Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kuntistabbli li tilfu ħajjithom waqt il-ħin tax-xogħol mit-twaqqif tal-korp 'il hawn? X'kienu l-każijiet u f'liema sena? X'kumpens jieħdu l-familjari f'każijiet fatali bħal dawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub fl-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-familja ta' kull membru tal-Korp tal-Pulizija li jmut waqt li jkun għadu jservi fil-Korp tingħata somma ta' Lm1350 mill-General Fund u mill-Mutual Help Association Fund, li huma żewġ fondi li jinġabru minn kontribuzzjonijiet mensili mill-istess membri tal-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid jew jikkonferma li saru diversi rapporti anonimi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar strutturi llegali fi Triq il-Lellux, Sta. Luċija? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il enforcement order ħareġ in vista ta' dawn ir-rapporti anonimi? Jekk ma ħareġ l-ebda enforcement order f'xi wieħed minn dawn il-każijiet, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni u x'passi se jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tweġiba hija fl-affermattiv.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar inħarġu Enforcement Notice f'żewġ każi minn dawk indikati. F'każ minnhom is-sid neħħa l-illegalita' u fil-każ l-ieħor l-Enforcement Notice huwa pendenti. Fil-każi l-oħra rriżulta li l-allegat bini llegali kien sar minn ħaddiema tal-Gvern madwar 22 sena ilu meta l-Gvern ma kienx jirrikjedi xi forma ta' permessi mill-PAPB ta' dak iż-żmien u għalhekk ma jistgħux jittieħdu passi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-draft report preparat mid-ditta Aspinwall & Co. Ltd għall-Awtorita' ta' l-Ippjanar (Waste Management Subject Plan) imsemmi fir-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 5864?
Response (BORG, TONIO)
L-Awtorita` ta' l-Ippjanar qiegħda fl-istadju li tipprepara Waste Management Subject Plan, liema pjan qed jiġi mħejji minn Aspinwall & Co. (ditta Ingliża b'esperjenza internazzjonali) u iffinanzjat minn diversi dipartimenti u aġenziji tal-Gvern. Dan il-Pjan beda f'Awissu ta' l-1998, iżda minħabba li ma kinitx teżisti Waste Management Strategy u l-informazzjoni dwar l-ammont ta' skart li jiġi prodott fil-Gżejjer Maltin minn sorsi differenti hija skarsa, l-Awtorita` talbet lil Aspinwall & Co. sabiex tħejji rapport preliminari dwar is-sitwazzjoni ta' Waste Management fil-Gżejjer billi tiffoka l-aktar fuq dawk 'l hekk imsejħa 'priority waste streams'. Dawn ġew identifikati flimkien mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u jinkludu skart mill-Ajruport, mill-biċċeriji, mill-portijiet, mill-isptarijiet, kif ukoll mill-industrija tal-kostruzzjoni.
Issa li tlesta l-'preliminary report' tfassal ukoll l-ewwel draft tal-'Waste Management Subject Plan' li bħalissa qiegħed jiġi rivedut mill-Aworita` ta' l-Ippjanar qabel ma ssir konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan.
L-Onor. Membru jifhem li għaldaqstant għal issa mhux f'pożizzjoni li nqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.
28.04.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħarġitx il-permess għal bdil ta' alignment tal-bankina li qiegħda ssir fil-Pjazza fi Triq Sant'Aristarkus, f'San Pawl il-Baħar? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi kopji tal-permess fuq il-Mejda tal-Kamra? Jaf il-Ministru li permezz ta' dan ix-xogħol qegħdin jitnaqqsu għaxar parking spaces?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-unika applikazzjoni li taffettwa l-alignment ta' Triq San Aristarkus, f'san Pawl il-Baħar hi applikazzjoni PA 1112/97 li saret fl-1997 mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Din l-applikazzjoni kienet għall-Kostruzzjoni ta' roundabout, għat-twessigħ tal-bankini u għal kostruzzjoni ta' traffic islands biex jiġi kontrollat it-traffiku. Fil-pjanti ma kienx indikat li se jintilfu xi parking spaces peress li s-sit huwa junction bejn ħames toroq.
Ninsab infurmat ukoll li l-permess inħareġ fit-3 ta' April 1997.
28.04.99
Riferibbilment għall-perjodu 1 ta' Novembru, 1998 sat-30 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul il-perijodu l-1 ta' Novembru, 1998, sat-30 ta' Novembru, 1998, ma sar l-ebda kuntratt b' 'Direct order' mid-dekasteru ta' l-Intern għall-xiri ta' għamara ta' uffiċini, iżda ntalbu quotations u nxtraw l-oġġetti kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid ma' liema pajjiżi qed ikollu taħdidiet dwar li ċittadini ta' dawn il-pajjiżi jiskontaw f'pajjiżna sentenza ta' ħabs li weħlu f'Malta? Ma' liema pajjiżi diġa' jeżisti xi forma ta' ftehim? Qegħdin isiru xi taħdidiet ma xi pajjiżi għall-ewwel darba fuq dan is-suġġett?
Response (BORG, TONIO)
Malta irratifikat il-konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa imsejjħa 'European Convention on the Transfer of Sentenced Persons' fis-26 ta' Marzu 1991. Il-pajjiżi l-oħra li irratifikaw din il-konvenzjoni huma: l-Austria, il-Bahamas, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Costa Rica, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Islanda, l-Italja, il-Kanada, ir-Repubblika Kroata, il-Lussemburgu, in-Norveġja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugal, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Slovaka, ir-Repubblika Slovena, Spanja, l-Isvezja, l-Isvizzera, Trinidad u Tobago, it-Turkija, ir-Renju Unit, l-Ungerija u l-Istati Uniti ta' l-Amerika.
Għalhekk ma' dawn il-pajjiżi kollha Malta għandha trattat ta' ftehim dwar tibdil ta' priġunieri. Sar ftehim ukoll mal-Libja. Malta qiegħda fil-proċess ta' taħdidiet dwar is-suġġett ma' l-Eġittu u l-Marokk.
27.04.99
Jista' l-Ministru jgħid xi programm jeżisti fil-Ħabs biex jiġu riformati priġunieri, speċjalment dawk li jkunu qed jiskontaw sentenza għall-ewwel darba?
Response (BORG, TONIO)
Bl-introduzzjoni tar-Regolamenti ta' l-1995 dwar il-Ħabs, f'Ottubru 1995, il-priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin ingħataw il-possibilita' jsegwu programmi li jgħinuhom jirriformaw.
Ġie ntrodott il-Prison Leave biex dawk il-priġunieri li jkunu eliġibbli, jkunu jistgħu jattendu funzjonijiet reliġjużi tal-familjari tagħhom bħal ma huma magħmudijiet, preċetti, griżmi etċ; iżuru qrabat li jkunu rikoverati l-isptar jew li minħabba mard ma jkunux jistgħu joħorġu minn djarhom; jagħmlu xogħol komunitarju; jattendu programmi ta' rijabilitazzjoni mid-droga; u biex fl-aħħar tlett xhur tas-sentenza tagħhom ikunu jistgħu jaħdmu f'xi mpjieg jew jirċievu tagħlim jew taħriġ jew biex xort' oħra jiġu mgħejjuna fit-transizzjoni mill-ħajja tal-ħabs għal dik ta' barra.
F'Ottubru 1995, għall-ewwel darba fl-istorja ta' Malta, infetħet diviżjoni ġdida fil-Faċilita' biex dawk il-priġunieri li jkollhom il-vizzju tad-droga jkunu jistgħu jsegwu programm imfassal apposta biex jirriformaw ruħhom minn dan il-vizzju. Aktar tard, din id-diviżjoni ġiet trasferita l-Imtaħleb u fil-preżent hemm sittax-il priġunier li qed jattendu dan il-programm. Kien ukoll sar ftehim ma' l-Agenziji Sedqa u Caritas biex priġunieri jkunu jistgħu jattendu programm ta' din ix-xorta organizzat minn dawn l-aġenziji.
F'Awissu 1996, infetħet diviżjoni għaż-żgħażagħ biex dawk il-priġunieri ta' eta' tenera jiġu sseparati mill-kumplament tal-priġunieri l-oħra u jkunu jistgħu jagħmlu programm imfassal apposta għalihom. Fil-preżent hemm ħdax-il priġunier f'din id-diviżjoni, pero' n-numru ser jiżdied fil-futur immedjat hekk kif tinfetaħ il-wing il-ġdida.
Ġew impjegati diversi għalliema part-time taħt is-superviżjoni ta' żewġ ko-ordinaturi mpegati full time, biex il-priġunieri jingħataw il-faċilita' li jitgħallmu diversi suġġetti fosthom l-Ingliż, Taljan, Malti, Matematika, Kompjuter u suġġetti oħra. Il-priġunieri għandhom ukoll il-faċilita' ta' gym u qed jiġu organizzati attivitajiet sportivi, bħal logħob ta' futbol anke ma' timijiet minn barra l-Faċilita'. Hemm ukoll il-faċilita' ta' librerija.
F'Ottubru 1996 ġiet introdotta s-sistema tal-'Work and Pay' li biha, dawk il-priġunieri li jagħmlu xi xogħol fil-Faċilita', jingħataw ħlas addizzjonali ta' żewġ liri fil-ġimgħa.
Il-klassifikazzjoni aħjar tal-priġunieri bil-bini tal-kompless ġdid għandu jkompli jsaħħaħ din ir-riforma.
27.04.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se toħroġ is-sejħa għall-gwardjani tal-ħabs (CCF)?
Kemm se jkun in-numru ta' gwardjani li se jiġu mpjegati u x'kondizzjonijiet se jkollhom?
Response (BORG, TONIO)
Is-sejħa għal gwardjani fil-ħabs għadha qed tiġi pproċessata. In-numru ta' vakanzi biex jimtlew hu ta' 24. Għadni mhinix f'pożizzjoni li ngħid x'ser ikunu l-kundizzjonijiet li ser ikunu rikjesti billi s-sejħa għall-applikazzjonijiet għad mhix iffinalizzata mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
27.04.99
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-front garden tal-bini f'St. Edward's Street, Qormi jistax jingħata permess li jinbena in parti jew totalment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li strutturi fil-front gardens huma kkontrollati minn policy partikolarment dik li hija magħrufa bħala DC 1/88. Normalment ma jingħatax permess biex jinbnew strutturi fil-front gardens.
27.04.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3297, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-informazzjoni mitluba, inkluż in-nefqa dwar ir-reċiviment in kwistjoni ngħatat diġa', ma narax l-iskop li wieħed joqgħod jipproduċi rċevuti ta' kull ma tħallas kif qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant.
26.04.99
Wara d-deċiżjoni tal-Maġistrat Giovanni Grixti fil-Qorti ta' Għawdex li imputat mix-Xagħra seta' ġie ffrejmjat minn tliet membri tal-Korp tal-Pulizija wara inċident tat-traffiku, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex dan il-każ jiġi nvestigat? Min qed jinvestiga l-każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant qed jiġi nvestigat mis-Supretendent ta' Għawdex.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames xhur - Settembru sa Frar - kemm saru ilmenti kontra membri tal-Korp tal-Pulizija mill-pubbliku? Jista' l-Ministru jelenka x'kienu dawn l-ilmenti? X'passi ttieħdu fuqhom? Min investiga l-ilmenti? Kemm mill-ilmenti ġew deċiżi u f'kemm-il każ instab li l-pubbliku kellu raġun?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998, u Frar 1999, kien hemm 73 ilment mill-pubbliku kontra membri tal-Korp tal-Pulizija. 41 ilment kienu dwar nuqqas ta' servizz mogħti lill-pubbliku mill-membri tal-Korp, filwaqt li l-kumplament kienu dwar reati kontra d-dixxiplina, ksur ta' liġi jew nuqqas ta' nfurzar tal-liġi. Dawn l-ilmenti jiġu nvestigati minn fizzjali tal-Korp u mill-47 ilment li l-investigazzjoni dwarhom ġiet konkluża, irriżulta li 9 minnhom kienu ġustifikati.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru hold-ups mill-5 ta' Settembru sal-lum? Kemm ġew irrapportati flus misruqa f'kull hold-up? Kemm ġew solvuti sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Dwar il-hold-ups li ġew irrapurtati lill-Pulizija bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u l-31 ta' Jannar, 1999, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4266.
Rigward il-perijodu bejn l-1 ta' Frar u d-9 ta' Marzu, 1999, ninsab infurmat li ġew irrapurtati lill-Pulizija 5 hold-ups u tentattiv ta' ieħor. Minn dawn kien hemm każ li fih ma nsteraq xejn filwaqt li f'ieħor insteraq vann mimli sigaretti. Il-flus irrapurtati misruqa kienu : Lm400, Lm6,705, Lm30, Lm400. Minn dawn, 3 każi ġew solvuti, filwaqt li fil-każ tas-serqa ta' vann mimli bis-sigaretti, il-Pulizija irnexxielha ssib l-oġġetti misruqa.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija rnexxiliex issib iż-żiemel li sfratta dan l-aħħar ġewwa l-Ħamrun u li kkaġuna ħafna ħsara waqt il-ħarba tiegħu? X'tip ta' passi se jieħu l-gvern biex affarijiet bħal dawn ma jerġgħux jiġru billi jekk sid iż-żiemel ma jinstabx kulħadd se jibqa' billi ħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija s'issa, għadu ma ġiex stabbilit min huwa sid dan iż-żiemel. Ninsab infurmat ukoll illi ser jiġi kkunsidrat mezz kif żwiemel ikunu reġistrati ma' l-awtoritajiet.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li fix-xogħlijiet li qed isiru għall-estensjoni tal-Faċilita' Korrettiva Kordin jistgħux jiġu mtejbin il-faċilitajiet tal-parking li jiġu ħdejn Gaddafi Gardens? Jista' l-Ministru jara li din toffri soluzzjoni permanenti għal problema li għandhom ir-residenti ta' Valletta Road, Raħal Ġdid li ilhom isofru inkonvenjent ta' vetturi ta' staff ta' din il-faċilita' jipparkjawlhom il-karozzi għal sigħat twal wara l-bieb tagħhom minflok fil-parking spaces li hemm bħalissa b'mod li r-residenti ma jsibux huma fejn jipparkjaw?
Jaf il-Ministru li meta bdew jipparkjaw Gaddafi Gardens din il-problema kienet ġiet temporanjament solvuta?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li s-suġġeriment tal-Onor. Interpellant se jiġi kunsidrat, wieħed japprezza li m'għandu jsir xejn li bih jitnaqqas id-dritt tal-pubbliku ta' aċċess u tgawdija ta' Gaddafi Gardens.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti jistennew biex joħorġilhom il-permess għal hawkers? Hemm minnhom huma bejjiegħa tal-ħaxix? Hemm minnhom għal bejgħ ieħor? Kemm minnhom huma ta' nies li ġejjin minn barra l-pajjiż u m'ilhomx iktar minn ħames snin Malta? Jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li se joħroġ il-permess ta' dawn il-hawkers?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fid-29 ta' Marzu, 1999, in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għal ħruġ ta' permessi għal hawkers kien ta' 54, li minnhom waħda saret minn persuna barranija, filwaqt li 14 huma għal bejjiegħa tal-ħaxix/frott.
Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent għaddej proċess ta' reviżjoni tar-regolamenti li jirregolaw din il-kategorija ta' bejjiegħa.
26.04.99
Peress li minħabba ċ-ċirkostanzi li żviluppaw fil-Korp tal-Pulizija, il-Korp jidher li tilef ħafna mir-rispett li jixraq lill-korp dixxiplinat għaż-żamma ta' l-ordni, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-gvern biex jerġa' jistabilixxi l-fiduċja tal-poplu fil-korp?
Response (BORG, TONIO)
Ma naqbilx ma' l-Onor. Interpellant li minħabba ċ-ċirkostanzi riċenti l-Korp tilef ħafna mir-rispett li jixraqlu. Kif għidt f'okkażżjoni riċenti, dawn iċ-ċirkostanzi jindifnu ħdejn il-ħafna tajjeb li hemm fil-Korp tal-Pulizija. Is-suċċessi li kellu dawn l-aħħar ġimgħat il-Korp fil-ġlieda kontra l-kriminalita' huma xhieda ta' dan. Il-ġrajjiet riċenti ser jixprunawna biex inkomplu nirrifurmaw il-Korp biex joħorġu aktar il-kwalitajiet tajba li hemm fih.
26.04.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-Pulizija li jinsabu akkużati b'xi reat u kemm minnhom instabu ħatja ta' l-istess reat bejn l-1988 sa l-1998? Meta kienu ngaġġati fil-korp l-istess pulizija hekk akkużati jew misjuba ħatja?
Qatt kellhom akkużi ta' rregolaritajiet fil-qadi ta' dmirijiethom kemm ilhom jaħdmu fil-korp?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
26.04.99