Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena kemm-il membru tal-Korp tal-Pulziija dehru quddiem il-kummissarju minħabba ksur ta' regolamenti tal-Korp? X'kienu l-akkużi prinċipali? Jista' jagħti figuri għal kull xahar separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena nżammu żewġ seduti tad-dixxiplina dwar ksur tar-regolamenti minn membri tal-Korp tal-Pulizija, waħda f'Jannar u oħra fi Frar. In-numru ta' membri involuti kienu 24 u 27 rispettivament u l-akkużi prinċipali kienu diżubbidjenza ta' ordnijiet, traskuraġni ta' xogħol, telf ta' reputazzjoni, ħsara u nuqqas ta' ndafa.
10.05.99
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6384 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni u ċioe' jista' jara li fil-proġett ta' Psaila Street, Birkirkara z-zona quddiem il-flats tal-gvern (1920's) tiġi landscaped? Tista' t-talba mir-residenti biex din l-area tiġi mogħtija bħala front garden tal-flats tiġi kkonsidrata?
Response (BORG, TONIO)
Il-Landscaping tat-toroq mhix responsabbilita` tal-Ministeru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li d-Dipartiment ta` l-Estates Management lest li jikkunsidra kull talba li ssirlu għal-front gardens fiż-żona speċifikata fil-Mistoqsija, wara li l-applikant ikun ġab il-permess meħtieġ mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
10.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma tibqax issib oġġezzjoni li djar jinbiegħu sabiex jintużaw bħala uffiċini fil-Belt u fil-Furjana, meta s-sidien ta' dawn id-djar ma jkollhomx ħlief din il-proprjeta' u b'hekk ikunu finanzjarjament dipendenti fuqha?
Response (BORG, TONIO)
Il-policy dwar l-uffiċini fil-Belt u l-Furjana hija diskussa fil-Pjan Lokali għall-Port il-Kbir. Dan il-pjan, li dwaru kienet saret konsultazzjoni pubblika f`Gunju ta` l-1997, issa qiegħed jiġi kkunsidrat fuq livell Ministerjali. Għaldaqstant deċiżjoni finali dwar din il-policy għada ma ttieħditx.
10.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħidilna għaliex ma jsirux tiswijiet fuq djar tal-Joint Office b'ċens filwaqt li jsiru fuq dawk b'kera?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li f`każ ta` proprjeta` mogħtija b`ċens, l-enfitewta huwa obbligat bil-liġi li jagħmel hu a spejjeż tiegħu kull riparazzjoni u tiswija li jkollu bżonn il-fond. Għalhekk huwa obbligu ta` l-enfitewta li jagħmel it-tiswijiet kollha li jkollu bżonn il-fond kemm dawk ta` natura ordinarja kif ukoll dawk ta` natura straordinarja.
F`każ ta` kirja, il-liġi titfa` r-responsabilita` għat-tiswijiet straordinarji fuq is-sid. Għalhekk, meta ma jkunx hemm ftehim mod ieħor, l-Uffiċju Konġunt ikun obbligat li jagħmel dawn it-tiswijiet straordinarji fi proprjeta` amministrata minnu.
10.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid il-permess tal-pulizija B/172/90 - TL/F 65/90 ta' lokalita' f'Ħaż-Żebbuġ fejn dan il-permess jagħti l-fakulta' li jinżamm żfin bejn is-6.00 p.m. u 12.00 p.m. minħabba l-fatt li mindu ħareġ dan il-permess l-area ta' din il-lokalita' żdiedet fil-popolazzjoni b'konsegwenza li l-ħin qiegħed jeċċedi nofs il-lejl b'detriment għar-residenti? Għaliex postijiet oħra simili għandhom ħin stabbilit sal-11.00 p.m. u dan il-permess jasal sa 12.00 p.m.?
Response (BORG, TONIO)
Skond l-Avviz Legali 18 ta` l-1991 kull persuna interessata tista` tikkontesta kull liċenzja ta` negozju billi tirreferi l-ilmenti jew oġġezzjonijiet tagħha lill-Bord tal-Pariri dwar Liċenzji tal-Pulizija. Dan il-bord imbagħad jisma kemm l-ilmenti ta` min ikun qed jikkontesta il-liċenzja kif ukoll tas-sidien u jagħti l-pariri tiegħu lill-Kummissarju tal-Pulizija kif jidhirlu xieraq.
10.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-gvern biex jagħti sens ta' sigurta' lill-anzjani li llum ħafna minnhom jinsabu mwerwrin f'darhom?
Response (BORG, TONIO)
L-agħar ħaġa li wieħed jista` jagħmel f'materji bħal dawn hu li wieħed iwerwer lin-nies jew li joħloq sensazzjonaliżmu.
Dan il-Gvern żied l-ispiża kapitali tal-Pulizija b'40%, meta l-amministrazzjoni preċedenti naqqsitha; żied l-'allowances' lill-Pulizija biex jiggarantixxi kondizzjonijiet, effiċjenza u presenza aħjar tal-Pulizija, meta l-Gvern preċedenti naqqashom.
Waqt li r-rata tal-kriminalita' kienet qed tiżdied fl-1997 u fl-1998, u l-anzjani imutu f'darhom (kien hemm żewġ anzjani maqtula f'serqiet bejn Jannar u Settembru 1998), il-Gvern kien qed inaqqas l-ispiża kapitali tal-Korp.
Barra minn hekk kif spjegat fil-Pjan Strateġiku tal-Korp tal-Pulizija għas-snin 1999 - 2001, il-prijorita` ewlenija tal-Korp tal-Pulizija hija l-ġlieda kontra l-kriminalita`. Huwa ppjanat li dan ser jintlaħaq b'żieda fin-numru ta' pulizija li jwettqu r-ronda fl-irħula; billi jinbidel it-tqassim tar-riżorsi tal-Pulizija fl-ibliet u l-irħula skond in-neċessitajiet taż-żmien u t-tibdil li jkun qed isir fil-kamp kriminali; billi l-pulizija tad-distrett tattendi fuq rapporti f'inqas żmien minn dak preżenti; billi jiġu ppjanati aħjar ir-rondi u b'titjib fil-briefing u debriefing tal-pulizija qabel ma jibdew u wara li jtemmu xogħolhom.
05.05.99
Issa li waslu biex jiġu numru konsiderevoli ta' studenti barranin biex matul l-Għid jistudjaw l-Ingliż f'Malta, jista' jassigura li dawk li jorganizzaw divertiment għal dawn l-istudenti, jkunu jafu li tfal taħt is-16-il sena ma jistgħux jidħlu f'postijiet ta' divertiment fejn jinbiegħ l-alkoħol? Jistgħu jsiru twissijiet lil dawn l-organizzaturi li meta jorganizzaw xi attivita' ma jiġix servut alkoħol?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-permess li toħroġ il-Pulizija għall-divertiment okkażżjonali ikun hemm il-kundizzjonijiet li taħthom ikun qed jingħata l-permess. Infurmat illi fost dawn il-kundizzjonijiet ikun hemm il-persuni taħt is-sittax il-sena ma jitħallewx jidħlu għall-ebda raġuni.
05.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex jiġu protetti l-ġirien ta' l-iskola primarja peress li min juża s-sala tard bil-lejl sa kmieni filgħodu qed jagħmel ħafna storbju u bla konsiderazzjoni għal ġirien?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-Onorevoli Interpellant ma semmiex għal liema skola qed jirreferi, mhinix f'pożizzjoni li nwieġeb. Barra minn hekk nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
05.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm irċevew rapporti jew ilmenti l-pulizija jew l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar Triq id-Dulliegħ fiż-Żejtun? X'tip ta' ilmenti kienu u x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uniku lment li kellha l-Pulizija dwar it-triq li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant kien jirrigwarda żewġ vetturi mitluqin f'din l-istess triq. Il-Pulizija ħadet il-passi meħtieġa u dawn il-vetturi tneħħew.
Għar-rigward ta' ilmenti li saru lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar, ninsab infurmat li l-Awtorita` irċeviet żewġ rapporti.
Fl-1994, l-Awtorita` ħadet azzjoni dwar biċċa art li kienet inbidlet f'sit biex jinżamm żiemel. Wara din l-azzjoni, iż-żiemel tneħħa. Hemm Enforcement Notice li għadu pendenti fir-rigward taċ-ċint u r-ramel li tqiegħed fuq is-sit.
Riċentament wasal rapport mill-Kunsill Lokali tal-lokal dwar l-istess sit, liema rapport kien jinplika u fil-fatt irriżulta` li s-sit in kwistjoni qiegħed jintuża biex jinżammu xi magni wżati fuqha. Is-sid ġie ordnat li jnaddaf is-sit billi nħareġ Enforcement Notice. L-Awtorita` qed issegwi dan l-avviż u tittieħed azzjoni skond il-liġi jekk is-sid jonqos li jesegwixxi l-ordni maħruġa mill-Awtorita`.
05.05.99 (p.m.)
Wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li f'raids tal-pulizija f'postijiet ta' divertiment instabu tfal taħt is-16-il sena bi ksur tal-liġi, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu kontra s-sidien tal-ħwienet? X'passi oħra ttieħdu biex jiġi żgurat li tfal taħt l-eta' ma jkomplux jiġu sfruttati? Meta jsiru dawn it-tip ta' raids jiġu nklużi pulizija nisa biex jieħdu ħsieb it-tfajliet taħt l-eta' li jinstabu f'dawn il-postijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi b'riżultat ta' ispezzjonijiet mill-Pulizija f'postijiet ta' divertiment, qed jittieħdu proċeduri bil-Qorti kontra diversi sidien ta' stabbilimenti li, b'ksur tal-liġi, ħallew tfal taħt is-16 il-sena jidħlu fl-istabbilimenti tagħhom. Qed ikomplu jsiru spezzjonijiet mill-Pulizija sabiex dan l-abbuż jieqaf.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi mhux dejjem ikun hemm pulizija nisa preżenti waqt dawn l-ispezzjonijiet, pero' jekk ikun meħtieġ dejjem tkun tista' tiġi msejjħa pulizija mara fuq il-post.
05.05.99
Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ jingħata lill-pulizija li jkunu nvoluti f'raids f'postijiet ta' divertiment biex jiġi żgurat li m'hemmx tfal taħt l-eta'? Peress li hemm bżonn ċerta attenzjoni fejn jidħlu dawn it-tfal, jifhem li bżonn ta' ċertu taħriġ speċjalizzat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment ma jsirux biss mit-Taqsimiet speċjalizzati tal-Korp tal-Pulizija, imma minn dawk tad-Distretti wkoll u għalhekk jinvolvu il-membri kollha tal-Korp. Ma jirriżultalix illi hemm bżonn ta' xi taħriġ speċċjalizat sabiex ikunu spezzjonati dawn il-postijiet biex tkun inforzata l-liġi li tipprojbixxi d-dħul ta' żagħażagħ taħt is-sittax il-sena f'dawn il-postijiet.
05.05.99
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 5723 u ċioe' jista' jgħid kemm fil-fatt hu n-numru ta' makkinarju agrikolu liċenzjat f'pajjiżna? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-makkinarju reġistrat fil-gżejjer tagħna?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment ta' Liċenzjar ta' Vetturi.
05.05.99
B'riferenza għall-familji li ħallsu Lm100 depożitu sabiex jifdu ċ-ċens tar-residenza privata tagħhom snin ilu bħal fil-kas tad-depożitu mħallas skond riċevuta (M136007) (liema dettal intbgħat lis-segretarjat privat), jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-pożizzjoni ta' dawn il-familji? Kemm fil-fatt hu n-numru ta' familji li għandhom każijiet simili ta' ħlas ta' depożitu? Meta se jiġu rimedjati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ partikolari msemmi mill-Onor. Interpellant huwa dwar proprjeta' li għaliha għad ma hemmx klassifikazzjoni fl-Anness 7 tal-Ftehim dwar il-Proprjeta' li l-Awtoritajiet tal-Knisja Maltija għaddew lill-Gvern Malti. Id-diskussjonijiet biex issir il-klassifikazzjoni meħtieġa jinsabu fi stadju avvanzat ħafna. Għalhekk l-Uffiċċju Konġunt għalissa ma jistax jifdi ċ-ċens imsemmi mill-Onor. Interpellant u ċnus simili oħra.
Ninsab infurmat ukoll li kien hemm 668 applikant li ħallsu Lm100 għall-fidi ta' ċnus temporanji taħt l-iskema li għalqet f'Diċembru 1996.
L-Uffiċċju Konġunt irċieva wkoll 836 applikazzjoni oħra għal xiri ta' residenza mikrija u għall-fidi ta' ċnus perpetwi rivedibbli. L-iskema ta' xiri ta' residenza tinsab kważi lesta, waqt dik ta' ċnus perpetwi hija fi stadju avvanzat ħafna. Fil-bidu ta' Marzu 1999, l-Uffiċċju Konġunt beda x-xogħol preliminari fuq l-applikazzjonijiet għal fidi ta' ċnus temporanji.
04.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jara li meta l-pulizija tressaq u takkumpanja lil xi persuna/i fil-qorti ma ddaħħalhomx mill-bieb prinċipali tal-Qorti qisha qed tagħmel xi show bihom? Dawn jistgħu jidħlu mill-bieb ta' wara li hemm fit-Triq id-Dejqa.
Response (BORG, TONIO)
Il-Pulizija għandha d-dritt li ttella` individwi akkużati l-Qorti minn kull bieb li hu aċċessibli għall-pubbliku in ġenerali.
Meta r-raġunijiet ta' sigurta` jew xi raġuni oħra (eż. ordni tal-Qorti) jindikaw mod ieħor, il-Pulizija tuża dawk l-aċċessi indikati miċ-ċirkostanzi.
Ma hiex il-'policy' tal-Korp tal-Pulizija li jittellgħu nies biex tagħmel 'show' bihom kif allegat mill-Onorevoli Interpellant.
04.05.99 (p.m.)
Fir-rigward ta' talbiet għal transfers mill-pulizija fuq subject forms, jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija in kwestjoni jiġux mgħarfa dwar x'passi tkun qed tieħu l-amministrazzjoni tal-pulizija biex it-talba tagħhom tiġi milqugħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li t-talbiet minn membri tal-Korp tal-Pulizija għall-trasferiment ikunu ġew ipproċessati, il-membru involut ikun infurmat bl-eżitu.
04.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers fil-korp tal-pulizija mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Minn fejn u għal fejn saru? Kemm saru wara talba mill-uffiċjal involut u kemm saru mingħajr talba? Kemm ġew milqugħa talbiet?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għall-perijodu Settembru 1998 sat-8 ta' Frar 1999, nirreferieh għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4535. Ninsab infurmat li bejn id-9 ta' Frar 1999 u s-26 ta' April 1999 kien hemm 51 membru tal-Korp li tbiddlilhom xogħolhom fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp.
Ninsab infurmat li bejn Settembru 1998 u s-26 ta' April 1999, fi 42 każ it-tibdil sar fuq talba tal-membru nvolut.
04.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jara li l-bini li kien vojt ġewwa Valley Road, Msida jiġi mbarrat billi qed jidħlu n-nies fihom u qed isir abbuż mid-droga u r-residenti sabu siringi fil-viċin u ġewwa l-bibien miftuħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-bini li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ġie esproprijat għall-finijiet ta' 'slum clearance', u jinsab f'idejn id-Dipartiment għall-Kostruzzjoni u Manutenzjoni ta' Djar. Għalhekk nitolbu biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
04.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq każi ta' abbużi fuq it-tfal, sena b'sena, f'dawn l-aħħar għaxar snin? X'weħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant hu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
04.05.99 (a.m.)
Billi dan l-aħħar inqabdu xi immigranti llegali li waslu bil-vapur u allegatament għaddew mid-dwana mingħajr ma kellhom il-passaport ittimbrat, jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni dwar dan u jekk saret, x'azzjoni ttieħdet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li kull każ li jkun magħruf mill-Pulizija, fejn xi persuna tinstab li tkun daħlet Malta mingħajr ma tkun għaddiet mill-Immigrazzjoni fil-port, din dejjem tiġi nvestigata u jittieħdu l-passi meħtieġa skond ma jirriżulta` investigazzjoni.
04.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasslu n-negozjati biex għalqa abbandunata quddiem l-iskola ta' Ħal Tarxien (qrib Joann Gardens) tinbidel f'parking area u area rikreattiva?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika ma' liema Dipartiment li jaqa' taħt il-Ministeru ta' l-Intern kienu qed isiru n-negozjati li rrefera għalihom fil-Mistoqsija.
03.05.99 (p.m.)