Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jsir proġett ta’ tisbieħ taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Gudja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol huwa inkluż fil-lista ta’ proġetti li qed ikunu ikkunsidrati minn dan il-Ministeru biex isiru f'din il-leġiżlatura. Bħalissa hemm applikazzjoni l-MEPA li intalbet tapprova dan ix-xogħol ta' tisbieħ u dan wasal biex ikun approvat. Ix-xogħol mistenni jinbeda aktar tard din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi dixxiplinari se jieħu fil-konfront tas-CEO ta' Transport Malta talli għalkemm ġew stallati diversi billboards madwar il-pajjiż kollu biex jirreklamaw il-budget li rathom Malta kollha, skont ir-risposta li tani għall-mistoqsija parlamentari 6264 il-Ministru ta indikazzjoni illi Transport Malta ma tafx fejn jinsabu dawn il-billboards? Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-CEO ta' Transport Malta skont ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari li għamilt referenza għaliha aktar ‘il quddiem, hux qiegħed jipprova jirredikola din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż jew inkella ma jafx x'inhu jsir fit-toroq ta' pajjiżna u għalhekk mhux denju li jibqa’ jżomm din il-kariga?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7629 fejn qed jingħad li l-Awtorita’ tevalwa s-siti għall-billboards u mhux il-kontenut tagħhom. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li permezz tat-tweġiba li kienet ingħatat, ħadd ma pprova jirredikola l-għola istituzzjoni tal-pajjiz bħal ma qed jimplika l-istess interpellant. Jipprova jirredikola, min diġa’ jkun ingħata risposta ċara u jipprova jdawwarha bl-uniku għan ikun li jkun distruttiv u biex jieħu vantaġġ politiku, u zgur mhux biex imexxi l-pajjiż ‘il quddiem.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6264, jista’ l-Ministru jgħid bħala l-Ministru responsabbli mit-toroq ta' pajjiżna jafx fiex jikkonsisti l-Avviż Legali 368 tal-2004? Jekk jaf x'inhu l-avviż legali li għamilt referenza għalih, kif jista’ l-Ministru jiġġustifika li l-Gvern preżenti sa mill-bidu nett ħa ħsieb li jagħti prijorità lis-sigurtà fuq it-toroq tagħna meta mhux konxju ta’ dak kollu li qiegħed isir f'termini ta' stallazjoni ta' billboards fil-pajjiz?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li Avviż Legali 368 tal-2004 u s-sussegwenti emendi huma l-qafas regolatorju ta’ Transport Malta fejn jirrigwarda t-tqegħid ta’ billboards u riklamar fuq it-toroq. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ ma tevalwax billboards mil-lat tat-tip ta’ riklamar jew messaġġ li jkun hemm fuqhom iżda tevalwa biss is-sit tat-tqegħid. Għaldaqstant b’referenza għar-riklam jew messaġġ ta’ billboard mhux biżżejjed sabiex l-Awtorita’ tkun f’pożizzjoni li tevalwa l-każ li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant. Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li meta jkolli bżonn parir, nieħdu mingħand esperti li l-għan tagħhom żgur ma jkunx li jdaħħlu dubji jew li jkunu distruttivi għal gwadann politiku. Għaldaqstant nikkonferma li l-parir li ingħatajt dwar fhiex jikkonsisti l-Avviż Legali 368 tal- 2004 huwa hekk kif għadni kif spjegajt hawn fuq u mhux kif ipprova jimplika l- Onorevoli Interpellant. Iktar u iktar meta fir-rapport tat-telfa tal-partit tal-istess Onorevoli Interpellant fl-aħħar elezzjoni li għaddiet, ħareġ ċar li l-Gvern preċedenti kien tilef il-kontroll tat-toroq u dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li għamel il-Gvern preżenti fl-ewwel ftit xhur fejn ħa immedjatament il-kontroll tat-toroq. Eżempju ta’ dan huwa ix-xogħol li sar fi Triq San Lawrenz il-Birgu, fejn dak li ma sarx mill- Gvern preċedenti f’ 7 snin sar issa f’inqas minn 60 ġurnata u dan minkejja li kellha terġa tinqala’ parti minnha għax ix-xogħol ma kienx sar kif kellu jkun. Il-każ ta’ Triq San Lawrenz jikkonstrasta bil-kbir ma’ dak li ġara fi Triq Melita fil-Belt Valletta taħt Gvern preċedenti, fejn minkejja ix-xogħol kien sar kollu ħażin, ma ttieħdux passi fi żmien stipulat u għaldaqstant kellu jħallas il-poplu għal dan in-nuqqas. L-istess bħal ma ġara fi Triq Diċembru 13, fejn b’riskju li jintilfu fondi mill- Unjoni Ewropea, Gvern preċedenti kien qal li x-xogħol fuqha kien waqaf minħabba x-xita iżda malli l-Gvern preżenti ingħata l-fiduċja, anke hawn wera li ħa l-kontroll f’idejh għax ix-xogħol fuq din it-triq baqa’ għaddej irrillevanti mill-kundizzjonijiet tat-temp u ser jitlesta fi żmien stipulat.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6254, jista’ l-Ministru jgħid għaliex waqt laqgħat li l-Ministru jkollu ma’ diversi kunsilli lokali ma jittieħdux minuti tal-laqgħa? Jekk mhux prassi li jittieħdu minuti waqt laqgħat ta' dan it-tip, jista’ l-Ministru jara li din l-attitudni tinbidel?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6254 kienet tirrigwarda speċifikament il-laqgħa li saret mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u mhux ma’ kunsilli oħra.
B' referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 6255, jista’ l-Ministru jgħid għaliex waqt laqgħat li uffiċjal ta' Transport Malta jkollu ma’ diversi kunsilli lokali ma jittieħdux minuti tal-laqgħa? Jekk mhux prassi li jittieħdu minuti waqt laqgħat ta' dan it-tip, jista’ l-Ministru jara li din l-attitudni tinbidel?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 7639, ninfurmah ukoll li mhux il-prassi li jittieħdu minuti għal laqgħat li Transport Malta jkollha ma’ diversi kunsilli lokali, madankollu se nirrakkomanda li Transport Malta tilqa’ s-suġġeriment tal-Onor. Interpellant f’dan ir-rigward.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 6206 u 5598, peress li servizz ta' konsulenza ta' professjonist mhux entità kummerċjali u għalhekk kuntrarju għal dak li qal il-Ministru, l-informazzjoni mitluba u r-remunerazjoni involuta, mhux informazzjoni sensittiva u peress illi tali informazzjoni hi informazzjoni pubblika, x'inhi r-raġuni illi l-Ministru repetutament mhux qed ipoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra għall-informazzjoni tal-Membri? Barra minn hekk, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt illi din il-persuna ffirmat ma’ Transport Malta u/jew il-Ministeru tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7611.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6207, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qiegħed jirrifjuta milli jgħid min huma ċ-chairman u l-membri tal-Grand Harbour Regeneration Corporation, xi kwalifiċi għandha kull persuna li tifforma parti minn din l-entità u x'remunerazzjoni qed jieħu kull membru ta' din l-entità meta tali informazzjoni hi informazzjoni pubblika? Għaliex ma jridx jagħti tali informazzjoni li t-tax payer għandu dritt li jkun jaf?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ- Chairman tal-GHRC huwa Dr Stefan Zrinzo Azzopardi BA LLD u huwa Avukat;
Il-Membri tal-Bord huma Ray Grech, konsulent fil-
Marketing
; Dominic Calleja BA (Hons), Bus. Mgmt iggradwat fil-
Management
; John Dalli , b’esperjenza fil-qasam tal-kostruzzjoni; Frans Bajada, M.Sc (
Business Finance
) (Brunel UK) BA (Hons) (
Public Admin
) FAIA (UK); u Marisa Ciappara B.Com., B.Accty (Hons), MIA, MIM, CPA u hija
Accountant.
Is -Segretarju tal-bord huwa Alex Falzon MBA (Brunel University UK) Dip Labour Studies (University of Malta), Change Management (Colorado University USA).
Rigward ir-remunerazzjoni tac-Chairman , nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3909, fejn kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra il-kuntratt tal-istess Chairman. Ir-remunerazzjoni tad-diretturi hija ta’Eur3000 gross fis-sena għal kull wieħed minnhom.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-diversi billboards li hemm madwar Malta u Għawdex, fosthom is-sitta li hemm fil-lista li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ittellgħux skont il-Guidelines of the Safe Placing of Billboards li jinsabu fl-iskeda tal-Avviż Legali 368 tal-2004?
X'passi qed tieħu Tranport Malta biex tħares is-sigurtà fit-toroq u tenforza l-Guidelines of the Safe Placing of Billboards?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jiena infurmat li, wara spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali tal-Awtorita tat-Trasport għal kull wieħed mill-billboards li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, l-awtorita’ lesta li tilqa’ talbiet sabiex jiġu identifikati siti alternattivi għal tali billboards u dawn jiġu rilokati skont l-iskeda tal-Avviz Legali 368 u applikabbli skond f'Artiklu 4 tal-Avviż Legali LN 171 tal-1993 (Ordni tal-1993 dwar Reklami).
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienet ir-raġuni li għaliha reġgħet kienet magħluqa t-triq prinċipali ta' San Pawl il-Baħar (Triq San Pawl) nhar il-Ġimgħa 28 ta' Frar 2014? Min talab li t-triq tingħalaq? X'koordinazzjoni kien hemm mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar biex din it-triq tingħalaq? X'tip ta' diskussjonijiet saru bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali, qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li t-triq tingħalaq b'dan il-mod?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li fl-20 ta’ Frar 2014 saret talba mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar sabiex tingħalaq Triq San Pawl għal raġunijiet ta’ sigurta’ minħabba li kienu se jsiru xogħlijiet li kienu ser jostakolaw il-passaġġ tat-traffiku. Transport Malta nfurmat lill-kunsill lokali bil-kundizzjonijiet li l-għeluq tat-triq isir wara d-disgħa ta’ filgħodu, li jkun hemm gwardjani lokali li jiggwidaw it-traffiku, li l-għeluq kellu jsir b’eċċezzjoni għall-vetturi ta’ emerġenza u li jiġi pprovdut is-servizz ta’ shuttle service permezz ta’ minibuses bejn Burmarrad u ċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar.
Dan is-servizz ta’ shuttle service kien bi qbil mas-sezzjoni tat-trasport pubbliku u kien bżonjuż minħabba li t-traffiku u t-trasport pubbliku kien se jiġi ddevjat minn Dawret San Pawl il-Baħar.
Fil-25 ta’ Frar, il-Kunsill informa lill-Awtorita` li x-xogħlijiet kienu se jsiru nhar it-28 ta’ Frar u li l-kundizzjonijiet tal-Awtorita’ kien ser ikunu osservati. Nhar is-26 ta’ Frar l-Awtorita` infurmat lill-entitajiet konċernati dwar dan l-għeluq tat-triq.
Transport Malta – Traffic Count f’San Pawl il-Baħar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tkompli fuq l-istudju marbut mal-problema tat-traffiku fl-inħawi tax-Xemxija fejn it-traffiku jgħaddi minn San Pawl il-Baħar lejn il-Mellieħa? Meta saru l-aħħar counts tat-traffiku f’dawn l-inħawi? X’differenzi rriżultaw f’dawn il-counts meta mqabbla mal-counts preċedenti?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li din is-sena Transport Malta għandha żewġ proġetti maġġuri li jaffettwaw it-traffiku fl-inħawi tax-Xemxija. Għaldaqstant f’dan il-perjodu ta’ żmien ma jistgħux isiru studji fuq ix-Xemxija minħabba li t-traffic patterns mhux ser ikunu dawk tipiċi għaż-żona.
L-Awtorita’ ser terġa tiġbor traffic count data fejn possibbli fl-inkroċji li jinstabu fit-toroq arterjali u dawk distributorji minħabba li l-aħħar sett komplut ta’ traffic counts ittieħed fis-sena 2010.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq ġodda saru minn Transport Malta matul l-2013 f’kull wieħed mil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali? Meta nbeda x-xogħol fuq dawn it-toroq, meta tlesta, u f’kull każ kemm ġie jiswa dan ix-xogħol?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qiegħed iħallas kuljum il-Gvern, issa li l-operat tat-trasport pubbliku ħadu f'idejh, għal kull vettura li ssostwixxiet il-bendy buses li ġew imneħħija miċ-ċirkolazzjoni f'Awwissu tal-2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, bejn Awissu u Diċembru 2013 il-medja li kienet titħallas lill-Unscheduled Bus Services kienet ta’ €38,431 kuljum, kif kien jorbot il-ftehim bejn l-istess Unscheduled Bus Services u l-kumpanija Arriva Malta Ltd. Dan kien ikopri bejn 33 vettura sa massimu ta’ 60 vettura kuljum.
Infurmat ukoll li preżentament in-numru ta’ vetturi pprovduti mill- Unscheduled Bus Service jinkludi 42 vettura li huma sub-contracted fuq diversi rotot. Permezz ta’ dawn il-vetturi, qed nersqu iktar viċin li nleħħqu mad-domanda sabiex nagħmlu is-servizz aktar effiċċjenti u nkomplu nnaqqsu l-inkonvenjent. Konferma ta’ dan joħroġ minn stħarriġ li sar, li juri li l-ilmenti minn dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, naqqsu drastikament f’Jannar 2014 meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sentejn ta’ qabel.
Bħalissa l-operatur tat-trasport pubbliku qiegħed jinnegozja rati aktar vantaġġjużi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallas il-Gvern mit-2 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Jannar 2014 għall-vettruri li ssostitwixxew il-bendy buses li ġew imneħħija miċ-ċirkolazzjoni f’Awwissu tal-2013?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, mit-2 ta’ Jannar sal-31 ta’ Jannar 2014 l-ammont dovut għall-vetturi li ssostitwixxew il-bendy buses hu ta’ € 743,400.
Ir-rati li qed jiġu mħallsa huma l-istess rati illi kienu ġew innegozjati bejn il-kumpanija Arriva Malta Limited u l-Unscheduled Bus Service, liema rati qed jiġu negozjati biex jkunu aktar vantaġġjużi.
Jista’ l-Minstru jgħid kemm sewa lill-Arriva l-operat tat-trasport pubbliku matul l-2012?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari W162, fejn tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-agreement li sar bejn il-Gvern u l-Arriva Malta Ltd u li jinkludi wkoll l-Annual Report and Financial Statements tal-Arriva Malta Ltd għas-sena 2012.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li kkumisjonat Transport Malta fuq ordnijiet speċifiċi tiegħu f'Awwissu tal-2013 rigward bendy buses li ħadu n-nar?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi nitlob lill-Onor. Interpellant jitgħallem sabiex ikun kostruttiv u mhux distruttiv jekk għandu verament l-interess ta’ pajjiżu l-ewwel. Tajjeb infakkar li r-rakkomandazzjonijiet biex ma jkunx pubbliku l-imsemmi rapport, ġiet mingħand min għamel ir-rapport stess u mhux kif qed jallega l-Onor. Interepellant u dan minħabba l-aspett ta’ sigurtà. Mill-aspett politiku jien kien jaqbilli li dan jiġi ppubblikat kollu għaliex juri kemm id-deċiżjoni li ħadt jien biex nipproteġi l-ħajja tan-nies kienet ibbażata fuq fatti fattwali.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5848 u 6637, peress li l-Ministru qal li x-xogħol preparatorju fuq il-grawnd tal-futbol ta' Birżebbuġa sar fi żmien dan il-Gvern, jista’ l-Ministru jikkwota d-data ta' meta:
a) ġew ippreparati l-pjanti relatati ma’ dan il-proġett;
b) saret l-applikazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar;
ċ) ħarġu l-permessi relatati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar; u
d) bdew jiġu ppreparati l-istimi relatati max-xogħlijiet neċessarji?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-6 ta’ Ottubru 2008 il-Fondazzjoni Sport Birzebbugia issottomettiet applikazzjoni “outline” għal dan il-proġett, liema “outline permit” (PA 766/08) kien approvat fis 16 ta’ Diċembru 2010.
Sussegwentament, ġew ippreparati pjanti dettaljati u ġiet sottomessa applikazzjoni lill-MEPA mill-Periti tal-Gvern għal “Full Development Permit” fit 28 ta’ Lulju 2011 (PA 1170/12).
Madankollu ta’ min wieħed jgħid li fil-budgets ta’ Gvern preċedenti ma kienx hemm flus ivvutati għal dan il-proġett u għaldaqstant kellu jkun il-Gvern preżenti biex jagħti spinta lil dan il-proġett fl-ewwel ftit xhur tat-tmexxija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati fi ħdan l-eks Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali li l-kuntratt definit tagħhom sar wieħed indefinit matul Jannar, Frar u Marzu 2013? Jista’, għal kull wieħed jgħid x’kienet id-data ta’ meta l-kuntratt definit tagħhom sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid min kien li ffirma kull ittra li biha kull kuntratt definit sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid każ b’każ x’kienet il-kariga ta’ kull impjegat? Jista’ jgħid każ b’każ l-istatus li fih l-impjegati kkonċernati ingħataw l-impjieg b’mod indefinit?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li kien hemm xejn inqas minn 84 impjegat fi ħdan l-eks Minsiteru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali li l-kuntratt tagħhom inqaleb minn definit għall-wieħed indefinit matul ix-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2013. Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-Engineering Profession Board il-Ministru naqas milli jaħtar rappreżentant minn fost l-istaff akkademiku tal-Fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta' Malta, kif stipulat mill-Engineering Act Cap. 321?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Engineering Profession Board ma nħatarx rappreżentant minn fost l-istaff akkademiku tal-Fakulta’ tal-Inġinerija fl-Universita’ ta’ Malta, kif stabbilit permezz tal-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija (Kap. 321), għall-fini li sa dak iż-żmien li ġie maħtur il-Bord, kienet tkun deċiżjoni aktar għaqlija li jittieħdu dawn il-miżuri, minħabba l-fatt li kienu għadhom qegħdin isiru diskussjonijiet dwar kif jista’ jiġi emendat l-Att innifsu. Għaldaqstant inħass il-bżonn li jintgħażlu membri tal-Bord minn fost persuni li jkunu jikkwalifikaw għall-warrant taħt l-Att u li setgħa jsir skont l-Artiklu 6 (3) tal-Att.
Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-premess, ikun aktar għaqli li matul dan il-perjodu tranżitorju ta’ sena li għalih ġie maħtur il-bord preżenti, u kemm-il darba ma jidħlux fis-seħħ l-emendi tal-Att, għandu jiġi maħtur rappreżentant minn fost l-istaff akkademiku tal-fakulta’ tal-Inġinerija fl-Universita’ ta’ Malta kif stabbilit bl-Att.
Ir-Rabat (Malta) – Triq Ġorġ Borg Olivier – manutenzjoni fuq il-bankini
Question
Jista’ l-Ministru minnufih jieħu azzjoni biex issir manutenzjoni fuq il-bankini fi Triq Ġorġ Borg Olivier r-Rabat (Malta) li jinsabu fi stat ħażin ħafna u qed ikunu ta’ periklu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, Transport Malta għandha nota tal-istat tal-bankini fi Triq Borg Olivier, Rabat u ser tkun qed tagħmel xogħlijiet skont il-prijoritajiet.