Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'sens jagħmel li permessi tal-ħwienet fil-lokalita' ta' Bormla, Isla u Birgu jħallsu daqs liċenzji f'lokalitajiet u toroq aktar kummerċjali bħal The Strand, Gżira, Msida Sea Front, Valley Road, Birkirkara, eċċ.? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ħlas f'ċerti lokalitajiet jiġi ridott?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew clamped u towed away vetturi din is-sena u fejn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel erba xhur ta' din is-sena kien hemm 403 vettura li ġiet irmunkata mill-Pulizija, filwaqt li kien hemm vettura oħra li ġiet ikklampjata, f`dawn il-lokalitajiet:
Airport
Naxxar
Sliema
Żurrieq
B'Kara
Paola
San Ġiljan
Għawdex
Cospicua
Qawra
Valletta
Ħamrun
Qormi
Żabbar
Mosta
Rabat
Żejtun
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn klandestini miżmuma mill-pulizija llum? X'eta' għandhom u ta liema sess huma?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 165 immigrant illegali li qed jinżammu mill-forzi tas-sigurta`. L-iżgħar fosthom għandu 17-il sena, filwaqt li l-akbar wieħed għandu 46 sena. Minn dawn tnejn huma nisa.
Billi fuq art tal-gvern preċiżament ġo Paradise Bay se jiġi organizzat party bi ħlas, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip ta' permessi ħareġ il-gvern biex dan isir u kemm tħallas il-gvern biex bajja sħiħa tiġi wżata? Minn x'ħin se jibda u jispiċċa dan il-party?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni li saret mal-Pulizija tirrigwarda "lido festival" li ser ikun organizzat nhar it-30 ta' Mejju 2004. Infurmat ukoll illi t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern qegħda tipproċessa talba għal għotja ta' permess għal istess attivita'. Billi ma jirriżultax illi din l-attivita' ser tkun fil-bajja, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar l-attivita' imsemmija minnu, sabiex inkun nista' nivverifika ulterjorment.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jistennew biex tinħarġilhom liċenzja għall-kaċċa? Kemm inħarġu liċenzji ġodda s-sena l-oħra u kemm ħarġu din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 302 applikazzjoni għall-kaċċa li qed ikunu proċessati, filwaqt li matul is-sena l-oħra u din is-sena inħarġu 567 liċenzja għall-kaċċa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma' l-Uffiċċju Konġunt u dan sabiex jifdi ċ-ċens in kwestjoni?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li fl-10 ta' April 2001 l-applikant ġie infurmat bis-somma tal-fidi skond l-iskema tas-sena 1996. Fil-frattemp ħarġet skema oħra aktar favorevoli għal applikant. Huwa ġie infurmat bis-somma tal-fidi riveduta u ntalab ukoll jipprovdi xi dokumentazzjoni meħtieġa biex ikun jista jsir il-fidi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament, jistax jifdi ċ-ċens li hu jħallas lill-Uffiċċju Konġunt? Jekk jista', x'inhi l-proċedura li għandu jagħmel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-dipartiment għad mhux fornut bid-dokumenti kollha relattivi għal din il-proprjeta', u għalhekk mhux f'pożizzjoni jgħid jekk l-enfitewta jistax jifdi ċ-ċens. Għalhekk f'dan l-istadju jkun tajjeb li l-persuna li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament, tikteb lill-Uffiċċju Konġunt biex tifdi ċ-ċens u tibgħat ukoll kopja ta' l-aħħar irċevuta tal-ħlas taċ-ċens.
Uffiċċju Konġunt — Applikazzjoni għal xiri ta' art/qbiela
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-applikazzjoni li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma' l-Uffiċċju Konġunt biex jixtri l-art/qbiela hijiex qed tkun ipproċessata?
Response (BORG, TONIO)
Ma hijiex il-policy tal-Uffiċċju Konġunt li jbiegħ proprjeta` agrikola li tinsab barra ż-żona ta' l-iżvilupp għal bini. L-applikant qed jiġi nfurmat b`dan.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid lil min ingħatat il-konċessjoni enfitewtika ta' l-istabbiliment tal-gvern Foreste/Numero Uno f'Ta' Qali? Kemm hemm ċens jew kera? U jekk iċ-ċens jew il-kera mhijiex titħallas, kemm ilha ma titħallas u għaliex mhijiex titħallas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-istabbiliment tal-gvern Foresta/Numero Uno f'Ta` Qali qatt ma ingħata b'konċessjoni enfitewtika. L-istabbiliment ingħata b'kirja ta' 16-il sena b'effett mill-1 ta' Ottubru 1976. Wara l-iskadenza, il-kirja baqgħet tiġi mġedda kull sitt xhur. Peress li l-istabbiliment huwa effetwat mill-proġett f'Ta' Qali, il-kirja ma ġietx imġedda iżjed wara t-30 ta' Ġunju 2000 biex l-iżgumbrament tiegħu fil-waqt neċessarju jkun jista' jiġi effettwat b'mod aktar faċli. L-inkwilini qegħdin jiddepositaw il-kera l-Qorti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra standard contract ta meta jinkera post tal-gvern lill-inkwilini, mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali?
Response (BORG, TONIO)
Il-'ftehim tal-kirja' għal postijiet residenzjali ssir direttament mad-Direttur tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Għaldaqstant l-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-ilqugħ imsemmi fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari numru 4908 għadu sal-lum ma sarx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi m`hux magħruf għaliex is-sid naqas milli jibni qlugħ mad-dawra ta' din l-art. Pero' in vista ta' dan in-nuqqas, il-Pulizija qed tieħu proċeduri quddiem il-Qorti kontra s-sid.
Jista' il-Ministru jgħid liema stabbilimenti fl-inħawi ta' Buġibba, il-Qawra u San Pawl il-Baħar għandhom il-permessi meħtieġa biex joperaw bħala discos?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozji msemmija, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-iskemi kollha li għandu l-uffiċċju konġunt?
Response (BORG, TONIO)
L-Uffiċċju Konġunt jbiegħ jew jifdi ċ-ċens ta' dawk il-postijiet kollha amministrati minnu, dment li huma użati bħala residenza ordinarja jew bħala postijiet ta' villeġġjatura.
Ministeru tal-Ġustizzja u Intern — Kiri ta' office equipments
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani kemm kienet in-nefqa tal-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu għall-kiri ta' photocopiers u other office equipments matul l-ewwel erbgħa xhur tas-sena? Kemm kienet iċ-ċifra in kwestjoni għall-perjodu tas-sena 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5156, jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jagħti d-dettalji dwar l-istess mistoqsijiet pero' għal perjodu 1971-1986?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat kif ġej:
Quddiem il-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar Artijiet akkwistati mill-Gvern, mis-sena 1971 sa l-1986 hemm 54 kawżi pendenti.
Kawża waħda biss ġiet mgħoddija lill-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali, għal deċiżjoni minn dik il-qorti, li kienet tirrigwarda dewmien fil-ħlas.
Il-kumpens kif inhu stmat mid-Dipartiment ta' l-Artijiet jammonta għal Lm32,874.23 u l-interessi fuq l-istess kumpens jammontaw għal Lm41,840.74.
Il-Gvern qiegħed jagħmel l-isforzi tiegħu kollha biex il-ħlas għal artijiet li ġew akkwistati, jitħaffu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux rekwiżizzjonat? Jekk fl-affermattiv, ħarġet id-derequisition?
Response (BORG, TONIO)
Ir-requisition orders kienu jsiru mill-Housing Secretary tad-Dipartiment tad-Djar, illum magħruf bħala d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Għalhekk l-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' tibdil ta' soqfa u xogħol ieħor fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li s-sid tiegħu huwa l-Uffiċċju Konġunt?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul April 2003? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul April 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-mistoqsija parlamentari huwa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab informat illi matul April 2004 kien hemm 195 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.
Inġibditli l-attenzjoni, illi bi żvista t-tagħrif li jien ġejt mogħti għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 5051 dwar in-numru ta' rapporti ta' arson ġie kkwotat bħala 156, meta fil-fatt ried ikun 15.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul April 2003? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul April 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab informat illi matul April 2004 il-każi ta' serq li ġew irrappurtati lill-pulizija kienu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-pulizija solviet 47 każ ta' serq.