B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 19470, jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq kiri u użu ta' telephones għas-sistema komputerizzata tal-librerija pubblika ċentrali kif ukoll branch u regional libraries għal kull sena matul is-snin 1990-2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn l-1990 u l-1995 ma sar ebda nfieq għaliex is-sistema bdiet tinħadem fl-1996 wara li fl-1995 il-MITTS (MSU) kienet nidiet il-proġett.
Informat ukoll li ċ-ċifri minfuqa fuq kiri u uża ta' telefons għas-sistema kompjuterizzata tal-librerija pubblika ċentrali kif ukoll tal-fergħat u reġjonali fis-snin ta' wara:
SENA LIBRERIJA FERGĦAT U TOTAL
ĊENTRALI REĠJONALI Lm
Lm Lm
1996 1,112 463.00 1,575.00
1997 1,090 2,833.80 3,923.80
1998 800 3,456.58 4,256.58
1999 1,054 5,507.00 6,561.00
2000* 862 7,082.00 7,944.00
* sa nofs Ottubru 2000.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 19477, jista' l-Ministru jgħid kemm il-ktieb ġie katalogat fil-Librerija Nazzjonali kull sena matul is-snin 1990-2000?
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Librerija Nazzjonali għandhiex ħsieb tibqa' tkompli toħroġ il-biblijografija nazzjonali għax l-aħħar waħda tkopri is-sena 1994?
Hemm xi raġuni speċifika għaliex ix-xogħol waqa' lura daqshekk?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' kotba li ġew ikkatalogati fil-Librerija Nazzjonali fis-snin 1990-2000, sena b'sena kien:-
1990 - 422 1995 - 485
1991 - 429 1996 - 393
1992 - 405 1997 - 301
1993 - 385 1998 - 103
1994 - 386 1999/2000 - (Ix-xogħol tal-katalogar fuq dawn is-snin
għadu għaddej)
Il-Librerija Nazzjonali għandha l-ħsieb li tibqa' tippubblika l-Biblijografija Nazzjonali u fil-fatt bħalissa qed isir xogħol fuq il-Biblijografija li tkopri s-snin 1995-1996. Dan ix-xogħol għandu jkun lest sa tmiem Diċembru ta' din is-sena biex immedjatament wara jibda l-proċess li din tkun mitbugħa. Barra minn dan tajjeb jingħad li l-programm ta' ħidma mfassal biex tinħadem il-Biblijografija 1995-1996, ġie estiż b'mod li sa tmiem Diċembru 2001, ikun tlesta x-xogħol kollu fuq il-Biblijografiji għas-snin 1997-1998 u 1999-2000 biex dawn ukoll jiġu mbagħad mitbugħa.
Ir-raġunijiet għala x-xogħol kien lura huma li ma kienx hawn impjegati li xogħolhom ikun li jikklassifikaw il-kotba u li kien hemm nuqqas ta' staff biex jikkataloga l-kotba. Dan ġie rimedjat billi d-Dipartiment kiseb is-servizzi ta' konsulent b'esperjenza fl-ikklassifikar tal-kotba li qed jagħti l-konsulenza tiegħu għal erba' siegħat fil-ġimgħa u fl-istess ħin iħarreġ u jgħallem lill-impjegati, liema konsulenza ser tibqa' għaddejja sa tmiem Diċembru 2001 u ukoll billi kien hemm żieda fl-istaff tat-taqsima tal-katalogar b'uħud mill-impjegati miżjuda jipposjedu kwalifiki fil-Librarianship.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema sena ngħata permess biex taħt l-iskola sekondarja ta' l-Imtarfa jitħalla jitkabbar il-faqqiegħ (mushrooms)?
F'liema sena ngħata l-permess biex persuna tibda żżom żiemel fuq art tal-iskola primarja tal-Fgura? Jekk dan iż-żiemel beda jinżamm bla permess, meta beda dan l-abbuż?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-liċenzja maħruġa mill-pulizija biex jibda jitkabbar il-faqqiegħ fis-sotterran ta' taħt l-iskola Sekondarja Subien, Mtarfa iġġib id-data ta' Ġunju 1994.
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qatt ma tat permess biex persuna tibda' żżomm żiemel fuq art biswit l-iskola Primarja tal-Fgura.
Informat ukoll li d-Diviżjoni ħarket lil din il-persuna u permezz ta' sentenza mogħtija fil-5 ta' Ottubru 2000, il-Qorti ordnat lil din il-persuna biex toħroġ minn din l-art fi żmien xahar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-bidu tas-sena skolastika kien hemm każi fejn ġenituri daħlu jaħbtu għall-għalliema fl-iskola primarja tal-Belt?
Kemm daħlu persuni?
X'passi ttieħdu kontra tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm każ wieħed ta' inċident bejn ġenituri u għalliema fl-iskola primarja tal-Belt. Kien hemm tnejn min-nies involuti. Diġa' ittieħdu proċeduri fil-Qorti Kriminali tal-Maġistrati u ingħatat sentenza.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istudenti li qed jagħmlu B.Educ fl-Edukazzjoni Fiżika għandhomx xi credit/s marbuta mal-persuni b'diżabilita'?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-syllabus ta' dan is-suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti li qed jagħmlu l-B.Ed (Hons.) fl-Edukazzjoni Fiżika għandhom mhux anqas minn żewġ study-units marbuta ma' persuni b'diżabilita`. Minbarra dawn, bosta mill-units l-oħra jitrattaw dan l-aspett. Is-sillabu ta' dan is-suġġet jingħata lill-Onor. Membru aktar tard.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema ta' l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel speċjali?
Kemm isiru attivitajiet sportivi f'dawn l-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm żewġ għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel speċjali. Dawn għandhom tlett skejjel kull wieħed. Il-lezzjonijiet isiru regolarment. Fl-aħħar ta' Novembru dawn l-iskejjel sejjer ikollhom Sprots Festival.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intlaqgħu applikazzjonijiet għall-iskola tal-bennejja matul is-snin 1990-2000, kull sena separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola tas-Snajja', Gerolamo Cassar, mhijiex skola tal-bennejja iżda fiha l-istudenti ta' bejn l-14 u s-16-il sena minbarra suġġetti akkademiċi bħal ma hu mitlub mill-kurrikulu minimu nazzjonali jitgħallmu wkoll is-snajja' tal-kisi, u tat-tqegħid tal-madum.
Sa s-sena 1998, kien hemm żewġ korsijiet fl-iskola, dawk għall-istudenti taħt is-sittax-il sena bħal ma hu msemmi aktar il-fuq u kors ta' tliet snin ta' l-E.S.T.S. li kien iwassal għall-Journeymen certificate.
Bit-taħriġ mogħti mill-iskola, jiġifieri teorija u prattika tal-bini, l-istudenti ta' l-E.S.T.S. kienu jkunu jistgħu jersqu għall-eżami tal-ħruġ ta' liċenzja tal-bennejja.
Il-kors ta' l-E.S.T.S. 1995-1998 attendew għalih 7 studenti minn Għawdex u ma kien hemm ebda student minn Malta.
Bejn is-snin 1990-2000 intlaqgħu applikazzjonijiet għall-korsijiet ta' E.S.T.S kif se nsemmi:
SENA STUDENTI
1990-91 58 full-time
53 part-time
1991-92 77 full-time
1992-93 76 full-time
1993-94 38 full-time
1994-95 34 full-time
23 part-time
1995-96 27 full-time
1996-97 25 full-time
1997-98 7 full-time
1998-99 1 full-time
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu sejħiet għall-applikazzjonijiet fl-Universita' ta' Malta mis-sena 1998 'l hawn għall-postijiet akkademiċi u minn min imtlew il-postijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri ta' l-istaff mhux akkademiku fl-Universita' ta' Malta li ġew sekondati mal-gvern jew entitajiet oħra minn Jannar 1997 'l hawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'hemm ebda membru ġdid ta' l-istaff mhux akkademiku fl-Universita` ta' Malta li ġie sekondat mall-gvern jew entitajiet oħra minn Jannar 1997 'l hawn.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ir-registratur ta' l-Universita' tax awtorizzazzjoni li l-graduate trainees li daħlu s-sena li għaddiet ser jiġġeddidilhom il-kuntratt minkejja li fis-sejħa għall-applikazzjoni kien kemm stipulat li l-kuntratt ma jistax jiġġedded?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni mhux akkademiċi fl-Universita' ta' Malta li kienu qed jieħdu l-qualification allowance fil-bidu tas-sena 2000?
Liema pożizzjonijiet kienu jokkupaw?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri ta' l-istaff mhux akkademiku fl-Universita' ta' Malta li ħadu unpaid leave mis-sena 1994 'l hawn? Min huma u liema gradi jokkupaw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 69 persuna li ħadu unpaid leave mis-sena 1994 'l hawn fl-Universita` ta' Malta. L-informazzjoni dwar min huma u l-gradi li jokkupaw qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji dwar persuni li jokkupaw pożizzjonijiet akkademiċi fil-Fakulta' tal-Mediċina u Kirurġija biex dawn jibqgħu jżommu din il-kariga wara l-eta' ta' 61 sena, meta normalment jirtiraw bil-pensjoni mill-karigi tagħhom fid-Dipartiment tas-Saħħa?
Kemm hemm minn dawn il-persuni li fil-preżent qed jibbenifikaw minn dan il-privileġġ u x'inhu l-grad li kull wieħed jokkupa?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitluba għadu ma wasallix, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'impjieg kellha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma' l-Universita ta' Malta?
Meta kien ingaġġat u f'liema pożizzjoni, dipartiment u fakulta'?
L-impjieg tiegħu kien fuq bażi ta' full jew part-time? X'kien is-salarju tiegħu fil-pożizzjonijiet li kien jokkupa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Impjieg li kellha l-persuna msemmija ma' l-Universita` ta' Malta kien ta' "Precincts Officer" fid-dipartiment ta' l-Estates & Works.
Kien ingaġġat fis-16 ta' Settembru 1991 fuq bażi full-time.
L-aħħar salarju kien ta' Lm6089.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-Iskola Mikelang Sapiano m'hemmx għalliem tal-Matematika fil-kors tal-Computer Aided Engineering?
Meta hemm il-ħsieb li dan l-għalliem jinstab għal dan il-kors?
Minbarra il-kors imsemmi, fl-liema kors ieħor hemm nuqqas ta' għalliema f'din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Istitut Tekniku Mikielanġ Sapiano m'hemm ebda għalliem tal-Matematika nieqes fil-kors tal-Computer Aided Engineering.
Madanakollu għad hemm xi nuqqasijiet ta' xi għalliema fi ħdan dan l-Istitut, kif se nsemmi:
Suġġett Numru ta'
Lezzjonijiet
Pneumatics & Hydrolics 6
Microelectronics 4
Implimenting Engineering Design 2
Safety 5
Jista' l-Ministru jgħid x'policy teżisti dwar teaching loads ta' l-għalliema fl-iskejjel ta' l-Istat? Hemm xi numru ta' lezzjonijiet massimi għall-suġġetti differenti fil-ġimgħa fl-iskejjel sekondarji? Kemm huwa t-teaching load fil-ġimgħa għall-għalliema tal-lingwi u dawk tax-xjenzi?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-suġġett li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru hu regolat bil-Ftehim Kollettiv relattiv.
Jista' l-Ministru jgħid kif jitmexxa l-kumpless sportiv tal-Marsa? X'sistema tintuża għall-użu tal-faċilitajiet tal-football, rugby, volleyball, etc.?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li teżisti sistema ta' 'booking' bi ħlas għal faċilitajiet tal-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Dawn il-bookings isiru għand l-uffiċjali tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport li jinsabu fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa.
Jista' l-Ministru jgħid x'sistema teżisti biex it-track ta' l-atletika fil-Marsa tintuża kemm minn għaqdiet u kemm minn individwi? Hemm xi sistema ta' booking? Jaf il-Ministru li kemm-il darba jkun hemm konfużjoni sħiħa għaliex jidher li m'hemm l-ebda organizzazzjoni dwar kif jintuża?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm sistema ta' 'booking' għall-użu ta' l-'athletics track' tal-Marsa, partikolarment għal skejjel li jużaw it-track filgħodu. Dawn il-bookings isiru għand l-uffiċjali tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport li jinsabu fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa.
Meta ma jkunx hemm 'bookings' għal attivitajiet partikolari, it-track tkun miftuħa għall-użu tal-pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid taħt liema kondizzjonijiet ingħata l-ground ta' l-Universita' lit-team tas-Sliema W? Għaqdiet oħra bħal Għaqda ta' l-Industriji (ISA) li tuża l-ground tal-football kull nhar ta' Sibt wara nofs inhar se jkunu jistgħu jużawh?
Dawk in-nies li jużaw it-track għal jogging jew miexi bħala bżonn biex ikunu fiżikament tajjeb, se jkunu jistgħu jużawh?
Fuq kollox, x'aċċess se jkollhom studenti universitarji għal ground u t-track?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-użu tal-football pitch ta' l-Universita` li ser jintuża mis-Sliema Wanderers F.C. huwa regolat minn ftehim li sar bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet, is-Sliema Wanderers, is-Segretarjat Parlamentari fil-Ministru ta' l-Edukazzjoni u l-Universita`. B'dan il-ftehim is-Sliema Wanderers ser jagħmlu użu mill-pitch tal-football ta' l-Universita` skond skeda miftehma. Għandhom jinbnew żewġ five-a-side pitches bit-turf artifiċjali għall-użu ta' l-Universita` u n-Nursery ta' l-istess Club.
Saru xi xogħlijiet ta' titjib ta' l-istess football pitch partikolarment tiswijiet tal-fencing. Dan ma sarx sabiex ma jħalli l-ħadd barra l-players tas-Sliema milli juża l-pitch, imma sabiex jinqata' l-użu ħażin li nies idaħħlu klieb jew bhejjem oħra fl-istess pitch. Dawk in-nies li kienu jużaw it-track ta' mal-pitch għal jogging, sejrin jistgħu jibqgħu jagħmlu dan.
Nikkwota l-aħħar klawsola ta' l-arranġament li sar sabiex inwieġeb it-tieni parti tad-domanda ta' l-Onor. Membru.
"The use of the University premises shall be on a non-exclusive basis and for the whole period until such time when Sliema Wanderers F.C. can return to the new sports complex at Tigne', and during times to be agreed upon between the parties keeping in mind the concurrent needs of University students."
L-iskeda miftiehma hija din:
Ġranet matul il-Ġimgħa 5.30p.m. sa' 8.00p.m
Sibtijiet 9.00a.m. sa' 11.30a.m.
Ħdud u Festi 8.30a.m. sa' 12.00 (nofs in-nhar)