Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4549 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Tarxien - Għassa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinfetaħ regolarment l-għassa tal-Pulizija f'Ħal Tarxien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi, sa fejn hu possibli, l-Għassa ta' Ħal Tarxien tinżamm miftuħa fuq bażi regolari. Iżda, bħal ma għidt fit-tweġiba għal-Mistoqsija preċedenti dwar għassa oħra, dan mhux dejjem possibli għar-raġuni li l-eżiġenzi tas-servizz ġieli jirrikjedu lill-pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f'dawk il-ħinijiet. 03.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #6269 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Towing ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġew towed away mit-toroq matul dawn l-aħħar 12-il xahar, kull xahar separatament? Minn liema lokalitajiet ittieħdu dawn il-vetturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 03.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #6324 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Mobile squad

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-mobile squad tal-pulizija jistgħux jiġu provduti b'aktar bullet proof u fluorescent jackets? Hemm ħsieb li jsir tibdil fis-sigħat tax-xogħol tal-pulizija fil-mobile squad?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għadhom kemm ġew mixtrija numru ta' flourescent belts sabiex kull vettura tal-Mobile Squad tkun fornita b'dawn iċ-ċintorini għall-użu mill-pulizija li jkunu xogħol biha. Dwar il-bullet proof vests, ninsab infurmat illi s'issa t-Taqsima ta' l-S.A.G. biss hija fornita b'dawn il-ġgiget, billi l-membri ta' din it-Taqsima huma speċjalizzati sabiex jaffrontaw każi li jistgħu jinvolvu l-użu ta' armi tan-nar. Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent ma' hemmx ħsieb li jkun hemm tibdil fis-sigħat tax-xogħol tal-Mobile Squad. 03.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #6403 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija/Armata — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-vetturi tal-gvern inklużi dawk tal-pulizija u l-AFM humiex inxurjati? Jekk fin-negattiv, meta jinqala' xi aċċident u jirriżulta li t-tort ikun tas-sewwieq bil-vettura tal-gvern, min iħallas il-ħsarat, id-dipartiment ikkonċernat jew id-driver tal-vettura?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi kollha tal-Gvern ma humiex koperti b'polza ta' assigurazzjoni. Ninsab infurmat ukoll li l-proċedura dwar inċidenti fejn ikunu nvoluti vetturi tal-Gvern, hija regolata bl-Estacode. Skond dawn il-proċeduri vetturi tal-Gvern, inklużi dawk tal-Pulizija, mhux inxurjati għax il-Gvern iħallas mill-fondi pubbliċi għal ħsarat fuq karozzi tiegħu u ta' terzi persuni f'każ ta' ħabtiet involuntarji. Fir-rigward ta' vetturi ta' l-Armata, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 03.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #6546 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bars/restaurants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bars u restaurants f'Malta li għandhom permess li joħorġu mwejjed fuq barra quddiem il-ħwienet tagħhom? F'liema lokal qegħdin? Kemm-il mejda jista' joħroġ kull ħanut? Kemm jitħallas ta' kull mejda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, skond ir-Regolamenti ta' l-1997 li jemendaw ir-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Pulizija, it-tariffa għat-tqegħid ta' mejda b'mhux iżjed minn erba` siġġijiet fuq art pubblika, hija ta' Lm5 fis-sena. 03.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #6595 Sitting 87 1999-05-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Żebbuġ - Triq il-Konti

Question

Jista' l-Ministru jara li fit-triq tal-Konti, Zebbuġ, Għawdex isir parking kif suppost skond il-liġi u dan peress li r-residenti ta' dawk l-inħawi ma jkunux jistgħu joħorġu l-vetturi tagħhom mill-garages peress illi jsir ipparkjar oppost dawn il-garages?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex fit-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma jkunx hemm ksur tar-regolamenti tat-traffiku. 03.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #4338 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għases

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-għases li bħalissa jinsabu magħluqa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Għases tal-Pulizija li fil-preżent jinżammu magħluqa huma dawk ta' l-Għadira u Għar Lapsi f'Malta u dik tar-Ramla ġewwa Għawdex, billi dawn jinfetħu biss fl-istaġun tas-Sajf. L-għassa ta' Marsascala qed tinżamm magħluqa minħabba l-istat ħażin tagħha, iżda l-lokal qed jiġi patroljat kuljum minn uffiċjal tal-pulizija. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #5518 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Skejjel — Tarxien - Skola primarja B

Question

Jista' l-Ministru jara li kull meta jkun hemm skola u fil-ħin tad-dħul u tal-ħruġ tat-tfal ta' l-iskola primarja Tarxien B ikun hemm pulizija ħdejn l-iskola biex jevita periklu għat-tfal? Għaliex mhux qed jintbagħat pulizija kull meta jkun hemm skola?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien u għadu jkun hemm assenjati regolarment żewġ pulizija fejn l-iskola li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6073 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Sports — Faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix inventarju tal-faċilitajiet sportivi li nsibu f'Malta u Għawdex? Jekk iva, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-inventarju mitlub qed jiġi preżentement aġġornat. Meta jitlesta dan il-proċess inkun nista' nqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6286 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Universita' — Parkeġġ - karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħew sitt karozzi abbandunati fil-car park li hu proprjeta' ta' l-Universita' faċċata ta' l-Iskola Medika fi Gwardamangia, peress li dan qiegħed jokkupa spazju prezzjuż f'dan il-car park?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dawn il-vetturi tneħħew. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6322 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Uffiċċju Konġunt — Xiri ta' djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għal xiri ta' djar mill-Uffiċċju Konġunt saru f'dawn l-aħħar snin? Kemm minnhom intlaqgħu u b'hekk inbiegħet il-proprjeta'? Kemm minnhom ma ntlaqgħux, fejn kienet il-lokalita' ta' dawn id-djar u x'kienet ir-raġuni f'kull każ? Kemm għadhom ma ġewx deċiżi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6341 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Art tal-Gvern — Trasferiment ta' commercial entities

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-policy attwali tal-gvern f'dak li għandu x'jaqsam ma' xiri/trasferimenti miċ-ċenswalist ta' commercial entities li nbnew fuq art tal-gvern mogħtija b'enfitewsi temporanja? Huwa maħsub li jsir xi titjib f'din il-policy u f'liema direzzjoni? Kif jitħaddem iċ-ċens ġdid/prezz ta' bejgħ f'każijiet ta' din in-natura fejn iċ-ċenswalist ikun għamel il-benefikati fuq l-istess proprjeta'? Kemm jitlob il-gvern għal tali trasferimenti bħala persentaġġ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li meta ċens ta' proprjeta' tal-gvern li kien mogħti għall-skopijiet kummerċjali jiskadi, l-art bil-benefikati kollha jerġgħu jiġu f'idejn il-gvern. Id-Dipartiment ta' l-Artijiet ikun jista' jikri, jagħti b'ċens jew ibiegħ il-proprjeta' kollha, jew partijiet minnha, skond il-każ, permezz ta' sejħa għall-offerti. Qegħda tiġi studjata l-possibilita' li f'każijiet fejn ex-ċenswalista jitlob li jerġa' jieħu l-pussess tal-proprjeta' li kien igawdi b'ċens, dik il-proprjeta' tkun tista' terġa' tingħata b'ċens ġdid jew tinxtara mill-istess persuna, dejjem wara sejħa għall-offerti. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6342 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji ta' l-armi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri (jekk hux se tingħata xi refund) għal min laħaq ħallas il-liċenzja "to keep" t'arma tan-nar bir-rata ta' Lm19 meta wara niżlet għal Lm7?

Response (BORG, TONIO)

Skond Avviż Legali 59 ta' l-1999, ippublikat fit-23 ta' Marzu 1999, il-ħlas dovut għall-liċenzja ta' żamma ta' arma jew armi tan-nar niżel minn Lm19 għal Lm7 b'effett mill-1 ta' Marzu 1999. Għalhekk mhux il-każ li dawk li ħallsu Lm19 qabel l-1 ta' Marzu 1999, huma ntitolati għal xi rifużżjoni, dan għax l-ammont li tħallas kien dak korrett skond ir-regolamenti viġenti dak iż-żmien. Ninsab infurmat li kull min ħallas il-liċenzja għaż-żamma ta' arma bir-rata ta' Lm19 mill-1 ta' Marzu 1999, ser jingħata refund. Fil-fatt ninsab infurmat li bħalissa għaddej il-proċess sabiex ikunu identifikati dawn il-persuni. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6386 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzja ta' furnara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn furnara bil-liċenzja? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-ismijiet tal-furnara f'Malta u f'Għawdex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi hawn 234 furnara li għandhom liċenzja maħruġa mill-Pulizija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi t-tagħrif mitlub. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6391 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Klandestini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna klandestini f'pajjiżna? Fejn qegħdin? X'inhuma l-etajiet tagħhom u x'qed jagħmel l-Istat biex dawn jerġgħu imorru lura minn pajjiżna? Kemm qed jiġu jiswew lill-gvern dawn in-nies illegali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 124 persuni klandestini li qed jinżammu taħt il-kustodja ta' l-Awtoritajiet tas-sigurta` ġewwa Lyster Barracks u f`Ta'Kandja u li l-eta` tagħhom tvarja bejn it-tmintax u wieħed u ħamsin sena. Rigward il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-tieni u t-tielet partijiet tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3363. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #6562 Sitting 86 1999-05-03 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Zebbuġ - Wied tat-Troll

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-Pulizija ta' Ħaż-Żebbuġ għar-rapporti li kellha dwar tfiegħ ta' liquid manure fil-manholes tad-drenaġġ fil-Wied tat-Troll, Ħaż-Żebbuġ? Jista' l-Ministru jordna sorveljanza stretta sabiex ma tħalliex tfiegħ ta' dan il-materjal minn persuni irresponsabbli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara li l-Pulizija kellha dawn ir-rapporti bdiet tinvestiga, filwaqt li qed issir ronda fuq il-post sabiex ikunu evitati l-abbużi li jista` jkun hemm. 03.05.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #4333 Sitting 85 1999-04-28 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Petizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jara fiex waslet it-talba u l-petizzjoni dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed nibgħathom separatament?

Response (BORG, TONIO)

B'referenza għall-petizzjoni dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu, ninsab infurmat li l-iżvilupp sat-tieni sular (1st floor) hu kopert minn permessi maħruġa skond il-liġi filwaqt li dak tat-tielet sular (2nd floor) mhux kopert minn permess. Ninsab infurmat ukoll li l-applikazzjoni li saret għal l-iżvilupp għat-tielet sular ġiet rifjutata u li llum din hija pendenti quddiem il-Bord ta' l-Appell. L-istess każ kien suġġett għal kawża quddiem il-Qorti, liema kawża ġiet irregolata bil-ħruġ ta' Stop and Enforcement Notice skond l-Att I ta' l-1992 dwar l-Iżvilupp li l-effett tiegħu hu sospiż sakemm l-Appell mir-rifjut ikun għadu pendenti, u dan skond kif regolat mill-istess Att.
Leg 9 PQ #4334 Sitting 85 1999-04-28 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rapporti

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-korp tal-pulizija (fl-għases) tingħata acknowledgement lill-persuna li tagħmel rapport?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat.
Leg 9 PQ #5323 Sitting 85 1999-04-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Neighbourhood watch

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li għandhom neighbourhood watch? Hemm xi kunsilli lokali li għandhom kuntatti mal-pulizija biex iwaqqfu neighbourhood watch? X'għajnuna jagħtu l-pulizija għat-twaqqif u l-progress tan-neighbourhood watch?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-lokalitajiet li għandhom neighbourhood watch huma dawk ta' Ħal Tarxien, tas-Sliema, Santa Venera, ir-Rabat (Tal-Virtu'), il-Mosta (il-Blata l-Għolja) u l-Mellieħa (Santa Maria Estate). Ninsab infurmat ukoll li fost il-Kunsilli Lokali li qegħdin f'kuntatt mall-Pulizija biex iwaqqfu neighbourhood watch fil-lokal tagħhom hemm dawk tal-Gżira, ta' Senglea, ta' Bormla u tal-Kalkara. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi kemm l-Assistenti Kummissarji, kif ukoll is-Supretendenti u l-Ispetturi fid-diversi Distretti tal-Pulizija huma responsabbli sabiex jinkoraġġixxu u jassistu fit-twaqqif u t-tħaddim tan-Neighbourhood Watch. Il-Community and Media Relations Unit (CMRU) fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ukoll għandha l-kompitu li teduka l-pubbliku dwar strateġiji ta' prevenzjoni tal-kriminalita' inkluż it-tħaddim ta' neighbourhood watches.
Leg 9 PQ #5324 Sitting 85 1999-04-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Traffikar ta' persuni bil-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija Maltija hijiex imdaħħla fl-investigazzjonijiet tal-pulizija Taljana dwar traffikar illegali ta' persuni bil-baħar? F'dawn l-aħħar ġimgħat saru żjajjar minn membri tal-korp tal-Pulizija Maltija fi Sqallija dwar dan it-traffikar ta' persuni? Meta tiġi arrestata persuna Maltija mill-pulizija Taljana dwar traffikar illegali ta' persuni, il-pulizija Maltija tiġi nformata u mitluba informazzjoni dwar il-persuna arrestata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija Maltija hija involuta fl-investigazzjonijiet ta' l-awtoritajiet Taljani dwar traffikar illegali ta' persuni bil-baħar, pero' ma sarux żjarat fi Sqallija mill-Pulizija Maltija dwar dan. Kull meta persuna ta' nazzjonalita' Maltija tiġi arrestata mill-awtoritajiet Taljani in konnessjoni ma' traffikar illegali ta' persuni, il-Pulizija Maltija tkun infurmata u din minn naħa tagħha tagħti l-assistenza mitluba.