Għawdex – main tal-ilma ġdid minn Ħondoq ir-Rummien sa Ta’ Ċens fis-Sannat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid mil-liema toroq f’Għawdex ġie mgħoddi l-main tal-ilma ġdid li beda minn Ħondoq ir-Rummien fil-Qala u twassal sal-Ġibjun, Ta’ Ċenċ fis-Sannat? Jista’ jgħid kemm hu l-valur totali tat-tender li ngħata għal dan il-proġett? Jista’ jgħid għaliex ix-xogħol fuq numru ta’ toroq huwa wieqaf?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor, Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Nadur (Għawdex) – Wied ta’ San Blas – xogħlijiet fuq ħajt
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15800, fejn il-Ministru naqas li jwieġeb għal parti sostanzjali minnha, peress li fil-mistoqsija parlamentari 1963 kien wieġeb li ‘tajt struzzjonijiet biex isiru xogħlijiet meħtieġa’, jista’ l-Ministru jgħid xi sturzzjonjiet kien ta u lil min kien tahom biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa fuq il-ħajt li jagħti fuq il-Wied ta’ San Blas fi Triq it-Torri Sopu fin-Nadur u dan peress li parti sostanzjali minn dan il-ħajt fl-aħħar ġimgħat ċediet? Jista’ jelenka x-xogħlijiet li saru fuq dan il-ħajt fl-aħħar sentejn u ċjoè minn meta saret il-mistoqsija parlamentari 1963 sa meta ċeda l-ħajt u kemm swew dawn ix-xogħlijiet? Minn min saru? Jista’ jikkonferma li la darba ma weġibx dawn il-mistoqsijiet li saru permezz tal-mistoqsija parlamentari 15800, dan ifiser li fl-aħħar sentejn ma sar l-ebda xogħol fuq dan il-ħajt sakemm ċeda u dan minkejja li hu kien informa lill-Parlament li kien ‘ta struzzjonijiet biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa’?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li s-sejħa għax-xogħlijiet għalqet u qiegħda fil-proċess tal-aġġudikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu biljetti mill-Gozo Channel minn Jannar 2014 sa April 2015? Jista' jagħti din l-informazzjoni xahar b'xahar u taħt il-kategoriji differenti tal-biljett jiġifieri:
(a) passiġġieri residenti f'Għawdex;
(b) passiġġieri residenti f'Għawdex bla vettura;
(c) passiġġieri residenti Malta bil-vettura;
(d) passiġġieri residenti Malta bla vettura;
(e) passiġġieri barranin bil-vettura; u
(f) passiġġieri barranin bla vettura?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadux bil-ħsieb li jkun hemm fast service bil-baħar bejn Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'sar s'issa fuq dan il-proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ta’ Għawdex għadu bil-ħsieb li jkun hemm fast ferry service u li aktar dettalji se jingħataw fil-futur qrib.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fuq Triq Borg Għarib f'Għajnsielem u dan peress li din it-triq ilha aktar minn tliet xhur li tqaxxret u tħalliet fi stat ħażin ħafna? Jaf li dan qed jikkawża problemi kbar lir-residenti ta' din it-triq u periklu lil min qed jużaha? Jista' jgħid min ħa d-deċiżjoni li din it-triq tinfetaħ għat-traffiku meta mhix lesta, anzi bħalissa hi bla wiċċ peress li l-wiċċ li kien hemm tneħħa?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi għall-mistoqsija parlamentari 16129 u nitlob lill-Interpellant biex jitlob dan it-tali detall ta’ informazzjoni lill-Ministeru kkonċernat li ħareġ it-tender relattiv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-vjaġġ bir-ritorn sar mill-Gozo Channel bejn l-Imġarr u Sa Maison, xahar b'xahar minn Jannar 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-programmi, l-iskemi, il-proġetti u xogħlijiet oħra li l-Ministeru tiegħu hu ppjanat li jwettaq f'Għawdex fl-2015, l-2016 u l-2017
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programmi, skemi, proġetti u xogħlijiet għas-sena 2015 jidhru fl-estimi tas-sena 2015. F’dan iż-żmien tas-sena dan il-Ministeru jkun qed iħejji l-programmi, skemi, proġetti u xogħlijiet għas-sena ta’ wara, li jkunu mħabbra fl-estimi ta’ dik is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-impjegati, inkluż dawk li ngħataw pożizzjoni f’daw l-aħħar xhur, li hemm fil-preżent jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Kultura f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14836, jista' l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li l-persuni fuq audit committee tal-Gozo Channel Co Ltd ikunu persons of trust fil-Ministeru tiegħu meta suppost tali audit committee għandu jkun indipendenti b’mod assolut? Ma jidhirlux li jekk vera jrid trasparenza u good governance tali audit committee għandu jkun tassew indipendenti minnu?
Response (REFALO, ANTON)
Il-persons of trust imsemija mill-Onor. Interpellant huma Indipendenti mill-management tal-Kumpanija u għalhekk qegħdin f’qada tajba li josservaw l-operat tagħha. L-Audit Committee ta kontribut siewi biex f’perijodu qasir il-kumpanija bdiet tirreġistra qlieħ flok telf li kienet tagħmel qabel.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14836, jista’ l-Ministru jispjega x’inhu l-irwol tal-OPM Customer Care Assistant meta l-Ministeru għall-Għawdex ma jaqax taħt Ministeru ieħor?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol ta’ Customer Care Assistant huwa ta’ Liaison bejn il-Ministeru għal Għawdex u il-Customer Care Unit ta’ l-OPM.
Ministeru għal Għawdex — ingaġġ ta' impjegati mill-Air Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta? Jekk iva, jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' dawn il-persuni u fejn qed jaħdmu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar 2015 sas-6 ta' Mejja 2015, ma ġewx impjegati persuni li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol, imnedija mill-Air Malta fis-Segretarjat tal-Ministeru għal Għawdex, id-Dipartimenti u l-entità pubblika li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu.
In-Nadur — Triq it-Torru Sopu - bini ta' ħajt ta' lqugħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol biex jinbena l-ħajt ta’ lqugħ ta’ Triq it-Torri Sopu fin-Nadur liema ħajt ċeda ftit tal-ġimgħat ilu? X’sar mill-Ministeru biex jitneħħa l-periklu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nħarġet is-sejħa għall-offerti għall-bini mill-ġdid tal-ħajt. Is-sejħa għall-offerti mistennija tagħlaq nhar id-19 ta Mejju. Fil-frattemp inbena ħajt ta’ lqugħ temporanju biex jitneħħa l-periklu.
Ministeru għal Għawdex – servizz ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jużawx is-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li jsiru? Jista’ jgħid kemm-il darba ntużaw dawn is-servizzi tal-interpreti f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru jew mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu fis-snin 2013 u 2014 rispettivament? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-attivitajiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin 2013 u 2014 il-Ministeru għal Għawdex, id-dipartimenti u l-entità li jaqgħu taħtu, ma għamlux użu mis-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ. Tali servizzi jingħataw meta jkun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema fis-settur privat f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-2013 ’l hawn separatament f'dawk li jaħdmu għal rashom u impjegati, kif ġej:
(a) agrikoltura; u
(b) sajd?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għawdex — Ġbir tal-Ilma tax-xita għall-użu agrikolu
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'sar u kemm intefqu flus kull sena mill-2013 sal-lum separatament għat-titjib tas-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita għall-użu fl-agrikoltura f'Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15261, ninforma lill-Onor. Interpellant, li fiż-żmien stipulat fil-mistoqsija, saru xogħlijiet ta’ tindif ta’ widien, tiswijiet ta’ġibjuni u xogħlijiet oħra relatati magħhom. Il-flus li ntefqu fl-2013, fl-2014 u matul l-2015 sal-lum, huma €101,268.03, €256,303.43 u €18,900 rispettivament.
Directorate for Projects and Development u Construction and Maintenance Unit – Użu ta’ Concrete mesh u rods
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intużaw concrete mesh u rods mill-Construction and Maintenance Unit u mid-Directorate for Projects and Development mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data ta’ meta ġiet intavolata din il-mistoqsija parlamentari? Fuq liema proġetti intużaw u kemm intuża fuq kull proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li ċerti dokumenti ġew elevati mill-Pulizija mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba.
Directorate for Projects and Development u Construction and Maintenance Unit – Użu ta’ Concrete
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il jarda concrete intuża mill-Construction and Maintenance Unit u mid-Directorate for Projects and Development mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data ta’ meta ġiet intavolata din il-mistoqsija parlamentari? Fuq liema proġetti intużaw u kemm intuża fuq kull proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li ċerti dokumenti ġew elevati mill-Pulizija mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba.
Directorate for Projects and Development u Construction and Maintenance Unit – użu ta’ bricks
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intużaw bricks mill-Construction and Maintenance Unit u mid-Directorate for Projects and Development mill-10 ta’ Marzu 2013 sad-data ta’ meta ġiet intavolata din il-mistoqsija parlamentari? Fuq liema proġetti intużaw u kemm intuża fuq kull proġett?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li ċerti dokumenti ġew elevati mill-Pulizija mhux possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba.
ERDF 344 — Renewable Energy Facilities in Public Building in Gozo - proġetti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea ERDF 344 – Renewable Energy Facilities in Public Buildings in Gozo? Fiex jikkonsisti dan il-proġett? Lil min ingħata l-kuntratt? Kemm kien hemm offerenti għal dan il-proġett u kif saret l-għażla? Kemm hu l-ammont li se jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea u kemm hu l-ammont li se jiġi mħallas minn fondi nazzjonali? Il-parti li se titħallas mill-fondi nazzjonali, minn liema vot tal-Ministeru se tittieħed?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-proġett jikkonsisti fl-istallazzjoni ta’ panelli fotovoltajċi f’numru ta’ binjiet pubbliċi madwar Għawdex. Ix-xogħlijiet huma f’stadju avvanzat u l-panelli twaħħlu fuq il-maġġoranza tal-binjiet. Il-proġett jiswa €1,080,088.50 fejn €274,599 se jiġi konfinanzjat mill-Unjoni Ewropea filwaqt li €805,489.50 se jiġu mħallsa minn fondi nazzjonali. Dan tal-aħħar se jittieħed minn Vot Kapitali VIII, line item 7901 A02.
Il-kuntratt ġie mirbuħ minn ECOMERI JV wara sejħa pubblika. In-numru ta’ offerenti għal dan il-kuntratt kien ħamsa.