Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11237 Sitting 182 1999-11-16 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Automated meter reading

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħaditx xi deċiżjoni fir-rigward ta' l-Automated Meter Reading?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li deċiżjoni għadha ma ttieħditx.
Leg 9 PQ #11238 Sitting 182 1999-11-16 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tigne' — Reverse Osmosis Plant

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-impjant li ġie żarmat mir-Reverse Osmosis Plant ta' Tigne'?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fl-eżerċizzju ta' l-iżmantellar ta' l-impjant tar-Reverse Osmosis ta' Tigne, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħadet ħsieb li a. il-makkinarju prinċipali bħall-pompi u muturi jintrefgħu b. materjal ieħor u strumenti jiġu utilizzati bħala 'spare parts' impjanti oħra c. il-membranes jiġu ntegrati f'impjanti oħra minflok jinxtraw replacements.
Leg 9 PQ #11157 Sitting 181 1999-11-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għall-Ekonomija — Konsulenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10727, jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti ngaġġati u x'konsulenza qed jagħtu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-ħames konsulenti li bħalissa l-Ministeru qed jagħmel użu mis-servizzi tagħhom huma Dottor Michael Tanti Dougall u s-sinjuri Joe Galea Musu, Adrian Muscat Inglott, Mario Farrugia u Nazzareno Camilleri. Dawn il-ħames persuni qed jagħtu konsulenza dwar diversi materji relatati man-natura ta' l-operat tad-diversi dipartimenti, korporazzjonijiet u azjendi li jiffurmaw id-dekasteru tiegħi.
Leg 9 PQ #11171 Sitting 181 1999-11-16 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Servizz ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11046?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li s-servizz ta' l-elettriku li għalih qed issir riferenza għandu jingħata flimkien ma' servizzi oħra li jinvolvu twaħħil ta' arbli.
Leg 9 PQ #11196 Sitting 181 1999-11-16 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żabbar — Triq San Ġużepp - Dawl

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10905, jista' l-Ministru jgħid kif l-istess mistoqsija tiegħi, il-bozza in kwestjoni mhux maħruqa iżda hemm ħsara fiha u hu għalhekk li għadha s'issa ma tixgħelx minkejja li dan ilu jiġi rrapportat u spjegat lill-Enemalta għal aktar minn għaxar ġimgħat? Possibbli l-Enemalta terġa' tinvestiga dan l-ilment għax l-informazzjoni mogħtija lill-Ministru hi żbaljata? Jekk l-Enemalta trid, tista' tagħmel kunratt miegħi biex nuriha jien stess fejn hi din il-bozza?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qed terġa tistħarreġ dan l-ilment.
Leg 9 PQ #9876 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

UE — Prezz ta' frott

Question

Peress li ssemma kemm-il darba f'rivisti lokali li l-prezz ta' kilo tuffieħ u larinġ f'pajjiżi ta' l-UE huma ferm ogħla minn dawk f'Malta, jista'l-Ministru jgħid jekk fil-fatt il-prezz ta' dawn il-prodotti jkunux suġġett għall-għoli ta' prezz bi sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Jista' l-Ministru jgħid x'impatt ikollu dan fuq il-familji u ċittadini ta' dħul żgħir bħal pensjonanti, eċċ.?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-prezz al-frott mhux biss ivarja skond l-istagun izda jvarja ukoll skond il-kwalita tal-prodott. Mhux it-tuffieh u l-laring kollu l-istess. Differenza apparenti fil-prez ta' kilo frott tista' tkun priniċipalment ir-riżultat ta' differenza fil-kwalita tal-frott. Għalhekk wieħed irid joqgħod attent ħafna fil-paragun li jkun qiegħed jipprova jagħmel. Barra minn hekk, il-prezz ta' kilo tuffieħ jew ta' kilo larinġ għall-konsumatur ivarja ħafna minn belt għall-oħra, anki fl-istess Unjoni Ewropea (ngħidu aħna bejn Catania u Stokkolma). Fil-verita, diffiċli ħafna biex wieħed jitkellme dwar prezz tipiku għall-larinġ u għat-tuffieħ, fl-Unjoni Ewropea. Għal dawn ir-raġunijeit, diffiċli ukoll li wieħed ibassar konklussivament il-prezz tal-larinġ u tat-tuffieħ f'Malta, minn hawn u tlieta jew erba' snin oħra, fil-każ ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #9877 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

UE

Question

Peress li ntqal li l-prezz attwali tal-butir jgħola bi sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi stħarriġ sar mid-dipartimenti konċernati dwar dan il-fatt? Jista' l-Ministru jgħid kif dan se jaffetwa l-familji u ċittadini bi dħul żgħir fil-gżejjer tagħna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Bħalissa wieħed diġa jista' jsib għall-bejgħ f'Malta kwantitajit kbar ta' butir manifatturat fl-Unjoni Ewropea, prinċipalment impurtat mill-Irlanda. Għalhekk, is-sħubija eventwali ta' Malta fl-Unjoni Ewropea mhux maħsub li ser iġġib xi bidla drastika fl-importazzjoni ta' dan il-prodott. Fl-istess waqt wieħed irid isemmi ukoll li, mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, għandhom jitneħħew il-levies preżenti fuq il-margarine, li għandhom iwasslu għal roħs fil-prezz ta' din il-familja ta' prodotti. Globalment, għalhekk, mhux mistenni li jkun hemm xi varjazzjoni partikolari fl-ispiża għall-konsumatur.
Leg 9 PQ #9878 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

UE — Zokkor

Question

Peress li rriżulta f'diversi stqarrijiet u diskorsi, eċċ li z-zokkor importat f'pajjiżna jkollu jgħola bi sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jista'l-Ministru jinforma lill-Kamra xi stħarriġ għamel d-dipartiment sabiex ikun stabilit dan il-fatt? Jista'l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istħarriġ? Jista' jgħid kemm tkun il-levy fuq zokkor importata barra mill-Unjoni Ewropea jekk u meta nsiru membri?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-pożizzjoni preżenti, iżda diffiċli li wieħed ibassar x'ser jiġri minn hawn uftit snin oħra. Dan għaliex bħalissa wieħed jista' jara moviment qawwi fi ħdan il-World Trade Organisation) sabiex il-proċess ta' liberallizzazzjoni jiġi estiż ukoll għas-settur agrikolu. Hemm ħafna li qed ibassru bidliet, anki radikali, f'dan il-qasam li jistgħu iwasslu, fi żmien qasir, għal tnaqqis sostanzjali fit-tariffi imposti mill-Unjoni Ewropea għall-importazzjoni ta' zokkor minn pajiiżi oħra.
Leg 9 PQ #9887 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

FOI — Rapport

Question

Peress li riċentement intqal f'ġurnal lokali bl-Ingliż li r-rapport ta' l-FOI li kien sar fl-1989 minn awturi li llum għandhom pożizzjoni ewlenija fl-MIA, BOV u NTOM għadu valudu u cioe' li se jkun hemm żieda fil-prezzijiet tal-konsumatur u li tintilef il-kompetittivita' ta' l-industrija lokali, inkluż tal-biedja lokali, jista' l-Ministru jgħid fejn kienu żbaljati l-kalkoli ppubblikati fil-pubblikazzjoni ta' l-FOI "Malta at the cross roads" ta' dawk l-awturi peress li l-gvern qed jgħid il-kuntrarju ta' dan?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-pubblikazzjoni 'THe EC: Malta at the Crossroads', ikkordinata mill-MISCO f'isem il-Federazzjoni tal-Industrija u ppubblikata f'Settembru 1998. Kontra dak li timplika l-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, il-pubblikazzjoni fuq imsemmija tipprevedi prezzijiet orħos għall-konsumatur Malti fil-każ ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea. F'paġna 54, paragrafu 1.2.2 insibu speċifikament: 'Prices in the MAlta market will be pushed downwards as a result of increased competition both due to a wider range of products all competing for a share of a fixed consumer income, and secondly because the reduced import duties as well as EC regulations on competition will erode any existing pricing arrangements adopted by local manufacturers.' Il-Pubblikazzjoni tistenna li l-proċess ta' liberalizzazzjoni (prinċipalment it-tneħħija tal-levies) jista' jġib miegħu xi problemi għal ċerti oqsma tal-manifattura li jeħtiġilhom jilħqu livell iktar għoli ta' effiċjenza jew jiddiversifikaw il-produzzjoni tagħhom. Minn naħa l-oħra, l-istess pubblikazzjoni, titkellem dwar il-prospetti ġodda għall-industrija Maltija li għandhom jirriżultaw minn aċċess sħiħ għas-suq tal-Unjoni Ewropea. Fuq kollox, il-pubblikazzjoni tisħaq fuq il-periklu serju għall-industrija tal-manifattura f'Malta kieku pajjiżna kellu jibqa barra mill-Unjoni Ewropea. Skond l-istess pubblikazzjoni, id-diskors dwar l-agrikoltura huwa wieħed iktar kompless. Iżda naki f'dan il-qasam, il-konklużjoni tal-MISCO kienet li, filwaqt li 's-sħubija fl-Unjoni Ewropea ser iġġib magħha l-bżonn ta' ristrutturazzjoni fis-settur agrikolu, dan ser jimplika ukoll opportunitajiet kbar għall-iżvilupp, fil-futur, ta' dan is-settur. Fl-aħħar ta' min jiftakar li, meta ħarġet il-pubblikazzjoni li għamel riferenza għaliha L-Onorevoli Interpellant; jiġifieri fl-1988, bosta pajjiżi (bħal Ungerija, Polonja, Repubblika Ċeka/Slovakkja, Latvia, Estonia, Litwanja, Bulgarija, Rumania u Slovenia) kienu għadhom wara 'il-purtiera tal-ħadid'. Illum dal-pajjiżi kollha qed iħabbtu il-bieb sabiex jidħlu fl-Unjoni Ewropea għaliex jaraw f'dan il-pass l-ikbar garanzija għal ġejjieni tagħhom.
Leg 9 PQ #11115 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Zabbar — Triq Ħas-Sajjied - Dawl

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8877, jista'l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-Enemalta terġa' tikkonsidra l-każ fuq il-meritu tiegħu minħabba li l-familja imsemmija hi familja anzjana, b'raġel anzjan li huwa bed ridden, li tgħix fi triq diżabitata u fejn hemm dlam ċappa madwar id-dar tagħha li tinsab imdawwra bir-raba'? Għaldaqstant tista' l-Enemalta, fuq bażi umanitarji, terġa' tikkunsidra li twaħħal bozza ħdejn din id-dar fejn diġa' jeżisti arblu tad-dawl? L-isem u l-indirizz tal-familja qed jintbagħtu separatament.

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-talba magħmula mill-Onorevoli Interpellant ġiet mistħarrġa u b'riżultat ta' dan ser jittieħdu l-passi meħtieġa biex is-servizz ta' dawl fl-inħawi tar-residenza li għaliha qed issir riferenza titjieb.
Leg 9 PQ #11116 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Wied il-Għajn — Qtugħ fis-servizz ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Ministru issa jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10323?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-triq imsemmija hija twila mhux ħażin u tieħu l-kurrent elettriku minn idversi substations. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel u fit-tieni parti tal-Mistoqsija. Ta' min jinnota li l-interruzzjonijiet kienu kkawżati f'parti mis-sistema ta' vultaġġ għoli u f'parti mis-sistema ta' vultaġġ baxx u fiż-żewġ każi minħabba ħsarat jew tifi pprogramamt. Tajjeb jingħad ukoll li mhux il-konsumaturi kollha ta' din it-triq inqatgħalhom il-kurrent elettriku f'kull okkażjoni. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ta' min jgħid li fil-każ ta' sistema ta' vultaġġ għoli, huwa ppjanat li parti mill-linji jitpoġġew taħt l-art u b'hekk tiżdied is-sigurta tas-sistema. Fil-każ tas-sistema ta' vultaġġ baxx, diġa tpoġġew erba fenders biex tingħeleb il-problema ta' overloading.
Leg 9 PQ #11134 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Karta ta' imbarkazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li reġgħet inbidlet id-deċiżjoni li l-embarcation card għal dawk li jsiefru timtela' darba waħda, meta ftit tax-xhur ilu l-gvern kien esprima l-fehma li l-mili ta' l-embarcation card għandu jiġi eliminat totalment? Minn meta se tibda tiġi mplimentata din id-deċiżjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #11140 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Birkirkara — Mitħna - Reflectors

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-Mitħna li hemm bejn Naxxar Road u Ganu Street f'Birkirkara tiġi mixgħula bi dwal apposta (reflectors)?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-mitħna li hemm bejn Triq in-Naxxar u Triq Ganu diġa għandha tlitt rifletturi. L-Enemalta tista' tipprovdi l-materjal neċessarju ladarba ssir talba formali li fiha jingħataw id-dettalji kollha.
Leg 9 PQ #11149 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel — Automatic Ticketing

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 10814?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-offerti li l-Kumpanija Gozo Channel irċeviet dwar l-'automatic ticketing system' fil-preżent qed jiġu analizzati minn kumitat imwaqqaf apposta. Dan il-kumitat huwa magħmul minn membri ta' l-istess Kumpanija. Huwa ttamat li ta' l-anqas parti minn din is-sistema tiġi nstallata matul is-sena 2000.
Leg 9 PQ #11167 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

WSC — Qlugħ ta' meters

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-talbiet għal qlugħ ta' meters ta' l-ilma li saret mill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separtament mill-proprjetajiet tiegħu fis-Siġġiewi li għandhom riferenza RCM 198/98, RCM 199/98 u RCM 210/98 li saru kważi sentejn ilu u għadhom ma ġewx imwettqa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #11170 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Toroq — Dawl fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bozoz li hemm fit-triq li tagħti mix-Xemxija għall-Mellieħa jinxtelgħu peress li din it-triq hi perikoluża ħafna matul il-lejl?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni fit-triq li mix-Xemxija tagħti għall-Mellieħa saret fid-9 ta' Novembru 1999.
Leg 9 PQ #11226 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA — Dollies elettriċi

Question

Jista'l-Ministru jara għalfejn, minkejja x-xiri ta' "dollies" elettriċi, fl-MIA xorta qegħdin jidħlu dawk tad-diesel fil-mina fejn jinġarru l-bagalji?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li filwaqt li sa ftit ilu f'din il-mina kienu jintużaw tractors li jaħdmu bid-diesel biss, l-MIA insistiet ma' l-Air Malta biex dawn it-tip ta' tractors jinbidlu ma' oħrajn li jaħdmu bl-elettriku. L-Air Malta bdiet taħdem fuq programm biex isir it-titjib mitlub. Illum il-biċċa l-kbira tax-xogħol isir bi tractors li jaħdmu bl-elettriku. Madankollu minħabba l-fatt li dawn it-tip ta' tractors għadhom ma waslux kollha, ikun hemm okkażjonijiet fejn it-tractors li jaħdmu bid-diesel ikollhom jintużaw biex l-Air Malta tlaħħaq mad-domanda tax-xogħol u biex l-ajruplani ma jitilqux tard. Jiena nfurmat ukoll li bħalissa qed jintużaw erba' tractors li jaħdmu bl-elettriku, tnejn oħra waslu l-ġimgħa l-oħra u tlieta oħra mistennija jaslu dalwaqt.
Leg 9 PQ #11256 Sitting 180 1999-11-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bormla — Triq R. Taylor - Telephone box

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11100?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ser tiġi diskussa bejn il-Maltacom u l-Kunsill Lokali ta' Bormla u jekk jinstab li hemm il-ħtieġa, din titwaħħal fejn mitlub.
Leg 9 PQ #9781 Sitting 179 1999-11-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Furnara — Pitrolju - Sussidju

Question

Jista'l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa s-sussidju fuq kull litru pitrolju li jużaw il-furnara? Meta se jitneħħa dan is-sussidju u kemm huwa kkalkolat li se tgħola l-ħobża minħabba dawn il-miżuri li l-Gvern Malti se jieħu sabiex jakkomoda l-interessi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-pitrolju li jużaw il-furnara ma fih ebda sussidju. Ta` min jgħid li s-sussidju fuq il-pitrolju wżat mill-furnara kien ta` 7c5 kull litru. Dan is-sussidju kien ingħata peress li bejn Novembru 1997 u Diċembru 1998 il-prezz tal-pitrolju kien żdied minn 10c għal 17c5 kull litru. B`seħħ minn Jannar 1999, il-prezz roħos għal 12c5 u s-sussidju ma baqax jingħata. Peress li m`hemmx sussidju x`jitneħħa, it-tieni parti tal-Mistoqsija hija superflua.
Leg 9 PQ #11071 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bank ewlieni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jirrikonċilja l-indikaturi ekonomiċi li l-gvern jiftaħar bihom mad-dikjarazzjoni ta' bank ewlieni lokali li kien qed jirdoppja il-provision tiegħu ta' bad/doubtful debts minħabba fis-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż?

Response (BONNICI, JOSEF)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jaqbel li provisions għal `bad or doubtful debts` isiru wkoll minħabba deċiżjonijiet ħżiena li jkunu ttieħdu fil-passat.