Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Politika Soċjali — PROs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huwa l-PRO tiegħu u x'kundizzjonijiet u salarji għandhom? Jista' jgħid ukoll x'bonuses u ħlas ta' sahra irċevew kemm ilhom f'din il-kariga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18462, f'Seduta 365.

Djar — Każijiet pendenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 18163, jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-policy tal-gvern għat-tlett snin li ġejjin biex jirrimedja dawn it-381 każ li jirriżultaw li qed jgħixu f'bini perikoluż u kundannat mill-periti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mhux kull applikazzjoni mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali minħabba periklu bilfors tirrekjedi li l-applikant jingħata akkomodazzjoni alternattiva. Per eżempju, minn 41 applikazzjoni minn Bormla li ġew investigati mill-periti ta' l-Awtorita' tad-Djar, irriżulta li f'22 każ biss kien hemm periklu u f'19 il-każ minn dan il-periklu seta' jitneħħa permezz ta' użu minn Skema ta' l-Awtorita' tad-Djar. F'żewġ każijiet biss kien hemm ħsara irreparabbli u l-inkwilini ġew offruti post alternattiv. Għalhekk, id-Dipartiment ser jikkonċentra li jiġu identifikati dawk il-każijiet li huma verament ġenwini.

SWVP — Kors ta' M. Psych

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex id-diffikultajiet li fadal jiġu megħluba biex ikompli l-kors tal-M.Psych li l-SWDP qed tiffinanzja l-kors ta' tliet studenti? Ma jarax li jkun ta' ħsara kbira jekk ma jsirx kull sforz biex dan il-kors jiġi salvat, meta pajjiżna tant għandu bżonn ta' psikoloġisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li m'hemm ebda ndikazzjoni li l-kors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, u li fil-fatt beda s-sena l-oħra, mhux ser ikompli. Ta' min jgħid li kien il-Gvern preżenti li rrikonoxxa l-ħtieġa li mpjegati fil-qasam tal-ħarsien soċjali jkunu mħarrġa biex is-servizz li jingħata jkun wieħed professjonali, tant li ħaseb biex jinżamm il-kors indikat. Għal fini ta' korrettezza ta' min jgħid ukoll li parti mill-ispejjeż tal-kors qed jiġu finanzjati mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali u mhux mill-SWDP.

Statistika

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 18469, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti din l-istatistika maqsuma skond l-etajiet, is-sess u l-livell ta' l-edukazzjoni tagħhom? Jista' jagħti din l-informazzjoni aġġornata sal-preżent u mhux sa Ġunju biss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra minħabba li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Children's Allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħdi x'inhi r-raġuni li ċ-children's allowance ta' din il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw under separate cover tnaqqsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Benefiċċji soċjali — Children's allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji li għadhom ma rċevewx iċ-cheque taċ-children's allowance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali rċieva 40,843 applikazzjonijiet għall-Allowance tat-Tfal, minn dawn ġew maħduma 37,952. Dan ifisser li baqa' 2,891 applikazzjonijiet pendenti. Fost dawn hemm l,696 li għadhom fl-Uffiċċju Distrettwali fejn qed tintalab aktar informazzjoni mill-applikanti dwar it-talba tagħhom, filwaqt li 1,195 jinsabu fit-Taqsima tal-Allowance tat-Tfal u qed jiġu pproċessati.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti figuri lokal b'lokal tal-persuni jirreġistraw għax-xogħol, xahar b'xahar minn Jannar 2000 sa Awissu 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni jirreġistraw għax-xogħol, xahar b'xahar u skond il-lokalita' minn Jannar 2000 sa Lulju 2000, kien kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz Ċivili — Parental Leave

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18546 u jgħid kemm hemm nies fuq bordijiet u awtoritajiet li huma intitolati għall-parental leave?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-aħħar parti tar-risposta li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18546 f'Seduta 357.

Għawdex — Persuni jirreġistraw għax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamenari nurmu 18760 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilek, u ċioe' jgħid jgħid: (a) Fuq liema kriterji qegħdin jintgħażlu l-persuni li jirreġistraw għax-xogħol biex dawn jingħataw il-korsijiet imnedija mill-ETC? Kemm minn dawn il-persuni li qegħdin jirreġistraw għal xogħol: (a) ingħataw kors (b) ingħataw aktar minn kors wieħed (c) qatt ma ngħataw kors (d) ingħata aktar minn żewġ korsijiet (e) l-ismijiet tal-persuni b'każijiet A,B,C,D?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kriterji li timxi fuqhom il-Korporazzjni fl-għażla ta' persuni għall-korsijiet, huma varji: * Fuq talba ta' l-individwu stess * Jew wara "assessment" tal-ħiliet ta' l-individwu jkun identifikat bżonn jew nuqqas * Jew bżonn ta' aġġornament tal-ħiliet * Jew skond id-domanda tas-suq L-importanti hu li nżidu l-"employability" ta' l-individwu sabiex ikun f'pożizzjoni aħjar biex isib ix-xogħol. Minn dawk li llum qed jirreġistraw għax-xogħol 164 attendew kors wieħed 52 attendew żewġ korsijiet 13 attendew aktar minn żewġ korsijiet 224 m'attendew l-ebda kors

Għawdex — Reġistrazzjoni għax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18759 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilek, ċoe' tgħid (a) kemm hu n-numru ta' persuni li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol u (b) kemm ilhom jirreġistraw għal xogħol persuna b'persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Għawdex f'Ġunju 2000 kien ta' 433. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ilhom jirreġġistraw għax-xogħol dawn il-persuni.

Għawdex — Reġistrazzjoni għax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18761 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilek, ċoe' tgħid kemm minn dawk il-persuni li hemm jirreġistraw għax-xogħol ġewwa Għawdex u se jtemmu l-kors nhar it-Tlieta 25.07.2000 ġew informati biex jerġgħu jibdew kors ieħor immedjatament? Minn huma dawn il-persuni? Fuq liema krterju ġew magħżula? X'inhi r-raġuni li ntgħażlu dawn il-persuni meta hemm oħrajn li għadhom ma ngħatawx kors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ħadd minn dawk il-persuni li spiċċaw il-Kors fil-25 ta' Lulju ma ġew mitluba biex jibdew kors ieħor immedjatament wara. Kien hemm persuna waħda li ġiet mistiedna għall-laqgħa ta' informazzjoni dwar programm li qed tħejji l-Korporazzjoni fuq 'Windows NT4 - System Administration'. Dan il-programm - Microsoft Certified Professional, jitlob li l-parteċipanti jkollhom livell għoli sekondarju. Dawk il-persuni li m'għandhomx livell ta' 'O' level u s'issa għadhom m'attendewx xi programm ser ikunu mistiedna biex jagħmlu dan fi żmien qasir. Ta min jgħid li l-Korporazzjoni tipprova kemm tista' li l-programmi ta' taħriġ li tipprovdi jirrifletti d-domanda tas-suq tax-xogħol.

Child Care Allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ċ-child care allowance bħal dik mogħtija liċ-chairperson ta' l-Awtorita' tad-Djar, tinfirex fuq ħaddiema oħra fiċ-ċivil u fil-korporazzjonijiet u l-awtoritajiet oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dan il-Gvern huwa favur miżuri li jgħinu lin-nisa jintegraw fid-dinja tax-xogħol mingħajr ma jxellfu r-responsabilita' tagħhom lejn il-familja. Hemm lista ġmielha ta' miżuri li l-Gvern wettaq, fosthom il-"maternity leave" u l-"parental leave" sa massimu ta' erba' snin. Dan il-Ministeru għandhu politika li tħeġġeġ iż-żieda tas-servizzi għal "child care" u jfaħħar dawk l-ażjendi li juru bil-fatti li huma jaċċettaw ukoll dan il-prinċipju.

Impjiegi — Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni b'diżabilita' li qed jirreġistraw għax-xogħol? Kemm minnhom qabdu jaħdmu tul din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, in-numru ta' persuni b'diżabilita' li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol f'Lulju 2000 kien ta' 302. Minn Ottubru 1999 sa Lulju 2000 il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabet xogħol għal erbgħa u għoxrin (24) persuna b'diżabilita'.

Djar — Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati postijiet mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali, xahar b'xahar minn Jannar 2000 sa Awissu, 2000? Fejn kienu l-postijiet allokati? Minn fejn kienu l-persuni li ġew allokati dawn il-postijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.