Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tarzna — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tat-Tarzna? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu li għalih qed issir riferenza, saru 42 trasferimenti fl-azjenda msemmija. Ir-raġuni għal dan iċ-ċaqlieq hija 35 riżultat ta' ristrutturar fl-azjenda 2 minħabba promozzjoni 2 minħabba stat ta' saħħa 2 biex imtlew vakanzi 1 ġie misluf lil kumpanija oħra F'azjenda bħalma hija t-Tarzna, dejjem jista'jkun hemm lok għal trasferimenti jekk l-interess tal-kumpanija jkun jinħtieġ dan.

Gozo Channel — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Gozo Channel mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi, l-Kumpanija Gozo Channel impjegat ħames ħaddiema ġodda. Tlieta minn dawn l-impjegati ġodda ġew ingaġġati wara li saru l-proċeduri meħtieġa. It-tnejn l-oħra, li huma barranin, ingħataw kuntratt definit.

Gozo Channel — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tal-Gozo Channel? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu li għalih qed issir riferenza, ma sar ebda trasferiment ta' ħaddiema fil-kumpanija Gozo Channel. FIl-futur, trasferimenti jsiru skond l-esiġenzi tal-Kumpanija.
Leg 9 PQ #9750 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MDC

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar l-eżerċizzju li qed tagħmel l-MDC sabiex jiġu ddentifikati siti ġodda għal zoni industrijali fit-12-il distrett?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li dan l-eżerċizzju għadu għaddej u għaldaqstant huwa prematur biex jingħataw dettalji.
Leg 9 PQ #10905 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Zabbar - Triq San Ġużepp - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-Enemalta tieħu passi biex tirranġa bozza li hemm fi Triq San Ġużepp, Zabbar, li ilha maqtugħa għal għaxar ġimgħat u baqgħet ma ġietx irranġata (għax hi bil-ħsara u mhux sempliċement maqtugħa) minkejja li r-residenti ilhom għaxar ġimgħat jirrapportawha? Possibbli l-Enemalta tieħu passi immedjati biex tirranġa din il-bozza li inti u dieħel f'St Joseph Street, Zabbar min-naħa ta' Ħaż-Żabbar, tinsab l-aħħar bozza? Billi din it-triq tinsab fid-diżabitat u hemm residenti bil-farms joqogħdu f'din it-triq, possibbli jittieħdu passi biex fl-aħħar din il-bozza tiġi rranġata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn stħarriġ li għamlet il-Korporazzjoni Enemalta ma jirriżultax li hemm lampi maħruqa fi triq San Ġużepp, Haż-Żabbar
Leg 9 PQ #10910 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

IPSE — Għamara

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 10786, dwar l-għoti tal-kuntratt għall-istudju dwar settur ta' l-għamara mogħti mill-IPSE, jista' l-Ministru jikkonferma li ħadd mis-segretarjat tiegħu ma kellu xi kuntatt ma' l-IPSE dwar dan il-kuntratt, wara li nfetħu l-offerti u qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni finali? Jekk saru dawn il-kuntratti, ma' min saru u fiex kienu jikkonsistu? Jekk saru, jista' jinforma jekk il-Ministru personalment bħala ministru kienx jaf bihom jew kienx involut fihom?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-offerti li ġew sottomessi għall-kuntratt li għalih qed issir riferenza, ġew eżaminati minn bord tekniku li kien kompost minn tlitt uffiċċjali għolja ta` l-IPSE u cioe` iċ-Chief Executive Officer is-Sur Joe Vella Bonnici, il-Financial Controller is-Sur Mark Galea u l-Manager Restructuring is-Sur Raymond Muscat. Ir-rapport tal-bord tekniku ġie mgħoddi lill-Bord tad-Diretturi ta` l-IPSE. L-Għażla tal-kumpanija li ngħatat il-kuntratt saret esklussivament mill-IPSE. In vista ta` dak li ntqal mill-Onorevoli Interpellant waqt is-Seduta numru 172, tajjeb jingħad li l-Bord tad-Diretturi l-IPSE huwa ffurmat mic-Chairman is-Sur Lino Callus u mill-Membri s-Sinjuri Joe Caruana Curran, Louis A Farrugia, Vincent Grech u Francis Vassallo. Kif diġa għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija numru 10786 magħmula mill-istess Interpellant, dawn is-sinjuri, minbarra s-Sur Francis Vassallo, huma l-istess persuni li kienu nħatru mill-amministrazzjoni preċedenti. Is-Sur Vassallo ġie appuntat direttur b`seħħ mid-19 ta` Frar 1999 minflok Dr. Mario Vella. Minħabba dak li ntqal mill-Onorevoli Interpellant, ser nagħti wkoll l-ismijiet tad-disa` kumpaniji li tefgħu l-offerta u kemm kienet tammonta kull offerta. A & A Management Consultancy Services Ltd Lm45,000 Enterprise Consultancy Services Lm 5,913 M & M Associates Ltd. Lm12,609 EMCS Ltd. Lm71,304 Marketing Advisory Services Ltd. Lm18,600 MISCO-KPMG Lm42,000 Nobel Manrich Ltd. CSIL Lm19,800 Outlook Coop-Management & Communications Lm 6,500 PricewaterhouseCoopers GBP81,500 Tajjeb wieħed jgħid li l-bord tekniku irrikmanda li l-aħjar pakkett offrut kien dak tal-kumpanija EMCS Ltd. Il-Bord tad-Diretturi wara li kkonsidra r-rapport tekniku, iddeċieda li l-ewwel preferenza fl-għoti tal-kuntratt kellha tkun lil EMCS Ltd. bil-kundizzjoni li dawn jingħataw l-opportunita` li jnaqqsu l-prezz ta` l-offerta oriġinali tagħhom u li jekk dawn ma jnaqqsux il-prezz b`mod sostanzjali l-offerta tingħata lill-kumpanija li l-Bord Tekniku kien irrikmanda bħala it-tieni l-aħjar għaġla. Fil-Fatt il-kumpanija EMCS Ltd. naqqset l-ammont għal Lm50,000 mingħajr ma` naqqset xejn mis-servizzi li kellha tagħti skond l-offerta li oriġinarjament kienet għamlet. Tajjeb inżid ngħid li ma għandi l-ebda informazzjoni li xi persuna fis-Segretarjat tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonimiċi b`xi mod indaħlet f`xi stadju ta` din l-għażla. Ta` min jgħid ukoll li jiena ġejt infurmat bl-għażla wara li tlesta l-proċess kollu. Barra minn hekk ic-Chairman ta` l-IPSE assigurani li l-għażla saret bl-aktar mod professjonali u bla ebda indħil minn terzi persuni. Infatti qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dikjarazzjoni taċ-Chairman ta` l-IPSE li tikkonferma l-fatti kif spjegati hawn fuq. In vista ta` dawn il-fatti l-allegazzjonijiet li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant huma infondati.
Leg 9 PQ #10918 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Koperattiva tal-Furnara — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Koperattiva tal-Furnara dwar ir-reviżjoni tal-prezzijiet tal-ħobż? Jikkonferma l-Ministru l-informazzjoni li għandi li l-ħobż se jgħola b'madwar 50% tal-prezz tal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 10249 fis-Seduta numru 156.
Leg 9 PQ #10925 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Ħsara f'dar privata

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'deċiżjoni ħadet l-Enemalta dwar ittra datata 16 ta' Settembru, 1997 mill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, dwar ħsara li saret mad-dar tagħha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta kienet investigat dan il-każ li jikkonċerna lment dwar ħsara li allegatament saret minħabba lampa li twaħħlet mill-impjegati tagħha. Il-korporazzjoni nfurmat lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni u pproponiet rimedju u staqsietha jekk taqbilx ma` din il-proposta. L-ittra tal-Korporazzjoni ntbagħtet fit-30 ta` Ġunju, 1998, pero` s`issa l-Korporazzjoni għadha ma rċeviet ebda tweġiba.
Leg 9 PQ #10985 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Raħal Ġdid — Cable ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jara li l-cable ta' l-elettriku quddiem ir-residenza Nru.43 Melita Street, Raħal Ġdid jiġi mibdul peress li jinsab imqaxxar u perikoluż?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li ma jirriżultax li l-cable li għalih qed issir referenza huwa ta` periklu għar-residenti.
Leg 9 PQ #10996 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żebbuġ — Provvista ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-residenti ta' Triq tal-Grazzja, Ħaż-Żebbuġ qiegħed ikollhom il-provvista ta' l-ilma sospiża regolarment u meta jkun hemm il-provvista ta' l-ilma din qed tkun ta' kwalita' ħażina?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f`xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #8571 Sitting 173 1999-11-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Mellieħa — Triq id-Denci - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex jitkompla l-ilma u d-dawl (fejn hemm l-arbli tad-dawl diġa') fi Triq id-Denċi, il-Mellieħa? Ladarba dan ix-xogħol inbeda, possibbli jitkompla biex ir-residenti kollha jkunu moqdija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Dwar l-ilma ninsab infurmat li l-formazzjoni fil-livell ta' din it-triq għadu mhux lest u minħabba dan ma jistgħux jitqiegħdu l-kanni. Meta l-formazzjoni titlesta, is-servizz ta' l-ilma jiġi pprovdut. Rigward id-dawl fl-istess triq, ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet kollha huma lesti u m'hemmx applikazzjonijiet pendenti. Hija l-policy ta' ll-Enemalta li l-linji kollha jiġu mgħoddija ladarba jsiru applikazzjonijeit ġodda.
Leg 9 PQ #8769 Sitting 173 1999-11-04 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Corradino Stores

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex qed isir overtime fil-Corradino Stores, kważi kuljum, fil-Korporazzjoni Enemalta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li f'Corradino Stores ma jsirx overtime regulari imma meta jinqalgħu l-emerġenzi. Hawn min forsi jaħseb li għax jara l-impjegati jaħdmu wara l-ħin nirmali, dawn il-ħaddiema jkunu qegħdin jagħmlu l-overtime. Dawn il-ħaddiema jkunu qegħdin jaħdmu bix-xift, ta' jew bejn is-6.30a.m. u s-2.30p.m. jew inkella bejn is-1.00p.m. u d-9.00p.m. Dawn il-ħaddiema jkunu ġejjin mill-workshop tal-Power Station tal-Marsa.

Qormi — De la Crux Avenue - Ġnien - Dawl

Question

Peress li l-ġnien f'De La Crux Avenue f'Ħal Qormi qed ikun bla dawl, jista' l-Ministru jara li dan il-ġnien ikun mixgħul adegwatament bil-għan li jkun sigur għall-familji li jieħdu lil uliedhom biex jiddevertu f'dan il-post?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li dan il-ġnien, li l-manutenzjoni tiegħu hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi, huwa mdawwal adegwatament. Tajjeb jingħad li xi ħsara li kien hemm fid-dawl li hemm f'dan il-ġnien kienet ġiet irranġata.
Leg 9 PQ #8877 Sitting 173 1999-11-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żabbar — Triq Ħas-Sajjied - Dawl

Question

Wara li saru l-ispezzjonijiet meħtieġa biex issir bozza ġdida fi Triq Ħas-Sajjied, Żabbar, ħdejn ir-residenza tal-familja Saliba, residenza numru 16, jista' l-Ministru jara jekk huwiex possibbli jittieħdu passi biex din il-bozza li ilha ħafna pendenti titwaħħal? Billi din il-familja toqgħod fl-imwarrab u hi ferm anzjana u billi diġa' jeżisti arblu tad-dawl ħdejn din ir-residenza, huwa possibbli jintervjeni l-Ministru biex din il-bozza li ilha tintalab snin twal fl-aħħar titwaħħal għax hemm ferm bżonnha?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta li fl-inħawi msemmija hemm dawl adekwat.
Leg 9 PQ #9140 Sitting 173 1999-11-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarzna ta' Malta — Dock No. 1

Question

B'riferenza għar-risposta li ta l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 8636, jista' jgħid, issa li l-bieb tat-Tarzna No. 1 ġie wweldjat, kif sejjer wieħed jilqa' għall-ilmijiet li jkun hemm fi Pjazza G. Gulia kull meta jkun hemm xi maltempata? Peress li dan il-bieb kien jinfetaħ kull meta jkun hemm maltempata, anke bil-lejl, jaħseb il-Ministru li l-flaps li saru taħt il-bieb m'humiex biżżejjed biex Pjazza G. Gulia u Triq ix-Xatt f'Bormla, ma jegħrqux wara kull maltempata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-bieb li għalih qed issir riferenza bħala li ġie wweldjat, huwa l-'wicket door'. L-iwweldjar sar għal skopijiet ta' sigurta' u bl-ebda mod mhu ser ixekkel l-operat tal-bieb prinċipali jew tal-bottom flaps. F'każ ta' emerġenza jew waqt xi maltempata, s-Sezzjoni tas-Sigurta' tat-Tarzna tieħu ħsieb tiftaħ il-bottom flaps.
Leg 9 PQ #9143 Sitting 173 1999-11-04 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Oqsma ta' l-ekonomija — Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ li jaħdmu fid-diversi oqsma ta' l-ekonomija? Tista' din l-informazzjoni tingħata fi breakdown skond: 1) l-eta'; 2) il-gender; u 3) il-marital status?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #9174 Sitting 173 1999-11-04 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Marsa - Tank area

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8770, jista' l-Ministru jgħid kemm sar overtime mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-lum fil-manutenzjoni u fil-linji tat-tankijiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bejn l-1 ta' Jananr 1999 u t-30 ta' Ġunju 1999 tħallset is-somma ta' Lm82,069 f'sahra lill-ħaddiema ta' l-Enemalta impjegati fil-manutenzjoni u fil-linji tat-tankijiet.

Dipartiment għall-Kompetizzjoni Ġusta — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Kompetizzjoni Ġusta? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista'l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu li għalih qed issri riferenza, ma sar ebda trasferiment ta' ħaddiema fid-Dipartiment tal-Kompetizzjoni Ġusta. Fil-futur, trasferimenti jsiru jekk ikunu fl-interess tad-Dipartiment li jsir dan.

Dipartiment tal-Kummerċ — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Kummerċ mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tal-Kummerċ.

Dipartiment tal-Kummerċ — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Kummerċ? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fil-perjodu msemmi ma sarx trasferiment ta' ħaddiema fid-Dipartiment tal-Kummerċ. FIl-futur, trasferimenti jsiru jekk ikun fl-interess tad-Dipartiment li jsir dan.