Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?
Jikkonferma l-Ministru li riċentement saret applikazzjoni mid-Dipartiment tat-Toroq lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar numru PA 6798/98? Jikkonferma l-Ministru li parti mill-proprjeta' għal-liema tirreferi l-applikazzjoni imsemmija hija proprjeta privata? Jikkonferma li s-sidien privati ma ġewx avżati bl-applikazzjoni msemmija? Jikkonferma li l-istess applikazzjoni saret in konnessjoni mal-proġett ta' Manoel Island?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Gvern permezz tad-Dipartiment tat-Toroq ilu għaddej b`xogħolijiet ta` titjieb tat-toroq arterjali mill-Marsa lejn tas-Sliema u Pembroke għal bosta snin billi nbnew il-proġetti ta` Santa Venera, tal-Qroqq u anke saru l-pjanijiet ghaż-żona ta` ħdejn it-tank tal-gass, il-junction ta` Paceville u t-triq bejn is-Swieqi u Pembroke.
Fil-preżent qed isiru l-pjanti għat-triq li minn fejn it-tank tal-gass twassal għal l-istrand biex b`hekk ir-ring road li minn Paceville tasal sa l-istrand tkun tista` tagħqad mat-triq arterjali.
Biex dan il-proġett isir, saru l-applikazzjonijiet neċessarji għand l-Awtorita` tal-Ippjanar u l-pjanti ġew ippubblikati għall-konsultazzjoni pubblika.
Jikkonferma l-Ministru li l-applikazzjoni PA 6798/98 li saret mid-Dipartiment tat-Toroq hemm maħsub fost oħrajn, li tinbena triq elevata (flyover) u li din ukoll se tgħaddi fuq proprjeta' privata? Jikkonferma l-Ministru li tiġi affetwata negattivament fil-valur tagħha l-proprjeta' madwar u taħt it-triq elevata? Jikkonferma illi l-applikazzjoni imsemmija tifforma parti mill-ftehim eżistenti bejn il-Gvern u l-iżviluppaturi ta' Manoel Island?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Onor Interpellant hu mitlub jirreferi għall-informazzjoni li diġa ngħatat b`risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3626.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinħareġ avviż relattiv ta' l-esproprjazzjoni malli d-Dipartiment tat-Toroq jingħata permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-applikazzjoni PA 6798/98?
Jikkonferma l-Ministru li l-avviż għall-esproprjazzjoni se jkopri wkoll dawk il-proprjetajiet li l-valuri tagħhom jiġu effetwati negattivament minħabba l-bini tat-triq kif ipproġettata? Jista' jgħid jekk il-flus għall-esproprjazzjoni se jitħallsu mill-Konsorzju Midi jew il-Gvern jew it-tnejn flimkien?
X'miżuri se jittieħdu jew ittieħdu mill-Gvern biex jassiguraw ħlas malajr ta' debitu kumpens lis-sidien privati? Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sidien privati hux se jiġu kkumpensati sija għall-proprjeta' li fuqha se tgħaddi t-triq elevata sija għall-proprjeta' madwar u taħt l-istess triq elevata?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3626 u 3627. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, kwalunkwe kumpens jitħallas mid-Dipartiment ta` l-Artijiet u għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li se jingħataw tarmac għas-sena 1999 fil-lokalita' ta' Ħal Tarxien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa d-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal pjan għall-kisi ta` toroq madwar Malta, naturalment inkluż Hal Tarxien. Meta dan il-pjan ikun finaliżżat inkun nista nagħti l-informazzjoni meħtiega.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk Triq Raddet ir-Roti, Santa Margerita, Mosta hijiex taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill jew tal-Gvern Ċentrali biex tiġi rranġata?
Billi din it-triq hi forma ta' għalqa u billi fiha hemm għad ta' djar bi trabi, possibbli li jsir xi ħaġa biex din it-triq tiġi rranġata?
Jaħseb il-Ministru li toroq bħal dawn għandhom jingħata priorita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija għadha qatt ma ġiet asfaltata u għalhekk hija responsabilita` tad-Dipartiment tat-Toroq li jagħti l-asfalt lil din it-triq wara li jitlesta` l-izvilupp li qed isir fiha u jkunu tqiegħdu s-servizzi neċessarji ta` taħt l-art b`mod permanenti biex it-triq ma terġax tinqala`.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija id-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal programm ta` prijoritajiet meħtiega sabiex jitwettqu x-xogħolijiet meħtieġa madwar Malta.
Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-dipartiment tat-toroq sabiex jieħdu ħsieb jagħmlu rapport ta' l-istat tat-toroq ġewwa r-raħal tax-Xgħajra billi minn dawn hemm numru li ġew asfaltati u hemm oħrajn li għadhom ma ġewx asfaltati u hemm bżonn li jsiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex issir l-ispezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb mill-gvern li l-private roads bl-isem ta' Santa Rita u F. Geveste f'Birkirkara jingħataw il-kisi ta' tarmac meħtieġ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fi Triq Santa Rita għadu ma jistax isir għax il-`mains` ta` l-ilma għadhom temporanji fil-waqt li Triq Geveste għad jonqos żvilupp xi jsir qabel tkun tista` tiġi asfaltata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol ta' triq ġdida quddiem il-boathouses fil-Qawra peress li fl-istat li tħalliet ma jistax isir użu mill-istess boathouses?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li din it-triq kienet qiegħda ssir bħala parti mill-proġett ta` l-Embellishment ta` Buġibba, iżda l-Planning Authority ħarġet `Enforcement Notice` fuq dan ix-xogħol għaliex ma kienitx qed tinbena skond il-pjanti.
Jista' l-Ministru jikkunsidra serjament l-istat terribbli ta' triq ġdida ma' Triq Nikola Sauri u Triq Bari fis-Siġġiewi; kif jistgħu jixhdu r-ritratti li qed nibgħat under separate cover? Jikkunsidra l-Ministru li din it-triq tingħata prijorita' meta wieħed jikkonsidra li l-ilma tax-xita qiegħed jidħol saħansitra fid-djar tar-residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jagħmel l-ispezzjoni meħtieġa f`din it-triq sabiex jiġi determinat x`livell ta` prijorita` tista` tingħata.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2824, il-post indikat huwa fi Triq Kordin, Raħal Ġdid, kantuniera ma' Kordin Road u Paola Hill, tat-Triq Kordin telgħin lejn l-iskola u Triq Sir Paul Boffa 'il fuq mill-pompa tal-petrol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-lokalitajiet indikati mill-Onor. Interpellant jidher illi aktar għandhom bżonn ta` `railings` milli `crash barriers` u għalhekk id-Dipartiment ser jara li dan ix-xogħol isir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li terġa' ssir ir-rotta Nru. 5 tal-karozzi tal-linja fil-lokalita' ta' Raħal Ġdid?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li peress li minn Raħal Ġdid jgħaddu karozzi tal-linja minn diversi rotot, ma' tinħassx il-ħtieġa li terġa' tkun introdotta mill-ġdid ir-Rotta Nru. 5, li ilha li spiċċat snin ilu minħabba nuqqas ta' patrunaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu wara li l-Ministru ordna li uffiċjali tad-Dipartiment tat-Toroq jispezzjonaw it-triq li minn Burmarrad tieħu għal Wardija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq diġa għamel spezzjoni fuq it-triq imsemmija liema triq jeħtieġilha xogħol estensiv.
Id-Dipartiment ra x`passi jistgħu jittieħdu biex din it-triq issir aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata l-asphalt meħtieġ fi Triq New Street off Triq il-Ħtajriet, Mosta meta r-residenti ilhom jgħixu hemm għal snin twal u żgur hemm min ilu jgħix għal 15-il sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment u dejjem, jekk is-servizzi neċessarji huma diġa' mgħoddija.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq il-Belt Valletta, f'Raħal Ġdid se tiġi rranġata, ġaladarba issa għaddew is-servizzi kollha minn taħt l-imsemmija triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li peress li din it-triq ġarbet ħafna ħsara qed issir kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tat-Toroq, il-Kunsill Lokali u l-'Utilities' biex jingħata wiċċ ġdid.
Is-sejħa għall-offerti diġa' ħarġet u l-offerta li ntefgħet qed tiġi kkunsidrata.