Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xagħra, Għawdex — Mitħna ta' Kola - scaffolding

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefqet flus Heritage Malta biex tixtri l-iscaffolding li hemm armat mal-Mitħna ta' Kola fix-Xagħra Għawdex u/jew kemm hi l-kera kuljum tal-istess scaffolding? Jista' jgħid meta ntrama l-ewwel darba dan l-iscaffolding? Jista' jgħid fejn waslu u meta se jintemmu x-xogħlijiet ta' restawr tal-istess mitħna?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-iscaffolding li hemm armat mal-Mitħna ta’ Kola huwa proprjetà ta’ Heritage Malta u oriġinarjament kien inxtara mis-Solidarity Funds tal-Unjoni Ewropea bħala parti minn proġett ta’ restawr fit-Tempji tal-Ġgantija, li jmur lura għall-2004-2005. Infurmat li l-ewwel ġenb kien intrama fl-2008 ftit wara li tqaċċtu l-antenni waqt maltempata. Il-ġenb l-ieħor intrama fl-2012 meta iżżarmat l-istruttura interna kollha inkluż il-makkinarju tat-tħin, qabel bdiet ir-rikostruzzjoni. Fl-2014 tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħlijiet li kienet tikkonsisti fit-tqegħid ta’ partijiet strutturali ġodda li jerfgħu l-ġebel tat-tħin, u sar restawr ukoll fuq l-istruttura tal-ġebel. Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f’April li ġej se jitpoġġa l-fus prinċipali, l-ingranaġġi u l-kappell. L-antenni għandhom jitwaħħlu iktar tard din is-sena.

Kunsilli Lokali — segretarji eżekuttivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali li bħalissa m'għandhomx segretarji eżekuttivi full-time skont il-ħtiġijiet tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-9 ta’ Marzu 2015 kien hemm is-segwenti seba’ Kunsilli Lokali b’Aġent Segretarju Eżekuttiv. Is-seba’ Kunsilli Lokali huma dawk ta’ Birżebbuġa, tal-Gudja, ta’ Ħal Għargħur, tal-Mosta, tan-Nadur, ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Ta’ Xbiex.

Heritage Malta – mużewijiet u siti — Wifi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta għandhom il-faċilitajiet tal-wifi għall-viżitaturi? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-wifi systems jużaw servizzi tal-ISP mhux tal-MITA?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li s-servizz tal-wifi qed jiġi pprovdut fiċ-ċentru tal-viżitaturi u t-tempju ta’ Ħaġar Qim, u fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Ninsab infurmat li l-wifi tal-Palazz tal-Inkwiżitur hu pprovdut mill-MITA.

Heritage Malta – panneli fotovoltajiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il panneli fotovoltajiċi ġew stallati fil-proprjetajiet taħt ir-responsabilità ta’ Heritage Malta minn Marzu 2013 s’issa? Jista jgħid fejn ġew stallati u kemm hi l-ispiża relatata magħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-energy policy li tħaddan din l-Aġenzija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Heritage Malta nstallat 72 minn dawn it-tip ta’ panelli fi proġetti ġodda li ġew iffinanzjati mill-ERDF, li jinkludu t-Tempji tal-Ġgantija u l-Katakombi ta’ San Pawl. L-ispiża ta’ dawn iż-żewġ sistemi tlaħħaq id- €79,187. Ninsab infurmat li Heritage Malta m’għandiex energy policy speċifika iżda fil-proġetti l-ġodda tuża dawk is-sistemi kollha sabiex tnaqqas il-konsum u l-ispiża għall-enerġija skont ir-regolamentazzjoni tal-pajjiż kif ukoll il-programmi ta’ finanzjament li tkun qed tibbenifika minnhom.

Sant Iermu – postijiet ta’ senior clerks u GSO

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li ġew intervistati nies sabiex jimtlew postijiet ta’ senior clerks u GSO sabiex jitmexxa s-sit ta’ Sant Iermu? Jekk fl-affermattiv, għaliex inħasset il-ħtieġa li jitwarrabu nies ta’ esperjenza u dedikazzjoni lejn l-istess aġenzija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ġew intervistati nies biex jimtlew postijiet ta’ senior clerks sabiex jitmexxa s-sit ta’ Sant’Iermu. Madanakollu, ma kienx hemm nies li ġew intervistati għall-post jew postijiet ta’ Gallery Site Officer, u lanqas kien hemm talba biex jigu mpjegati nies f’dan il-grad. Ninsab infurmat li n-numru ta’ senior clerks ta’ Heritage Malta m’ huwiex biżżejjed sabiex ikopru l-ħtiġijiet ta’ dan is-sit ġdid, u għaldaqstant ma twarrbu l-ebda nies ta’ esperjenza u dedikazzjoni fi ħdan l-aġenzija.

Heritage Malta – rilokazzjoni tal-monti tal-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħax il-parir mill-esperti ta’ Heritage Malta fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-monti ġewwa il-Belt? Jekk iva, x’kien dan il-parir li Heritage Malta tat lill-Ministru?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Inċidenti ta’ ħaddiema fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx irrappurtati inċidenti relatati ma’ ħaddiema f’dawn l-aħħar 20 xahar? Jista’ jgħid kemm kien l-ammont li ġie investit, kemm f’taħriġ ta’ ħaddiema kif ukoll f’tagħmir ta’ ilbies protettiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li f’dawn l-aħħar 20 xahar ġew irrappurtati inċidenti relatati ma’ ħames ħaddiema. F’dan il-perjodu msemmi ma kienx hemm taħriġ relatat direttament fuq is-sigurtà u s-saħħa iżda ninsab infurmat li ġew investiti €6,850 f’tagħmir ta’ lbies protettiv.

Palazz tal-Inkwiżitur – accident report

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fis-6 ta’ Jannar 2015 għall-ħabta tal-10:30am, kien hemm inċidenti li ġew involuti fihom xi studenti waqt attività edukattiva fil-Palazz tal-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-accident report relatat mal-istess inċident, il-pariri u l-kummenti addizzjonali tal-health and safety officer u kemm minn dawn il-pariri twettqu sal-ġurnata tal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-imsemmi inċident seħħ waqt programm edukattiv u kien jinvolvi lil tifel li waqa’ b’mod aċċidentali wara li tfixkel f’saqajh stess. Dan ma ġarax minħabba xi nuqqasijiet relatati ma’ health and safety. Ninsab infurmat li l-istess tifel qam minnufih u ma ġarrab l-ebda tip ta’ konsegwenzi kif ikkonfermat omm it-tifel stess li kienet preżenti.

Għawdex — Ix-Xagħra - bankini

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15085, 14881 u 14531 u jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex, f’bini ta’ bankini ġodda u manutenzjoni ta’ bankini eżistenti mill-1 ta’ April 2007 sal-lum, u jgħid ukoll kif ġew mogħtija x-xogħlijiet u l-ammonti tagħhom fi flus, ċjoè, jekk hux permezz ta’ sejħa għall-offerti, kwotazzjonijiet u/jew b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'seduta oħra.

Għawdex — Kunsill Lokali tax-Xagħra – xiri ta’ konkos

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15086, 14882 u 14532 u jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex, f’xiri ta’ konkos mill-1 ta’ April 2007 sal-lum, u jgħid ukoll kif ġew mogħtija x-xogħlijiet u l-ammonti tagħhom fi flus, ċjoè, jekk hux permezz ta’ sejħa għall-offerti, kwotazzjonijiet u/jew b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'seduta oħra.

Kunsill Lokali Xagħra Għawdex – nefqa f’ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15087, 14883 u 14533 u jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tax-Xagħra, Għawdex, f’bini u manutenzjoni ta’ ħitan tas-sejjieħ mill-1 ta’ April 2007 sal-lum, u jgħid ukoll kif ġew mogħtija x-xogħlijiet u l-ammonti tagħhom fi flus, ċjoè hux permezz ta’ sejħa għall-offerti, kwotazzjonijiet u/jew b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Triq Dawret in-Nawfraġju - manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jitlob lill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar biex issir il-manutenzjoni meħtieġa fi Triq Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li x-xogħol ta’ manutenzjoni neċessarju fi Triq Dawret in-Nawfraġju beda jsir il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu 2015.

San Pawl il-Baħar — Triq Dawret in-Nawfraġju - manutenzjonijiet

Question

Billi r-railings li hemm fi Triq Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, jinsabu fi stat ħażin, jista' l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa?

Response (BONNICI, OWEN)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Marsaxlokk — Xatt is-Sajjieda - tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jingħata l-aħħar saff ta’ tarmak (il-wearing course) f’parti minn Xatt is-Sajjieda f’Marsaxlokk peress li din it-triq ilha diġà sentejn bis-saff ta’ taħt tat-tarmak (base course) biss għal dawn l-aħħar sentejn?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li x-xogħol fuq din il-parti msemmija ta’ Triq Xatt is-Sajjieda għandu jkun lest fil-gimgħat li ġejjin.

Fondi għall-Proġetti Kapitali għall-Kunsilli Lokali — kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali u liema kienu l-kunsilli lokali li applikaw għall-Fondi għall-Proġetti Kapitali għall-Kunsilli Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li b’kollox applikaw 57 Kunsill Lokali għall-Fondi għall-Proġetti Kapitali għall-Kunsilli Lokali. Dawn kienu: Ħ’Attard; Ħal Balzan; Birkirkara; Birżebbuġa; Bormla; Floriana; Fgura; Fontana; Gudja; Għajnsielem; Għarb; Għasri; Ħamrun; L-Iklin; L-Isla; Kalkara; Kerċem; Ħal Kirkop; Ħal Lija; Ħal Luqa; Marsa; Marsaskala; Marsaxlokk; Mdina; Mellieħa; Mġarr; Mosta; Mqabba; Munxar; Nadur; Naxxar; Paola; Pembroke; Tal-Pietà; Qala; Ħal Qormi; Qrendi; Rabat (Għawdex); Ħal Safi; Sliema; San Ġwann; San Lawrenz; San Pawl il-Baħar; Sannat; Santa Venera; Siġġiewi; Swieqi; Il-Belt Valletta; Xagħra; Ta’ Xbiex; Xewkija; Xgħajra; Ħaż-Żabbar; Ħaż-Żebbuġ (Malta); Iż-Żebbuġ (Għawdex); Żejtun; Żurrieq.

Fondi għall-Proġetti Kapital għall-Kunsilli Lokali — kunsilli lokali magħżula

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kunsill lokali ġew magħżula, u liema huma, biex jibbenifaw mill-Fondi għall-Proġetti Kapitali għall-Kunsilli Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-Fond għall-proġetti Kapitali għall-Kunsilli Lokali, ser ikun hemm 29 Kunsill Lokali li minnu se jibbenifikaw permezz tal-proġetti mressqa minnhom. Dawn huma: Il-Belt Valletta; L-Isla; Bormla; Ħal Qormi; Ħaż Żebbuġ (Malta); is-Siġġiewi; iż-Żejtun; Birkirkara; Birżebbuġa; il-Fgura; il-Gudja; il-Ħamrun; Kerċem (Sta. Luċija); Ħal Luqa; il-Marsa; Marsaskala; Marsaxlokk; L-Imġarr; il-Mosta; L-Imqabba; in-Nadur; Paola; Ħal Safi; San Pawl il-Baħar; Tas-Sliema; ix-Xagħra; ix-Xewkija; ix-Xgħajra; iż-Żurrieq.

Fondi għall-Proġetti Kapitali għall-Kunsilli Lokali — lista' ta' proġetti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-proġetti kollha illi ġew sottomessi mill-Kunsill Lokali biex potenzjalment jibbenefikaw mill-Fondi għall-Proġetti Kapitali għall-Kunsilli Lokali, kunsill b' kunsill?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi l-proġetti mressqa mill-Kunsilli Lokali biex potenzjalment jibbenifikaw mill-Fondi għall-Proġetti Kapitali għall-Kunsilli Lokali.

Heritage Malta — sejħa għall-ingaġġ

Question

B'referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 15091, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-membri tal-Bord tal-Għażla? Billi jidher li hemm ġew appuntati esperti minbarra l-aġenzija, jista' jgħid xi proċedura ntużat biex ntagħżlu dawn l-esperti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15091, l-għażla tal-esperti msemmija saret fuq l-istess kriterji hekk kif stabbiliti mill-amministrazzjoni preċedenti.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – persuni inġaġġati f’position of trust

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14115 jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-persuni li ġew ingaġġati f'position of trust mid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li hu jmexxi, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-31 ta' Jannar 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Intant, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-persuni li huma fis-Segretarjat tiegħi huma kollha Persons of Trust li l-kuntratt ta’ mpjieg tagħhom huma kollha bbażati fuq id-dokument Engagement of Staff for Ministers Secretariat li kien ġie mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fil-15 ta’April 2013.

Heritage Malta — sejħa għall-ingaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sejħa għall-ingaġġ u għal mili ta' pożizzjoni nħarġet minn Heritage Malta matul l-2014? Jista' jgħid f'kull każ, kif intgħażlet il-persuna biex timla l-post vakanti jekk hux permezz ta' bord tal-għażla jew b'direct appointment? F'każ li kien hemm bord tal-għażla, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-persuni li kienu jiffurmaw il-bord tal-għażla?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul l-2014 l-Aġenzija Ħeritage għamlet sejħa għall-ingaġġ tal-pożizzjonijiet kif ġej: Acting HR Manager Archivist Coordinator Curatorial Support (Gozo) Coordinator Exhibitions & design Coordinator ICT Coordinator ICT (Fort St. Elmo) Coordinator Stores Curator (Fort St. Elmo) Executive Finance Executive V/Services (Gozo) Gallery Site Officer Gallery Site Officer (Gozo) Head ICT & Corporate Services Head Projects Mastru (Fort St. Elmo) Operative Principal Conservator (Paintings) Project Manager Hypogeum Senior Clerks (Fort St. Elmo) x 10 Senior Curator Ethnography Senior Executive Finance Senior Executive Health & Safety Senior Executive Projects Site Manager (Fort St. Elmo) Skilled Tradesman (Carpenter) Skilled Tradesman Electrical (Fort St. Elmo) Skilled Tradesman Electrical (Ggantija) Ninsab infurmat li kull persuna ntgħażlet permezz ta’ bord tal-għażla. Ninsab infurmat ukoll li kien hemm diversi bordijiet tal-għażla, bord differenti għal kull pożizzjoni. Intant, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-bordijiet tal-għażla kienu magħmula mill-management tal-Aġenzija Ħeritage u esperti oħra fil-qasam.