B'riferenza għall-avviż Nru 479 li deher fuq il-gazzetta tal-Gvern, ħarġa tal-10 ta' Mejju 2004 u li jikkonċerna akkwist ta' art fiż-Żejtun, jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid għal liema skop pubbliku se tintuża din il-biċċa art?
Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta ta' l-art in kwestjoni u fejn tinsab eżatt din l-art?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-art fiż-Żejtun murija bl-aħmar fuq il-pjanta L.D. 114A/98 li ġiet dikjarata meħtieġa għall-skop permezz tal-Avviż Nru. 479 datata 10 ta' Mejju 2004, ġiet akkwista mill-Gvern għat-twessiegħ tat-triq. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta hawn fuq imsemmija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ġew inkorporati l-aħħar l-emendi li saru għal Kap 12 tal-liġijiet ta' Malta fuq il-website dwar is-servizzi tal-qrati?
Jaqbel il-Viċi Prim Ministru li jekk il-website imsemmi ma jiġix aġġornat immedjatament kif jiġu approvati l-emendi, id-dewmien jista' ikun ta' diżgwid għal min jirriferi għal-liġijiet sew avukati u kif ukoll ċittadini oħra?
Jista' jara li jingħataw direttivi biex l-emendi jiġu mdaħħla fil-liġijiet appena jkollhom l-approvazzjoni tal-President?
Response (BORG, TONIO)
L-aħħar darba li l-Kapitlu 12 ġie emendat kien permezz ta' l-Avviż Legali 383 ta' l-2003. Jekk, minn banda l-oħra l-Onor. Interpellant qed jirreferi għar-regolamenti li saru dan l-aħħar taħt il-Kapitlu 12, dawn ġew inkorporati fil-website ftit wara l-1 ta' Mejju.
Naqbel ma' l-Onor. Membru li jekk il-website ma jiġix aġġornat jista' jinħoloq diżgwid, madankollu ta' min jgħid li fil-website tal-Ministeru hemm disclaimer li jgħid li dak li jidher fil-website mhux kunsidrat bħala verżjoni uffiċjali tal-Liġijiet ta' Malta. Leġislazzjoni sussidjarja għadha qed tiġi kompilata qabel titpoġġa fuq il-website.
Il-website tiġi aġġornata mhux iktar tard minn ħamest'ijiem minn meta jsiru emendi skond ftehim li kien intlaħaq mal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Tas-Sliema — Ħruġ ta' ċitazzjonijiet mill-kunsill lokali
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani kemm-il ċitazzjoni nħarġet mill-kunsill lokali ta' Tas-Sliema fit-toroq: G. Borg Olivier, Sir L Camilleri, Triq Capua u Trejqet Regina Vittorja bejn Jannar 2004 u t-30 ta' April 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-funzjoni ta' nfurzar ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku ġiet delegata lill-Kunsilli Lokali.
Kif jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' Gvern Lokali.
Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant jista' jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali tas-Sliema.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju ta' proċessar waslet il-petizzjoni tal-persuna indikata separatament? Japprezza l-Ministru illi jekk l-eżitu tal-petizzjoni ma jsirx b'mod spedit tkun saret inutilment? Peress li l-petizzjonijiet kollha li saru konċernanti nies li kienu l-ħabs minħabba penali tal-VAT, kollha ġew milqugħa u l-persuna indikata hi l-unika persuna li baqgħet il-ħabs, ma jarax li dan jista’ jiġi interpretat bħala ġest diskriminatorju fil-konfront tal-persuna indikata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-petizzjoni indikata tinsab fi stadju avvanzat tal-investigazzjoni.
Kull każ huwa investigat individwalment u għalhekk ma jistax jingħad li għax deċiżjoni iddum aktar minn oħra, allura dan għandu jiġi interpretat bħala ġest diskriminatorju, bħalma wieħed ma għandux jaħseb li għax każ kien deċiż favorevolment, allura każ ieħor għandu ikollu l-istess eżitu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq fil-Parlament l-Abbozz ta' Liġi dwar Vjolenza Domestika li ilu li tħejja minn Marzu 2000?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5714, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'isimha l-kumpannija li qegħda tiddepożita l-kera l-qorti u min huma d-diretturi tagħha? Jista' jispjega kif il-fond jista' jibqa' f'idejn dawn l-operaturi mingħajr ebda titolu billi l-kirja ma baqgħetx tiġi mġedda wara s-sena 2000? Ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li sakemm dan il-proġett ta' Ta' Qali jitwettaq l-operatur se jibqa' jagħmel negozju f'dan il-fond mingħajr m'għandu titolu validu? Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega kif għal dan il-fond baqa' ma nħariġx tender ġdid għal erba' snin sħaħ bl-iskuża tal-proġett ta' Ta' Qali li ilu snin sħaħ biex jinbeda u għad m'hemmx ħjiel ta' meta se jinbeda? Jista' jikkonferma li s-sitwazzjoni se tibqa' kif inhi, bl-operatur attwali fil-fond, anke matul is-sajf li ġej? Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif jista' jaċċetta li operatur li ma ġġedditlux il-kera erba' snin ilu jibqa' jagħmel użu mill-fond bl-istess kera ta' erba' snin ilu a skapitu ta' terzi interessati li fil-frattemp ma jistgħux jittenderjaw għal dan il-fond?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa issa għadha ma tteħditx deċiżjoni finali jekk il-fond għandux jitwaqqa jew le. F'dan l-istadju u kif isir dejjem, l-ex inkwilin jitħalla jkompli jokkupa il-fond sakemm ikun hemm deċiżjoni finali, imma d-Dipartiment tal-Artijiet ma jkunx jista' jkompli jaċċetta l-kera għax ikun qiegħed jippreġudika il-pożizzjoni tiegħu, meta jiġi biex iġiegħel lill-ex inkwilin joħroġ.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jelenka dawk il-kumpanniji/għaqdiet/organizzazzjonijiet li għandhom jagħtu flus lill-pulizija ta' ħlas extra u x'inhu l-ammont totali ta’ kull wieħed? Jista’ jgħid kemm ilhom biex iħallsu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qrati — Persuni ta' nazzjonalita' barranija li weħlu l-ħabs
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni barranin li weħlu sentenza ħabs is-sena l-oħra u din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni barranin li weħlu l-ħabs minn Jannar 2003 sal-10 ta’ Mejju 2004 huwa ta’ 94. Dawn instabu ħatja kif jidher hawn taħt:-
Omiċidju (attentat volontarju)
2
Importazzjoni ta’ droga
19
Frodi
9
Logħob ta’ l-azzard
2
Tibdil ta’ multa f’ħabs
5
Pussess u traffikar ta’ droga
6
Serq (attentat volontarju)
14
Ħsara Volontarja
3
Naqsu li jħallsu multa jew spejjeż
8
Ħrib minn post ta’ sigurta’
8
Evażjoni ta’ dazju
3
Ħruq volontarju
2
Feriti ta’ natura gravi
1
Traffiku
1
Ġurament falz
1
Pussess ta’ oġġetti projbiti
1
Theddid
3
Falsifikazzjoni
1
Ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ bail
3
Disprezz lejn il-Qorti
2
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni l-ħabs illum u jagħti breakdown ta kemm hemm repeating offenders?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri fl-10 ta' Mejju 2004 kien ta' mitejn u tmenin (280).
In-numru ta' drabi li daħlu l-ħabs, jew fuq arrest li l-każ għadu mhux deċiż, jew b'sentenza, hu kif jidher hawn taħt:-
L-ewwel darba 130
It-tieni darba 36
It-tielet darba 21
Ir-raba darba 17
Il-ħames darba 15
Is-sitt darba 12
Is-seba darba 4
Tmien darbiet jew aktar 45
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdet droga din is-sena u x'tip kienet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta' droga li nqabdet mill-Pulizija matul l-ewwel erba` xhur ta' din is-sena huwa kif ġej:
Cocaine 34.48grms
Heroin 621.799grms
Cannabis plants 2 plants
Cannabis grass 29grms
Cannabis resin 2kg478.57grms
Ecstacy 366.5 tablets
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nqabdu jippruvaw idaħħlu xi ħaġa pprojbita ġol-ħabs is-sena l-oħra u din is-sena u x'kienu l-affarijiet li ppruvaw idaħħlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li nqabdu jippruvaw iddaħħlu xi ħaġa projbita ġol-Ħabs bejn l-1 ta' Jannar 2003 u l-10 ta' Mejju 2004 kien ta' ħamsa. Dawn ippruvaw iddaħħlu jew drogi, inkluża l-Cannabis, jew mobile phones.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm instabu ħatja persuni talli kkorrompew minorenni? Kemm minn dawn kienu Maltin, kemm minnhom kienu barranin u x'weħlu wieħed wieħed, is-sena l-oħra u din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika.
Msida — Post ta' Segretarju Eżekuttiv fil-kunsill lokali
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-informazzjoni msemmija hawn taħt rigward il-post ta' Segretarju Eżekuttiv fil-kunsill lokali ta' l-Imsida li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-05/03/04: i) għaliex ma ngħatax acknowledgement ta' l-applikazzjonijiet mitfugħa? ii) għaliex l-interviewing board ma ntervistax lil kull applikant? iii) xi kriterji uża l-interviewing board fl-għażla tas-segretarju li diġa' qed jokkupa din il-kariga? iv) għaliex għadha ma ħarġet l-ebda notifika lill-applikanti li għal xi raġuni ma ġewx magħżula?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita` legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita`.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-pulizija qegħda tagħti l-approval tagħha għall-ħruġ tal-visas mill-Konsulat Malti fil-Libja?
Response (BORG, TONIO)
Talbiet għal visas li joriġinaw mill-Konsulat, fl-Ambaxxata Maltija fil-Libja qed jiġu proċessati mill-Pulizija bl-istess mod kif jiġu proċessati visi li jintalbu mill-Konsulati Maltin li jinsabu f'Ambaxxati oħra, u l-approval jingħata kull meta jkun il-każ.
Issa li ttieħdet deċiżjoni importanti li l-bejgħ ta' sigaretti ma jistax isir lil dawk taħt it-18-il sena, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se titħabbar politika simili dwar l-alkoħol li aktar minn sena ilu kien intqal li qed tiġi mfassla? Japprezza l-Viċi Prim Ministru li x-xorb fost iż-żgħażagħ żdied sew u li allura issa saret ħaġa urġenti għall-politika soda dwar dan?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi jeżisti l-kumitat imwaqqaf fi ħdan il-Ministeru tal-Familja sabiex jagħmel proposti għal kontroll tal-konsum u l-abbuż ta' l-alkoħol. Meta dan, wara l-konsultazzjoni meħtieġa jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, titttieħed deċiżjoni.
Jaf il-Viċi Prim Ministru li għadu jsir bejgħ ta' prodotti alkoholiċi fi fliexken liż- żgħażagħ għaliex għadu ma sar xejn effettiv biex dan jinżamm? Japprezza li huwa ta' dannu kbir għas-saħħa u l-iżvilupp ta' dawn iż-żgħażagħ jekk ikomplu jixorbu bla rażan?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellat għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5084, ninsab infurmat illi l-pulizija għadha u ser tkompli tagħmel sorveljanza sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm abbuż mill-alkoħol minn persuni taħt l-eta'.
Jista’il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk irċeviex ilmenti minn membri tal-Korp tal-Pulizija dwar li mhux qed isir ħlas f’perjodu qasir għal xogħol extra li jkunu għamlu? Japprezza l-Viċi Prim Ministru li hemm min għandu ħlasijiet x'jagħmel kull xahar u b'hekk jistinka u jaħdem extra biex ikun jista’ jħallas dawn il-ħlasijiet? Għaliex ma ssirx politika stretta li kull minn ikun irid pulizija extra jrid iħallas, ngħidu aħna, kull xahrejn inkella ma jingħatax aktar pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-servizz ta' extra duty isir fuq talba ta' terzi. Għaldaqstant sabiex isir il-ħlas lill-membri tal-Korp, l-ammont dovut irid l-ewwel jinġabar minn għand min ikun għamel it-talba. Infurmat ukoll illi għalkemm jista' jkun hemm xi dewmien minn xi terzi, il-membri tal-Korp li jaħdmu l-extra ma kull paga jirċievu ukoll regolarment ħlas ta' extra duty li jkunu ħadmu. Tant hu hekk li matul dawn l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena il-membri tal-Korp li ħadmu l-extra tħallsu is-somma ta' Lm257,406.87. Minkejja dan qed isir sforz sabiex kemm jista' jkun l-ammont dovut jinġabar mingħajr dewmien.
Minsteru tal-Ġustizzja u l-Intern — Impjegati ġodda
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati impjegati ġodda ma' korporazzjonijiet, aġenziji u kumpaniji pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fil-perjodu Jannar / April 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fid-Dekasteru tiegħi ma kienx hemm impjegati ġodda ma' xi entita' speċifikata fil-Mistoqsija.