Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm sewa l-party li sar għad-direttur tal-welfare fit-13 ta' Settembru? Min għamlu l-catering?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-laqgħa li saret fl-okkażjoni tal-ħatra tad-Direttur tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja l-ispiża kienet ta' Lm252.41.
Il-catering kien f'idejn l-Adult Training Centre ta' Marsascala.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li ngħatat dwar waqfien ta' għoti ta' flus tal-mard lill-koppja anzjana li l-partikolarijiet qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija hijiex ġustifikata jew le?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-ħaddiema tas-social service jinvestigaw il-każ ta' single mother żgħażugħa bil-ġenituri tagħha mejta, dħul ta' xejn u b'ebda flus il-bank li l-partikularitajiet tiegħh jidhru separatament minn din il-mistoqsija? Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ jittieħed bis-serjeta' u malajr minħabba l-istat batut li tinsab fih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena dispost li nwieġeb u nagħti d-dettalji kollha dwar dan il-każ jekk l-Onor Interpellant jipproduċi dikjarazzjoni iffirmata mill-persuna konċernata li jiena nista' nagħti din l-informazzjoni b'mod pubbliku. Sadanittant il-persuna konċernata ġiet infurmata fid-dettal dwar dak li rriżultat lid-dipartiment wara l-investigazzjonijiet li saru. Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant biex jitlob lill-persuna konċernata kopja ta' l-ittra tad-dipartiment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet għall-post ta' Care Workers li ħarġet fis-sejħa tas-7 ta' Jannar, 2000? Kemm hemm meħtieġa care workers skond din is-sejħa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kien hemm 393 applikazzjoni għall-post ta' "Care Worker". Għalkemm is-sejħa oriġinali kienet ta' 15, id-Dipartiment ħass u għamel talba sabiex in-numru jiżdied għal 45.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu C.S.A.'s mad-dipartiment tal-kura ta' l-anzjani mill-1998 sal-lum?
Jista' jgħid ukoll mil-liema lokalita' huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li issa għaddew tliet xhur minn mindu l-Awtorita' ta' l-Ippjanar (22 ta' Ġunju, 2000) kitbet lill-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u rrikmandat li jsiru xogħlijiet ta' tibdil ta' partijiet mis-saqaf tad-dar u water proofing tal-bqija tas-soqfa, meta se tipproċessa t-talba tiegħu għal sussidju taħt skema 5 peress li issa dieħla x-xitwa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata applikat għal sussidju taħt Skema 5 ta' l-Awtorita' tad-Djar fid-9 ta' Ġunju 2000. Fl-14 ta' Ġunju, il-Perit mqabbad mill-Awtorita' tad-Djar għamel spezzjoni fuq il-fond u fit-28 ta' Ġunju 2000 l-applikant ġie infurmat biex, bla preġudizzju, jagħmel ix-xogħolijiet sakemm isir l-ipproċessar kollu ta' l-applikazzjoni.
B'riferenza għas-sejħa li saret dan l-aħħar biex inħatru care workers fid-Dipartiment tal-Kura ta' l-Anzjani, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji ta' dawk magħżula jiġifieri, l-ismijiet u l-kwalifiki li għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li peress li r-riżultat biex jinħatru "Care Workers" f'dan id-Dipartiment għadu ma ġiex ippubblikat, allura l-ebda informazzjoni ma tista' tingħata f'dan l-istadju.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet ir-reviżjoni tal-pensjoni ta' l-anzjana li d-dettalji tagħha jidhru separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, skond ir-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, d-dettalji provduti mill-Onor. Interpellant ma jikkorispondux, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħtini aktar dettalji tal-persuna konċernata biex inkun nista' ninvestiga.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' emigranti Maltin li jirċievu xi tip ta' pensjoni tal-gvern Malti? F'liema pajjiż qed jgħixu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzioni mitluba fejn jirrigwarda pensjonijiet mħallsa mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Għal dak li jirrigwarda pensjonijiet tat-Teżor, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nqatalhom xi benefiċċji soċjali matul l-ewwel sitt xhur tas-sena?
Kemm minn dawn il-każi qed jiġi kkontestati f'xi forma ta' appell?
X'kienu l-każi separtament, relief, children allowance, pensjonijiet, eċċ.?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18047 f'Seduta Numru 349.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitneħħa l-inkonvenjent li qed ikollhom jgħaddu minnu r-residenti ta' Triq S. Gużepp u Triq il-Konservatorju minħabba storbju minn xi ġeneraturi jew xi tip ta' muturi fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ftit ħoss li jista' jikkawża l-inkonvenjent li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ġej minn pompa ta' l-ilma li ttella' l-ilma fuq il-bejt. Ninsab infurmat ukoll li ngħataw struzzjonijiet lill-kuntrattur biex din il-pompa tiġi mgħottija b'"sound insulating material".
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-anzjana li d-dettalji tagħha qed nibagħthom separatament ma rċevitx il-benefiċċju tal-mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'hemm imħejji li jsir flok il-post ex-D.O.E. fil-Fortini l-Birgu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'dan il-post ser jitwaqqaf "Community Resource Centre". Id-dettalji kollha kont ħabbarthom pubblikament f'konferenza stampa li nżammet fuq il-post, ftit tal-ġimgħat ilu. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tan-"News Release" li tispjega d-dettalji ta' dak li kont ħabbart.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 18107?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li m'hemmx konsulenti barranin li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' familji li fil-mument għandhom talbiet tagħhom quddiem l-Awtorita' tad-Djar sabiex jixtru l-proprjeta' fejn huma residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għandha 291 l-applikazzjoni pendenti. Dawn huma mqassma hekk:
71 - l-Awtorita' tad-Djar qed tistenna l-approvazzjoni tal-Lands Department biex tibda tipproċesshom;
89 - l-Awtorita' tad-Djar qed tistenna l-provenjenza ta' l-art li fuqha hemm mibnija din il-proprjeta' biex tkun tista' tikkonkludi mal-applikanti;
131 - qegħdin jiġu proċessati mill-Awtorita' tad-Djar.
Bħalissa din l-iskema qegħda tiġi analiżżata biex tiġi eliminata kull possibilita' ta' abbuż.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru referrals għall-impjiegi, xahar b'xahar, din is-sena mill-uffiċċju ta' l-ETC ta' Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19092
XAHAR FULL-TIME PART-TIME
Settembru 1999 222 27
Ottubru 1999 327 50
Novembru 1999 337 53
Dicembru 1999 113 10
Jannar 2000 382 53
Frar 2000 376 34
Marzu 2000 334 39
April 2000 310 25
Mejju 2000 455 111
Ġunju 2000 314 78
Lulju 2000 382 84
Awissu 2000 268 62
TOTAL 3,820 626
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mietu persuni fuq il-post tax-xogħol, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin? X'natura ta' xogħol kienu qed jagħmlu f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.