Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar Ta' Qali Crafts Centre u ċioe mistoqsija parlamentari numru 8102, Seduta Nru. 131
Min huwa responsabbli sabiex jeżamina dan il-proġett u x'għamel s'issa?
Response (BONNICI, JOSEF)
S'issa l-M.D.C. u l-Awtorita ta' l-Ippjanar għamlu l-evalwazzjoni tal-problemi li jistgħu jinqalgħu fl-eżekuzzjoni tal-proġett u fformulaw proposti li jistgħu jagħmlu l-proġett aktar fattibbli fl-interess tal-inkwilini kollha tal-villaġġ. Dawn il-proposti fil-preżent qed jiġu diskussi fi ħdan il-Ministeru tiegħi bil-għan li sussegwentement iservu bħala bażi għal taħdidiet mal-partijiet kollha interessati.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk id-ditti ta' konsulenza li issottomettew offerti għat-tħejjija ta' rapport dwar l-industrija ta' l-għamara f'isem l-IPSE? X'kienu l-offerti ta' kull ditta nvoluta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 10910 waqt is-Seduta numru 174.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li l-Korporazzjoni Enemalta għandha skarsezza ta' three phase meters?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-livell ta' ħażna tal-meters kummerċjali 'three phase' hi pjuttost baxxa. Din il-ġimgħa waslet kunsinna żgħira ta' dawn il-meters. Diġa hemm ordni oħra li mistennija tasal dalwaqt.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10875?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Avviż Legali numru 110 ta' l-1997 ta' l-Att ta' l-Iżvilupp ta' l-Industrija, jistabilixxi li intrapriża tkun meqjusa bħal 'żgħira' meta n-numru ta' impjegati ma jkunx aktar minn għaxra. Mill-banda l-oħra dan l-Att ma jistabilixxix il-kriterji ta' x'inhuma 'intrapriżi kbar' u 'intrapriżi ta' daqs medju'. Madankollu l-esperjenza urietna li fis-settur tal-manifattura u għal raġunijiet ta' prattiċita huwa kkunsidrat li intrapriża hija ' ta' daqs medju' jekk tkun tħaddem bejn 11 u 250 persuna u 'ta' daqs kbir' jekk timpjega aktar minn 250 ħaddiem.
A bażi ta' dawn il-kriterji, sa l-aħħar ta' Settembru 1999, in-numru ta' intrapriżi tal-manifattura mqassmin skond id-daqs huwa kif ġej
Ta' daqs kbir 16
Ta' daqs medju 378
Ta' daqs żgħir 3686
Jista'l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10996?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ma hemmx problemi ta' provvista ta' ilma fit-triq imsemmija. Il-provvista ta' ilma kienet sospiża tlitt darbiet matul Ottubru kollu minħabba xi xogħolijiet ta' manutenzjoni u żvilupp fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-lokal. Illum il-pressa f'din it-triq hija ta' żewġ bar.
Il-provvista ta' l-ilma f'Ħaż-Żebbuġ tiġi diretta mill-ġibjun tal-Qrendi jew mill-ġibjun ta' Ta' Qali, liema żewġ ġibjuni fihom ilma ta' kwalita' tajba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-IPSE mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi ġie mpjegat ħaddiem wieħed ġdid ma' l-IPSE. Din il-persuna ġiet impjegata fil-kariga ta' Service Manager (Finanzi) wara numru ta' avviżi li dehru fil-ġurnali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tal-IPSE? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi l-ebda ħaddiem ta' l-IPSE ma ġie trasferit. L-uniċi trasferimenti li saru matul dak il-perjodu kienu ta' erba' ħaddiema li rritornaw lura mal-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta wara li għalqilhom il-kuntratt ma' l-IPSE. Jekk fil-futur ikun hemm ħtieġa ta' trasferimenti, dawn isiru skond il-ħtiġijiet ta' l-azjenda.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Freeport mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul il-perjodu msemmi, ġew impjegati 18-il ħaddiem ġdid mal-Malta Freeport. Dawn l-impjegati saru skond il-proċeduri stabbiliti mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u wara diversi talbiet lil din il-Korporazzjoni u anke permezz ta' avviż fil-ġurnali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tal-Malta Freeport? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fl-azjenda msemmija ma sarx trasferiment ta' ħaddiema bejn is-27 ta' April 1999 u l-15 ta' Settembru 1999. Trasferimenti fil-futur, jekk u meta jsiru, ikunu skond il-ħtieġa ta' l-azjenda.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jintbagħtu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma li hemm b'lura biex il-kontijiet jibdew jiġu up to date?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-perjodu li jmiss ser jibdew jintbagħtu fi żmien ġimgħa oħra. Dan ifisser li sa l-aħħar ta' din is-sena jkunu ħarġu l-kontijiet li jkopru l-1998.
Il-kwistjoni kollha dwar kontijiet li qegħdin b'lura qed tkun kunsidrata mill-ġdid mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-proġett li kellha l-Maltacom għat-tneħħija ta' cables tat-telefon minn mal-ħitan tal-Belt Valletta? Kemm kien stmat li se jqum dan il-proġett u kif kien se jiġi ffinanzjat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 10613 fis-Seduta numru 163.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Enemalta għadhiex tipprovdi materjal b'xejn lill-knejjes u faċilitajiet sportivi, u dan skond memo li kienet tgħid: "It is being reminded that floodlighting of churches and sporting facilities are to follow the same policy, i.e. that of material only"?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-policy tal-Korporazzjoni Enemalta fejn jidħol il-floodlighting tal-Knejjes u faċilitajiet sportivi hi illi tipprovdi l-materjal biss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Istatistika mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi ġew impjegati żewġ ħaddiema ġodda fil-grad ta' 'statistician' ma' l-Uffiċċju Ċentrali ta' l-Istatistika. Dawn ġew impjegati wara li saret sejħa għall-applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-MSCL mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn is-27 ta' April 1999 u l-15 ta' Settembru 1999, ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mal-Kumpanija Malta Shipbuilding.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mat-Tarzna mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul il-perjodu msemmi, it-Tarzna ma impjegatx ħaddiema ġodda.