Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li talbu għal estradizzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew estraditi persuni minn Malta s-sena l-oħra u din is-sena? Kemm-il talba ta' estradizzjoni saret, minn min u kemm ġew rifjutati?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3722. Ninsab infurmat illi ma kienx hemm bdil mindu ngħatat din it-Tweġiba u li l-estradizzjoni indikati fl-2003 kienet lejn l-Italja.

Pulizija — Armi mingħajr liċenzja

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ikkonfiskati armi bla liċenzja mingħand individwi f'Għawdex fis-snin 2003 u 2004 u kemm minnhom ġew irritornati lura lis-sidien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2003, il-Pulizija qabdet 12-il arma tan-nar in konnessjoni ma' xi ksur ta' liġi f'Għawdex. Dawn kollha ġew esebiti l-Qorti fi proċeduri kriminali li ttieħdu kontra l-persuni rispettivi, li f'għaxar każi minnhom il-Qorti ordnat konfiska, f'każ ieħor ġie illiberat u l-ieħor għadu mhux deċiż. Infurmat ukoll illi matul din is-sena, ġew maqbuda 12-il arma tan-nar oħra. Arma minnhom ġiet esebita u l-Qorti ordnat il-konfiska, filwaqt illi l-11-il arma l-oħra għad iridu jiġu esebiti quddiem il-Qorti.

Postijiet tal-Gvern — Problema ta' l-Umdita'

Question

B'referenza għall-ittra tal-perit tad-9 ta' Diċembru 2003, dwar il-fond li d-dettalji dwarhu qed jintbagħtu separatament, jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li problema ta' l-umdita' tiġi eliminata għal kollox, għalkemm saru xi xogħlijiet fil-fond imsemmi hemm indikazzjonijiet li minkejja dan ix-xogħol il-problema għadha ma gietx melgħuba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern irreferiet it-talba li saritilha dwar ħsara minn umdita' fil-post li qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment għall-Bini u Tiswija ta' Djar li huwa responsabbli minn din il-materja.

Wied il-Għajn — Bejgħ ta' xorb alkoħoliku lil żgħażagħ taħt l-eta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-pulizija dwar ħwienet fejn jinbiegħ u jiġi kkunsmat ix-xorb alkoħoliku f'Wied il-Għajn li qed iżommu discos u jippermettu tfal taħt l-eta' jidħlu u jibqgħu hemm għal ħinijiet twal speċjalment fil-weekends u saħansitra jien informat li xi wħud minn dawn l-istabbilimenti lanqas liċenzji ordinarji għan-negozju m'għandhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet f'dawn il-postijiet u fejn jirriżulta li jkun hemm ksur ta' liġi jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti.

Pulizija — Talba biex persuna ta' nazzjonalita' barranija tidħol Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet it-talba li qiegħda ssir mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, sabiex titħalla tidħol Malta fuq viżita familjari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm xi talba pendenti għal permess (visa) sabiex tidħol Malta mill-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.

Pulizija — Rapporti dwar inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti tat-traffiku rappurtati lill-pulizija matul l-ewwel xhur ta' din is-sena f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' inċidenti tat-traffiku rappurtati lill-Pulizija matul dawn l-aħħar 5 snin huwa kif ġej: - Sena Malta Għawdex 1999 10,880 581 2000 12,037 617 2001 12,760 587 2002 13,381 678 2003 13,304 678 Infurmat ukoll illi n-numru ta' inċidenti tat-traffiku irrappurtati lill-Pulizija għax-xhur ta' Jannar u Frar 2004 huwa ta' 2,138 f'Malta u 80 f'Għawdex. Minn Marzu il-każijiet sempliċi bdew jiġu irrapurtati lill-kunsilli lokali u għalhekk il-Pulizija qegħda iżżomm rapporti ta' inċidenti tat-traffiku bil-feruti u dawk li jinvolvu karozzi jew proprjeta' tal-Gvern. In-numru ta' inċidenti tat-traffiku rappurtati bejn l-1 ta' Marzu u l-31 ta' Mejju kienu ta' 1,105 f'Malta u 43 f'Għawdex.

Pulizija — Rapporti dwar każi ta' serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serq rappurtati lill-pulizija matul l-ewwel ħames xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jagħti breakdown tas-serq rappurtati? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar każijiet ta' serq irrapurtati lill-Pulizija f'Malta u f'Għawdex hu kif ġej: - Sena Malta Għawdex 1999 8,913 258 2000 10,196 247 2001 9,572 237 2002 10,149 329 2003 10,652 272 *2004 4,164 91 *Sa Mejju.

Pulizija — Każ ta' frodi

Question

B'riferenza għal deċiżjoni mogħtija mill-maġistrat Consuelo Scerri Herrera tat-2 ta' April 2004 fuq iċ-challenge lill-kummissarju tal-pulizija li sar mill-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, fuq allegat każ ta' frodi pprattikat mill-persuna li d-detttalji dwarha qed jintbagħtu wkoll separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex għaddew aktar minn xahar u l-proċeduri kriminali għadhom ma nbdewx?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċeduri msemmija mill-Onorevoli Interpellant għad m'humiex konklużi.

San Ġiljan — Artijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5908, jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra pjanta li tindika liema hi l-art li hi tal-gvern u liema art li rrifera għaliha li hemm kawża pendenti fuqha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art mhix żviluppata li hija tal-Gvern fix-Xatt ta' Spinola hija dik murija bil-bordura ħamra fuq il-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-art li fuqha għad hemm kawża pendenti hija dik murija bil-bordura blu.

Għawdex — Każi ta' omiċidji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru omiċidji f'Għawdex sena b'sena f'dawn l-aħħar 50 sena? Kemm minn dawn ġew solvuti u kemm minn dawn għadhom pendenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħamsin sena kien hemm 14-il każ ta' omiċidju ġewwa Għawdex, kif ukoll każ ieħor ta' mewt, suspettuża. Dwar 11 minn dawn il-każi ġew imressqa persuni quddiem il-Qorti.

Isla — Triq l-Akwati - Rapporti dwar abbuż mid-droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex issir sorveljanza mill-pulizija fl-akwati ta' Triq l-Arkati, Isla peress li wasluli diversi rapporti li f'dawk l-inħawi qiegħed isir abbuż mid-droga kontinwament minn ċerti persuni, liema sitwazzjoni hija perikoluża għar-residenti li joqogħdu fl-inħawi b'mod partikolari għat-tfal peress li skond rapporti li wasluli, f'dawn l-inħawi qed jitħallew siringi wżati minn dawk li jabbużaw mid-droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll dawk ta' l-Iskwadra ta' kontra d-Droga, jagħmlu ronda regolarment kemm fil-lokalita' msemmija mill-Onorevoli Interpellant kif ukoll fit-toroq l-oħra.

Uffiċċju Konġunt — Kuntratt ta' post

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ta' l-inkwilina ta' post ta' l-uffiċċju konġunt li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, wara li għamlet il-konvenju aktar minn tliet snin ilu?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li permezz ta' ittra datata 7 ta' Lulju 1997 l-inkwilin ġie infurmat bil-prezz tal-bejgħ tal-fond mikri lilu u fl-istess ittra ntalab jersaq biex jiġi ppublikat l-att ta' trasferiment. Minkejja żewġ ittri oħra datati 2 ta' Diċembru 1998 u 20 ta' Ottubru 2000 rispettivament, fejn l-applikant ingħata sas-6 ta' Novembru 2000 biex jersaq għal kuntratt, dan baqa sa llum ma weġibx. Għalhekk l-applikant għandu jikkomunika mad-Dipartiment.

Dipartiment ta' l-artijiet — Kumpens għall-fond li ttieħed għal skop pubbliku

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 4811, jista' il-Viċi Prim Ministrru jgħid x'qiegħed isir mill-Bord ta' l-Arbitraġġ dwar artijiet biex jagħti s-sentenza, peress li l-kawża ilha pendenti mill-1985?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-rikors li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jinsab differit għas-sentenza għas-seduta tat-22 ta' Novembru 2004. Mhux kompitu tieghi li ngħid x'qiegħed isir mill-Bord ta' l-Arbitraġġ għaliex l-andament tal-kawża in kwistjoni huwa regolat mill-Ġudikant li jippressjedi l-Bord ta' l-Arbitraġġ.

Qrati — Kawżi tas-separazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn kawżi tas-separazzjoni llum quddiem il-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sal-14 ta' Mejju 2004 kien hemm 802 kawża pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u l-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) li minnhom 267 huma fl-istadju tal-medjazzjoni.

Dipartiment ta' l-artijiet — Art li tittieħed mill-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-possibbilta' li proprjetarju ta' biċċa art li ttieħdet mill-gvern bħala pussess u użu, jerġa' jingħata lura din il-proprjeta' anke jekk jintalab iħallas l-ispejjeż tal-bini?

Response (BORG, TONIO)

Ma hemm ebda diffikulta li proprjeta` li tittieħed mill-gvern taħt it-titolu ta' pussess u użu, tingħata lura lis-sidien jew l-eredi tagħhom dejjem jekk il-gvern ma għamilx użu minnha.

Fort Chambray — Żviluppaturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu l-gvern fil-konfront ta' l-iżviluppaturi ta' Fort Chambray li kisru l-kondizzjonijiet tal-kuntratt li bih ingħataw il-proprjeta'?

Response (BORG, TONIO)

L-Onorevoli Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru li taħtu taqa' r-responsabbilita' ta' l-aġenzija METCO li qiegħda ssegwi l-proġett f'isem il-Gvern.

Għoti ta' proprjeta' tal-gvern b'riżoluzzjoni tal-Kamra

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hijiex qiegħda ssir il-verifika neċessarja sabiex jiġi żgurat li min jingħata proprjeta' tal-gvern b'riżoluzzjoni tal-Kamra jsegwi l-kondizzjonijiet tal-kuntratt? Dawn il-verifiki, jekk qegħdin isiru, qed isiru wkoll f'każ ta' proprjeta' tal-gvern li tingħata b'xi mod ieħor bħalma hu l-każ speċifiku tal-lukanda Verdala fir-Rabat?

Response (BORG, TONIO)

Il-kundizzjonijiet tal-kuntratti li jirrigwardjaw proprjeta' tal-Gvern mogħtija b'Riżoluzzjoni tal-kamra huma segwiti fil-każ ta' 'Major Projects' minn Monitoring Board fi ħdan il-Ministeru li fid-dekasteru tiegħu jaqgħu dawn il-'Major Projects' bħal Cottonera, Manoel Island/Tigne, u Cruise Passenger Terminal, u fil-każ ta' Għaqdiet Sportivi u Għaqdiet Volontarji mill-Ministeru li dawn jaqgħu taħtu. Infurmat illi ma hemm ebda obbligi kuntrattwali mad-Dipartiment tal-Artijiet jew l-Uffiċċju Konġunt rigward il-lukanda Verdala tar-Rabat.

Dipartiment ta' l-artijiet — Żvilupp ta' għalqa

Question

B'riferenza għall-file no. L509/90/1 u t-talba li saret mis-San Ġwann youth football nursery, jista' il-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'possibbilta' hemm li l-kumitat, flimkien mal-kunsill lokali ta' San Ġwann, ikunu jistgħu jiżviluppaw parti minn għalqa kbira li hemm biswit il-football ground tal-lokal (li bħalissa tinsab abbandunata) sabiex ikunu jistgħu jippjanaw proġett sportiv fil-ġejjieni qarib? Meta saret it-talba ġiet mgħoddija kopja tas-site plan lid-dipartiment konċernat? Billi l-kumitat ġie mgħarraf illi l-għalqa mhijiex f'area reġistrabbli, jista' jiggwidahom dwar xi proċeduri jistgħu jagħmlu biex jibdew diskussjoni mad-dipartiment konċernat minħabba l-proġett li għandhom ippjanat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kwalunkwe talba li ssir dwar allokazzjoni ta' proprjeta' tal-Gvern lil xi għaqda sportiva għandha tgħaddi l-ewwel għand il-Kunsill Malti Sports fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni li imbagħad jikkoordina mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar il-possibilita' jew le ta' l-allokazzjoni. Barra minnhekk l-ebda talba għall-użu ta' proprjeta' tal-Gvern għal skop speċifiku ma tista' tiġi milqugħa qabel ma dan l-iskop ma jkun approvat mill-Awtorita' ta' Malta għal l-Ambjent u l-Ippjanar. Fil-każ ta' l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ninsab infurmat li din l-art tinsab biswit l-iskola ta' San Ġwann u għalhekk qed tiġi riservata għall-espansjoni ta' l-istess skola jekk ikun il-bżonn. Madankollu il-club ikkonċernat jista, jekk iħoss il-bżonn, jagħmel diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u mal-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-possibilita' li din l-art tintuża' għall-iskop mixtieq mill-istess club.

Dipartiment ta' l-artijiet — Garaxxijiet fi Triq San Duminku l-Belt Valletta

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4836, jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga jekk garage 1, garage 3 u 4 u garage 12, f'Old Slave Prison Block, Triq San Duminku l-Belt Valletta humiex użati mid-dipartimenti tal-gvern jew minn individwi privati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dawn il-garaxxijiet huma mikrija kif ser jingħad: Garaxx Numru 1 lir-Reġistratur tal-Qorti Garaxxijiet Numri 3 u 4 lid-Dipartiment għall-Ambjent li llum jagħmel parti mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar