili f’Malta; b) daħlu f’unjoni ċivili barra minn Malta u l-i status tal-unjoni ġie rreġistrat f’Malta; c) iżżewġu barra minn Malta u l-i status tal-unjoni ġie rreġistrat f’Malta; u d) applikaw sabiex ikunu kkunsidrati biex jaddottaw?

Response (DALLI, HELENA)

Minn April tal-2014, meta daħlet fis-seħħ il-liġi dwar l-unjonijiet ċivili: a) 120 koppja daħlu f’unjoni ċivili f’Malta u Għawdex; b) 15-il koppja daħlu f’unjoni ċivili barra minn Malta u l-istatus tal-unjoni tagħhom ġie rreġistrat f’Malta; c) 18-il koppja iżżewġu barra minn Malta u ż-żwieġ tagħhom ġie rreġistrat f’Malta; u d) 4 koppji tal-istess sess kienu approvati għal addozzjoni, fejn koppja minnhom diġà addottat.

Att dwar Proċedimenti Kollettivi

Question

Wara d-deċiżjoni li ħareġ l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fl-4 t’Ottubru 2016 rigward is-sid tal-pompa tal-petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, tista’ l-Ministru tispjega jekk il-konsumaturi jistgħux jutilizzaw l-Att dwar Proċedimenti Kollettivi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-artiklu 3 tal-Kap 520 proċedimenti kollettivi jistgħu jiġu istitwiti meta deċiżjoni jew sentenza li tistabbilixxi ksur tal-liġi tal-Kompetizzjoni tkun finali (res gudicata) għaddiet f’ġudikat. F’dan il-każ id-deċizjoni għadha ma saritx finali fid-dawl tal-fatt li Falzon Group Holdings Limited appella mid-decizjoni quddiem it-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur u infetħet ukoll kawża kostituzzjonali.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali

Question

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali maħruġa fit-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), tista’ l-Ministru tgħid kif ser jiġu affetwati l-investigazzjonijiet li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni qed jagħmel taħt l-Att għall-Kompetizzjoni qabel ma ġie emendat permezz ta’ Att VI tas-sena 2011? Tista’ tgħid jekk l-Uffiċċju jistax ikompli jagħmel l-investigazzjonijiet, joħroġ deċiżjonijet u jenforza l-liġi? Kemm-il investigazzjoni hemm b’kollox li ser jiġu affettwati u liema setturi dawn jikkonċernaw, l-allegat detriment għall-konsumatur u għall-intrapriżi żgħar u medji?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-investigazzjonijiet li kienu nbdew qabel ma ġie emendat l-Att dwar il-Kompetizzjoni fl-2011, ma ġewx affetwati mis-sentenza konstituzzjonali filwaqt li l-investigazzjonjiet tal-każi pendenti għadhom għaddejjin.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali

Question

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali maħruġa fit-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), tista’ l-Ministru tgħid kemm-il investigazzjoni għad hemm pendenti quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni li qed jiġu nvestigati taħt l-Att għall-Kompetizzjoni wara li ġie emendat permezz ta’ Att VI tas-sena 2011? Tista’ l-Ministru tagħti indikazzjoni liema setturi dawn jikkonċernaw u f’kull każ x’inhu l-allegat detriment għall-konsumatur u għall-intrapriżi żgħar u medji?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Uffiċċju għandu għaxar każijiet li qegħdin jiġu investigati. Dawn il-każijiet jikkonċernaw is-setturi li ġejjin: Tliet każijiet fis-settur tat-telekomunikazzjoni, tnejn fis-settur tad-devertiment u dak tal-energija waqt li hemm każ wieħed fis-setturi tal-lotteriji, tax-xorb u uniformijiet tal-iskejjel. L-Uffiċċju ma jistgħax jikkumenta fuq każijiet pendenti minħabba li jista’ jkun ta’ preġudizju għal-każ.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali

Question

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali maħruġa fit-3 ta’ Mejju 2016 fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), tista’ l-Ministru tgħid jekk l-investigazzjoni fil-konfronti tal-istess Federazzjoni hijiex qed titkompla? Jekk iva meta hu mistenni li tinħareġ id-deċiżjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fis-sentenza kostituzzjonali fl-ismijiet Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li s-setgħat mogħtija lid-Direttur li joħroġ deċiżjoni dwar ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni u jimponi multi jew miżuri oħra, jekk isib ksur, ma jiswewx u ma għandhomx effett quddiem il-Federazzjoni.

Direttur Ġenerali – multa amministrattiva

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il multa amministrattiva ġiet imposta mid-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) għal xi ksur tal-artikolu 5 jew 9 tal-liġi tal-kompetizzjoni minn Marzu 2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 27947.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni — Sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel

Question

B’referenza għad-deċiżjoni maħruġa mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fl-4 t’Ottubru 2016 rigward sid ta’ pompa ta’ petrol li ma tħalliex iraħħas il-prezz tal-fuel, tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) kellux il-fakultà li fuq inizjattiva tiegħu, joħroġ interim measure qabel ma ħareġ din id-deċiżjoni? Jekk din l-inizjattiva ma ttieħditx, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn dan ma sarx?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor. Interpellant li peress li Falzon Group Holdings Limited u San Lucian Oil Company Limited preżentaw rikors ta’ appell quddiem it-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur kif ukoll rikors kostituzzjonali fil-Prim Awla tal-Qorti Civili (Gurisdizzjoni Kostituzzjonali), l-Ufficcju ma huwiex f’posizzjoni li jikkumenta peress il-kaz huwa sub judice.

NCPE – ilmenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il ilment irċeviet l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) mill-2013 sal-aħħar ta’ Ġunju 2016 u kemm-il talba għall-informazzjoni rċeviet tul l-istess żmien? Kien hemm każijiet fejn l-NCPE investigat każijiet ex-officio tul il-perjodu msemmi?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mill-2013 sal-aħħar ta’ Ġunju 2016 l-NCPE rċeviet 192 ilment. L-NCPE rċeviet 281 talba għall-informazzjoni. Il-Kummissajru investigat 4 każijiet ex-officio.

NCPE – lista ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi nazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista’ ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi nazzjonali li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) issottomettiet il-kontribuzzjonijiet tagħha, mill-2013 sal-aħħar ta’ Ġunju 2016?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Organizzazzjoni – ċertifikazzjoni bil-Marka tal-Ugwaljanza — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il organizzazzjoni hija ċertifikata bil-Marka tal-Ugwaljanza u x’inhu t-total ta’ ħaddiema li jaħdmu f’dawn l-organizzazzjonijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li preżentament hemm 64 organizzazzjoni ċertifikata bil-Marka tal-Ugwaljanza li b’kollox iħaddmu madwar 16,150 persuna.

Emendi tal-Liġi tal-Volontarjat – diskussjonijiet u konsultazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tindika f’liema stadju waslu d-diskussjonijiet u l-konsultazzjoni dwar l-emendi tal-liġi tal-Volontarjat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni pubblika dwar l-emendi tal-Att (Cap 492 tal-liġijiet ta’ Malta) għalqet fis-6 ta’ Lulju 2016. Bħalissa qed jiġu ffinalizzati l-emendi tal-liġi wara din il-konsultazzjoni pubblika.

Organizzazzjonijiet Volontarji – għajnuna għall-kapaċità operattiva

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif l-Organizzazzjonijiet Volontarji qed ikunu megħjuna sabiex ikabbru l-kapaċità operattiva tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jeżistu tlett skemi li bejniethom jallokaw is-somma ta’ €850,000.00 sabiex l-Organizzazzjonijiet Volontarji qed ikunu megħjuna sabiex ikabbru l-kapaċità operattiva tagħhom. Dawn l-iskemi huma il-Voluntary Organisations Projects Scheme, għal proġetti sa massimu ta’ €20,000.00, u l-iskema Small Initiatives Support Scheme, għal proġetti sa massimu ta’ €3,000.00. Dawn l-iskemi jsostnu proġetti li jinkludu it-tisħieħ tal-kapaċità operattiva u riċerka dwar is-settur. Hemm ukoll skema ta’ Taħriġ li hija maqsuma fi tnejn, dik li toffri fondi sabiex l-organizzazzjoni torganizza taħriġ kif ukoll dik li tassisti individwi mill-organizzazzjonijiet sabiex jitħarrġu anka barra minn Malta.

Ċentri tal-Volontarjat – pjanijiet ta’ estensjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju waslu l-pjanijiet dwar l-estensjoni taċ-Ċentri tal-Volontarjat f’inħawi oħra ta’ Malta?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. interpellant li bħalissa hemm pjanati zewġ Ċentri oħra tal-Volontarjat, wieħed f’Marsaxlokk u ieħor fir Rabat, Malta. Iċ-ċentru tar-Rabat, liema bini kien identifikat, għaddej mill-fażi ta’ preparazzjoni fejn fil-ġimgħat li ġejjin ser jibdew ix-xogħolijiet fuqu ta’ kisi, tibjid u s-sitemi ta-servizzi. Fil-Każ taċ-ċentru li ser isir f’Marsaxlokk, issa li ħareġ il-permess tal-bini, ix-xogħol għandu jibda.

OHSA – multi amministrattivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu multi amministrattivi mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) matul l-2015 u matul l-ewwel sitt xhur tal-2016? Kemm kien l-ammont ta’ flus mitluba li jitħallsu? Kemm kien l-ammont ta’ flus li attwalment inġabru? X’azzjoni tista’ tieħu l-OHSA fil-każ ta’ multi li ma tħallsux?

Response (DALLI, HELENA)

Ittri ta’ intimazzjoni għall-ħlas ta’ penali maħruġa mill-OHSA Ammont dovut skont l-ittri ta’ ntimazzjoni Ammont miġbur 2015 187 €128,470 €115,560 Jannar- Ġunju 2016 177 €82,350 €61,350 Fil-każ ta’ penali li ma jitħallsux, jinbdew proċeduri fil-Qorti mill-OHSA, fejn il-persuna intimata tkun akkużata bil-ksur ta’ regolamenti imsemmija fl-ittra ta’ ntimazzjoni, iżda mhux bin-nuqqas ta’ ħlas tal-penali. Permezz t’hekk, min jirċieva ittra għall-ħlas ta’ penali u ma jaqbilx magħha, jkun jista' jiddefendi l-allegat nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti quddiem il-Qorti.

OHSA – kumitati jew gruppi ta’ ħidma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema kumitati jew gruppi ta’ ħidma Ewropej għandha rappreżentanza l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA)? F’liema minn dawn il-kumitati jew gruppi ta’ ħidma l-parteċipazzjoni hija mandatorja?

Response (DALLI, HELENA)

L-OHSA (f’isem Malta) hija rappreżentata f’erbà kumitati jew entitajiet Ewropej li l-parteċipazzjoni fihom hija mandatorja (Standing Committees). Dawn huma: is-Senior Labour Inspectors Committee (SLIC), l-Advisory Committee for Safety and Health (ACSH), is-Seveso II Committee of Competent Authorities and Seveso Expert Group (Seveso CCA), u l-Administrative Board tal-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol. Meta nħasset il-ħtieġa mill-Kummissjoni Ewropea (KE), dawn l-i Standing Committees waqqfu kumitati oħra, li għalkemm il-parteċipazzjoni fihom mhijiex mandatorja, ikun mistenni li jattendu l-iStati Membri kollha. Dawn il-kumitati huma: Working Group Enforcement ( imwaqqaf mis -SLIC), Working Party on Atomic Questions (KE), Expert group National Contacts Points on OSH Strategies (KE), Working Group Occupational Diseases (ACSH), u Technical Progress Committee for the Development of Occupational Exposure Limit Values ( KE ). Bi preparazzjoni għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill, l-OHSA qegħda tifforma parti minn numru ta’Kumitati oħra skont ir-regoli ta’ proċedura stabbilita mill-i Standing Committees rispettivi. Dawn huma: is- SLIC Bureau , l- ACSH Bureau , u l- Working Party Preparation Malta SLIC Thematic Day . L-OHSA qegħda tattendi wkoll għal-laqgħat tas- Social Questions Working Party meta dan ikun qed jiddiskuti materji relatati mas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

OHSA – prevenzjoni tal-inċidenti fuq ix-xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi rwol għandha l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) fil-prevenzjoni tal-inċidenti fuq ix-xogħol? Meta u taħt liema ċirkostanzi jista’ jkollha responsabilità l-OHSA meta jseħħ inċident fuq il-post tax-xogħol?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol jassenja tnax il-funzjoni lill-OHSA biex tkun tista twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha skont il-liġi. Fl-istess ħin, il-liġi tagħmilha ċara li s-salvagwardja tal-“ġid fiżiku, psikoloġiku u soċjali tal-ħaddiema” mhuwiex obbligu tal-OHSA iżda ta’ min ikun ingħata dak l-obbligu skont il-liġi - fil-maġġoranza tal-każi, l-obbligu li jkunu evitati inċidenti fuq ix-xogħol, huwa ta’ dak li jħaddem, li huwa obbligat li jieħu dawk il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni stabbiliti fl-Att skont l-hekk imsejjħa ġerarkija ta’ miżuri. L-istess Att jaħseb għall-protezzjoni kontra r-responsabbiltà għal danni għal kull azzjoni meħuda f’bonafidi mill-OHSA u, jew mill-impjegati tagħha. Dan ifisser li azzjoni tkun tista tittieħed biss meta jkun ippruvat li azzjoni tkun saret b’malafidi.

OHSA – rwol fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà

Question

Tista’ l-Onor. Ministru tgħid jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għandhiex xi rwol fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku waqt attivitajiet pubbliċi? Fit-tibdil leġiżlattiv imħabbar għal dan il-qasam, se jkollha xi rwol differenti l-OHSA?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop prinċipali, kif spjegat fl-Att dwar l-OHSA huwa li jkunu protetti s-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema waqt il-ħidma tagħhom, u li jkunu koperti minn kuntratt ta’ mpieg jew għall-ogħti ta’ servizz. Għal din ir-raġuni, il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ta’ membri tal-pubbliku waqt attivitajiet pubbliċi ma jaqax taħt l-applikabbiltà tal-liġi dwar l-OHSA, jew tar-regolamenti sussidjarji.

NCPE – Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont totali ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) ibbenefikat minnhom mill-2013 sal-aħħar ta’ Ġunju 2016? Tista’ tagħti lista’ ta’ ismijiet tal-proġetti li saru/qed iseħħu permezz ta’ dawn il-fondi tul iż-żmien imsemmi?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.