Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20744 Sitting 416 2000-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex jissewwa t-taraġ li hemm fl-iskola primarja f'Tas Sliema? Meta se jitkomplew ix-xogħlijiet għar-riabilitazzjoni tal-bini ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħejjiet offerta pubblika għax-xogħlijiet meħtieġa fuq it-taraġ imsemmi ta' l-iskola primarja ta' Tas-Sliema, liema offerta qgħeda tistenna l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex tkun ippubblikata. Xogħlijiet ta' riabilitazzjoni fuq il-bini ta' l-iskola jkunu mbagħad jistgħu jitkomplew wara li jitlesta x-xogħol tan-naħa ta' l-iskola sekondarja u din bdiet tintuża.
Leg 9 PQ #20749 Sitting 416 2000-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ħaż-Żebbuġ - Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ġenituri tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li għandu 11-il sena ġew mgħarrfa biex ma jibgħatux it-tifel fl-iskola primarja ta' Ħaż-Żebbuġ (Malta)? Kif jista' l-Istat jabdika mid-dmir kostituzzjonali li jipprovdi l-edukazzjoni lil dan it-tifel? X'arranġamenti se jsiru biex dan it-tifel jieħu l-edukazzjoni li hu ntitolat għaliha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ġenituri qatt ma ġew mgħarrfa biex ma jibgħatux lit-tifel l-iskola. Dan it-tifel ilu jiġi segwit mill-Welfare Officer tad-Dipartiment minħabba mġieba li tfixkel tfal oħra. L-iskola qegħda tagħmel kull mezz biex it-tifel jintegra ruħu ma' sħabu. Ma nsibx diffikulta` li l-Onor. Membru jiddiskuti dan il-każ fid-dettall mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #20752 Sitting 416 2000-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Institute of Health Care — Studenta

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-tfajla li isimha qed jinbtagħat separatament minn Ħal Qormi ġiet infurmata li m'għandhiex tattendi iżjed l-Institute of Health Care wara li kisbet il-kwalifiki biex issegwi l-kors u wara li ġiet aċċettata fil-kors, xtrat il-kotba u għamlet dak kollu mistenni minnha? Dan huwa mod kif jiġu trattati l-istudenti? L-Universita' se tippermetti li din il-persuna ma titħalliex issegwi kors fl-Institute of Health Care?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li r-regolamenti tal-Kors tan-Nursing jirrikjedu li biex kandidati jkunu jistgħu jirreġistraw fil-kors, minbarra li jissodisfaw ir-Rekwiżiti għad-Dħul speċifikati fir-regolametni, huma "iridu wkoll jissodisfaw lill-Bord li huma għandhom id-dispożizzjoni meħtieġa għan-nursing (il-kandidati jistgħu jkunu meħtieġa jattendu għal intervista għal dan il-għan)". Kandidati li wara din l-intervista jiġu meqjusa li m'għandhomx id-dispożizzjoni meħtieġa, jiġu riferuti quddiem Bord maħtur mis-Senat għal dan il-għan kompost kif ġej (Reg. 6.4.2 tar-Regolamenti għad-Dħul fl-Universita' jirreferi): Il-Kap tad-Dipartiment jew id-Direttur ta' l-Istitut relevanti jew xi membru nominat minnu: Il-Kap tad-Dipartiment tal-Psikoloġija jew xi membru nominat minnu: u r-reġistratur jew xi ħadd nominat minnu. Il-kandidati li kienu rreferiti lil Bord sarilhom Psychometric Test u kienu intervistati biex ikun stabbilit jekk għandhomx id-dispożizzjoni meħtieġa għall-professjoni tan-Nursing. Uħud minn dawn, fosthom il-persuna li dwarha saret din il-mistoqsija instabu li m'għandhomx tali dispożizzjoni. Peress li xi kandidati, fosthom il-persuna msemmija, saru eliġibbli akkademikament wara li ħareġ ir-riżultat ta' l-eżamijiet supplimentari li jsir f'Settembru, il-Bord kellu bil-fors jagħmel it-test u l-interview f'Ottubru. Ħadd minn dawn l-applikanti ma kien infurmat li kien aċċettat fil-kors, għalkemm huma tħallew jattendu biex ma jitilfux lezzjonijiet f'każ li jkunu aċċettati. Huma kienu avżati bl-aktar mod ċar li kienu qed jitħallew jattendu għal-lezzjonijiet proviżorjament sakemm il-Bord jagħti d-deċiżjoni tiegħu. Nispera li din ir-risposta tissodisfa lill-Onor. Membru li l-Universita` imxiet bl-aktar mod serju f'dan ir-rigward. L-Universita` filwaqt li m'għanha ebda ħsieb jew interess li tnaqqas in-numru ta' studenti partikolarment f'dan il-kors, mill-banda l-oħra trid sa fejn hu possibbli tassigura li kull min jidħol f'dan il-kors ikun idoneju għal professjoni.
Leg 9 PQ #20632 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Salvatore Dimech

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet organizzati fl-iskola Salvatore Dimech ta' Targa Gap ? Kemm applikaw f'kull kors? Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors? Kemm ġew aċċettati f'kull kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #20642 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kulleġġ De La Salle

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu dwar l-ilment imqajjem mill-Kulleġġ De La Salle, Kottonera, fl-ittra mibgħuta lilek bid-data tas-6 ta' Ottubru 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-materja qed tiġi segwita attivament ma' l-Awtoritajiet konċernati.
Leg 9 PQ #20643 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

EU — Programmes Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li jaħdmu fil-European Union Programmes Unit fil-livelli kollha? B'liema kundizzjonijiet tax-xogħol? B'liema kriterji ġew reklutati?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jiġi kompilat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #20645 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja — Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'tip ta' spejjeż huma maħsuba li jkopru l-fondi pubbliċi li l-Ministeru jgħaddi lill-knisja għat-tmexxija ta' l-iskejjel tagħha? X'persentaġġ mill-ispiża amministrattiva ta' dawn l-iskejjel huma stmati li jkopru dawn il-fondi pubbliċi ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond il-ftehim mal-Knisja, il-fondi pubbliċi li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jgħaddi lill-Knisja għat-tmexxija ta' l-iskejjel tagħha jkopru s-salarji ta' l-istaff ta' l-istess skejjel u spejjeż oħra ġenerali. Dawn l-ispejjeż ġenerali jammontaw għall-għaxra fil-mija (10%) tas-salarji ta' l-istaff.
Leg 9 PQ #20660 Sitting 415 2000-11-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Expert Dispatch Programme — PBS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-area of specialisation tal-espert fix-xandir li l-Ġappun kellu jibgħat Malta f'Settembru biex jgħin lill-PBS taħt l-Expert Dispatch Programme?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Area of Specialisation ta' l-espert fix-xandir li l-Ġappun bagħat Malta biex jgħin lill-PBS hija l-produzzjoni ta' programmi televiżivi.
Leg 9 PQ #19902 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'hospitality mill-vot ta' l-Estimi Ġenerali 2000 bejn l-1 ta' Jannar, 2000 sas-6 ta' Ottubru, 2000?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul il-perjodu msemmi, l-ispiża f'hospitality kienet ta' 68.3% tal-vot allokat għal hospitality.
Leg 9 PQ #20621 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Emvin Cremona Art Design Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet ta' Emvin Cremona Art Design Centre ? Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors? Kemm ġew aċċettati f'kull kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors li jsir fiċ-Ċentru ta' Disinn u Arti, Emvin Cremona hu ta' 31, li minnhom 25 bdew il-kors. L-istudenti li ma ntgħażlux f'dan il-kors daħlu għall-kors tat-tieni jew it-tielet għażla tagħhom fejn dan kien possibbli. Id-Dipartiment ma jilqax applikazzjonijiet ta' studenti li ma humiex eliġibbli. Dawn l-istudenti jingħataw parir mingħand il-Guidance Teachers ta' kif jistgħu jkomplu bl-istudju tagħhom. Dan is-servizz jingħata fuq il-post fejn jintlaqgħu l-applikazzjonijiet. Għaldaqstant dawk li applikaw kienu kollha eliġibbli.
Leg 9 PQ #20624 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Sir Hannibal Scicluna School for Secretarial Studies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet ta' Sir Hannibal Scicluna School for Secretarial Studies ? Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors? Kemm ġew aċċettati f'kull kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għas-Secretarial Course hu ta' 75. Kollha ġew aċċettati. L-għadd ta' studenti li applikaw għall-Insurance Course hu ta' 80 li minnhom 25 bdew il-kors. L-istudenti li ma ntgħażlux f'dan il-kors daħlu għall-kors tat-tieni jew it-tielet għażla tagħhom, fejn dan kien possibbli. Id-Dipartiment ma jilqax applikazzjonijiet ta' studenti li ma humiex eliġibbli. Dawn l-istudenti jingħataw parir mingħand il-guidance teachers ta' kif jistgħu jkomplu bl-istudju tagħhom. Dan is-servizz jingħata fuq il-post fejn jintlaqgħu l-applikazzjonijiet. Għaldaqstant dawk li applikaw kienu kollha eliġibbli.
Leg 9 PQ #20626 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Pre-School Education Centre, Msida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet tal- Pre-School Education Centre, Msida ? Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors? Kemm ġew aċċettati f'kull kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors li jsir fil-Pre School Education hu ta' 71 li minnhom 29 bdew il-kors. L-istudenti li ma ntgħażlux f'dan il-kors daħlu għall-kors tat-tieni u t-tielet għażla tagħhom fejn dan kien possibli. Id-Dipartiment ma jilqax applikazzjonijiet ta' studenti li ma humiex eliġibbli. Dawn l-istudenti jingħataw parir mingħand il-Guidance Teachers ta' kif jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom. Dan is-servizz jingħata fuq il-post fejn jintlaqgħu l-applikazzjonijiet. Għaldaqstant dawk li applikaw kienu kollha eliġibbli.
Leg 9 PQ #20628 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola Nawtika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet ta l-Iskola Nawtika? Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors? Kemm ġew aċċettati f'kull kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors li jsir fl-iskola Nawtika hu ta' 20. Kollha ġew aċċettati għall-kors.
Leg 9 PQ #20629 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Il-Kulleġġ Madre Tereża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet organizzati fil-kulleġġ Madre Tereża ? Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors? Kemm ġew aċċettati f'kull kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors li jsir fil-Kulleġġ Madre Tereża hu ta' 153. Kollha ġew aċċettati.
Leg 9 PQ #20631 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw żgħażagħ biex din is-sena jibdew xi wieħed mill-korsijiet organizzati fl-iskola Carmen Carbonaro tal-Hairdressing and Beauty Therapy? Kemm kien hemm eliġibbli f'kull kors? Kemm ġew aċċettati f'kull kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għadd ta' studenti li applikaw għall-kors fil-Hairdressing hu ta' 179 li minnhom 66 bdew il-kors. L-għadd ta' studenti li applikaw għall-Beauty Therapy hu ta' 14. Kollha ġew aċċettati għall-kors. L-istudenti li ma ntgħażlux f'dan il-kors daħlu għall-kors tat-tieni jew it-tielet għażla tagħhom fejn dan kien possibbli. Id-Dipartiment ma jilqax applikazzjonijiet ta' studenti li ma humiex eliġibbli. Dawn l-istudenti jingħataw parir mingħand il-guidance teachers ta' kif jistgħu jkomplu bl-istudju tagħhom. Dan is-servizz jingħata fuq il-post fejn jintlaqgħu l-applikazzjonijiet. Għaldaqstant dawk li applikaw kienu kollha eliġibbli.
Leg 9 PQ #20728 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Junior College

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-suġġetti li ġew mgħallma lill-istudenti tal-Junior College fuq bażi ta' 5 snin jiġifieri min 1995 - 2000, sena b'sena? Kemm kien hemm studenti li għażlu kull suġġett fuq bażi taż-żewġ sorsi differenti? Kemm kien hemm studenti li attendew għalihom f'dawn il-5 snin? Kemm kien hemm tfajliet u kemm kien hemm ġuvintur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-suġġetti li ġew mgħallma lill-istudenti tal-Junior College kienu dawn: 1995 Accounts, Applied Mathematics, Art, Biology, Chemistry, Computing, Engineering Drawing/Graphical Communication, English, Economics, Environmental Science, French, Geography, German, History, Home Economics and Human Ecology, Information Technology, Italian, Maltese, Marketing, Music, Philosophy, Physics, Pure Mathematics, Religion, Sociology, Spanish u Systems of Knowledge. Fis-snin 1996, 1997, 1998, 1999 u 2000 baqgħu l-istess. Statistika ta' kemm kienu l-istudenti li għażlu kull suġġett skond livell Avvanzat u livell Intermedju maqsumin bejn ġuvintur u tfajliet f'dawn il-5 snin ta' l-aħħar ser ngħaddiha lill-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #20737 Sitting 414 2000-10-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jara li l-eżamijiet ta' l-O Level tal-London ma jkollhomx is-suġġetti tagħhom jikklexxjaw ma' ġranet ta' l-eżamijiet tal-Matsec b'tali mod li l-istudenti li ser joqgħodu għall-eżamijiet ta' l-O levels ma jkunux jistgħu joqgħodu għall-eżamijiet fl-istess suġġett taż-żewġ universitajiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-timetables ta' l-Eżamijiet tal-MATSEC u tal-Bord ta' Londra isiru mill-Bord rispettivi u indipendenti minn xulxin. Minħabba l-fatt li studenti differenti ikollhom għażliet differenti ta' suġġetti u minħabba li l-MATSEC u l-Bordijiet Ingliżi joffru prattikament l-istess suġġetti fl-istess perjodu ta' żmien huwa mpossibbli li ma jkunx hemm clashes li jistgħu jaffettwaw student u mhux ieħor. Bħal fi snin ta' qabel, u parattika li tintuża minn kull Bord ta' Eżamijiet, darba li tkun pubblikata timetable ma tkunx tista' tinbidel.
Leg 9 PQ #20561 Sitting 413 2000-10-31 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ingliż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk intbagħtux ir-rapporti annwali mill-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? X'kien in-numru totali ta' persuni li ġew Malta biex jitgħallmu l-Ingliż? Jista' jelenka liema kienu l-ewwel ħames skejjel li l-aktar ġabu nies għal dan il-kors u n-numru ta' nies li ġew għandhom? Mill-liema pajjiżi l-aktar li ġew?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #20562 Sitting 413 2000-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid irċeviex l-informazzjoni/rapport dwar għajnuna biex il-gvern itaffi ftit mill-ispejjeż mħallsa mill-ġenituri li jmorru fi skejjel indipendenti kif tlabt fil-mistoqsija parlamentari nru. 19542?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju m'għandi xejn ġdid x'inżid mat-tweġiba li rrefera għaliha l-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #20563 Sitting 413 2000-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Edukazzjoni Post-Sekondarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid waslitlux l-informazzjoni biex issa jwieġeb il-mistoqsija tiegħi nru. 20236?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.