Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li t-toroq Luigi Catania, San Bartolmew u Santa Katerina kollha fil-Għargħur jingħataw it-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq Luiġi Catania u Triq Santa Katerina huma t-tnejn asfaltati, għalhekk titjieb fihom irid isir mill-Kunsill.
Il-parti tat-Triq San Bartolomew li mhiex asfaltata għadu qed isir l-izvilupp fiha u għad iridu jiġu nstallati s-servizzi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Maritime Authority mill-31 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998? Jista' l-Ministru jgħid ukoll, jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għal imsemmi mpjieg?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Public Transport Authority mill-31 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru 1998? Jista' l-Ministru jgħid ukoll, jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għal imsemmi impjieg?
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-regoli tat-Traffic Control Board jew ir-Roads Departments dwar l-għamla ta' sleeping policemen?
Jekk fin-negattiv, jista' t-Traffic Control Board jew ir-Roads Department joħroġ regoli ċari dwar policement, b'mod speċjali meta uħud minn dawn l-ispleeping policmen qed isiru b'mod li jagħmlu ħsara lill-karozzi u l-bini biswit u li f'ħafna każi lanqas jidhru filgħodu aħseb u ara bil-lejl?
Jekk jeżistu regoli, jista' r-Roads Department jew it-Traffic Control Board jara lidawn jiġu obduti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-`road humps (sleeping policemen)` approvati mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku minn Frar ta` l-1995 sa issa kellhom jiġu nstallati skond `specifications` maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Kopji ta` dawn l-`ispecifications` jiġu mibgħuta lill-Kunsilli Lokali ma kull approvazzjoni li tiġi mogħtija mill-Bord. Il-Kunsilli Lokali jiġu mgħarrfa wkoll li għandhom jinstallaw `warning signs` li juru l-pożizzjoni tal-`humps`.
Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku nforma lill-Kunsilli Lokali li dawk il-`humps` li saru mingħajr permess jew mhux skond l-`ispecifications` għandhom jitneħħew.
Kif jista' l-Ministru jiġġustifika l-ammont tal-parking space li sejjer ikun disponibbli għas-sebat iħwienet li hemm fi Triq il-Linja, Ħ'Attard, wara l-modifikazzjoni li saret riċentement? Jikkonsidra l-Ministru li d-Dipartiment tat-Toroq għandu jipprovdi u jutilizza kull spazju possibbli fejn jeżistu numru ta' ħwienet li m'għandhomx alternattiva għal provvediment ta' parking? Jaqbel il-Ministru li t-traffic islands li qegħdin isiru fil-lok imsemmi jistgħu jiġu utilizzati bħala parking space?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pjanti tal-proġett li qed jitwettaq quddiem il-ħwienet f`H`Attard ilu li tfassal snin twal u kien espost għall-konsultazzjoni tal-pubbliku bosta drabi mill-Kunsill Lokali ta` H`Attard. L-ispazju fil-lokalita` ma jippermettix li jkun hemm aktar parking mingħajr ma jitnaqqsu drastikament il-wesgħat tat-toroq minn dawk rikjesti.
In-numru ta` parking space huwa ta` 17 il-karozza.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru, 1998 fil-Maltacom? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Minzel fiż-Żejtun se tingħata wiċċ bit-tarmac minħabba li hi triq li bilfors trid tgħaddi minnha, speċjalment ir-residenti li joqogħdu fi Triq E. Attard Bezzina?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-isqaq indikat mill-Onor. Interpellant hu sempliċiment passaġġ temporanju u ma jistax jiġi asfaltat. Id-Dipartiment tat-Toroq ser jieħu passi biex tkun tista` tinbena l-biċċa ta` Triq il-Falkunier minn Triq San Klement sa Triq E. Attard Bezzina.
Jista' l-Ministru jassigura li l-karozzi tal-linja ikollhom in-numru u d-destinazzjoni ndikati fuq wara? Jista' jara li dawn ikunu nklużi fl-ispecifications il-ġodda tal-karozzi tal-linja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għadu ma ntlaħaqx ftehim mas-sidien tal-karozzi tal-linja biex in-numri tad-destinazzjoni jerġa` jibda jintwera fuq in-naħa ta` wara tal-karozzi tal-linja. Jien infurmat ukoll li l-ispeċifikazzjonijiet tal-karozzi ġodda jispeċifikaw li jrid ikollhom in-numru tad-destinazzjoni fuq wara.
Siġġiewi — Triq Mons. M. Azzopardi - Pelican lights
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mit-talba li saret mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi għat-twaħħil ta' pelican lights fil-Bypass jew kif inhu magħruf Triq Mons. M. Azzopardi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-approvazzjoni għal żewġ installazzjonijiet ta` `Pelican Lights` fi Triq Mons. M. Azzopardi, Siġġiewi, ġiet mogħtija mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi diversi xhur ilu.
Il-Kunsill Lokali kellu jitlob ukoll l-approvazzjoni tal-`Planning Authority` għal dawn l-installazjonijiet.
Il-Kunsill issa għandu l-permessi kollha neċċessarji, u l-proċess sabiex jitwaħlu dawn il-`Pekican Lights` dan l-aħħar nbeda.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex aktar minn nofs tal-culvert li jaqsam Mosta Road, bejn il-palma u l-iskola ġie magħluq permess tax-xogħlijiet li qegħdin isiru bħalissa?
Jaf li minħabba f'hekk jekk tkun ix-xita l-parti l-qadima tar-raħal ta'Ħ'Attard tegħreq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-culvert ġiet spezzjonata u ma jirriżultax li hi mblukkata b`xi materjal iżda parti minnha tgħattit bil-bankina li hija parti mill-proġett li qiegħed jagħmel il-Gvern.
Ta` min isemmi li l-ilma li jinżel fi Triq Ħal Warda naqas drastikament u l-periklu li l-parti l-qadima ta` Ħ`Attard tegħreq ġie eliminat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mid-29 ta' Ottubru sal-31 ta' Diċembru, 1998 fl-Air Malta? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Bordijiet governattivi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu l-ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' l-Ministru jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn sbatax il-Bord Governativ fid-dikasteru tal-Ministeru ghat-Trasport u Komunikazzjoni hemm biss persuna waħda li għandha anqas minn 30 sena. Din il-persuna, li huwa raġel, jagħmel xogħol ta` sostitut tas-Segretarju tal-Port Disputes Board u ma jieħu ebda remunerazzjoni.
Jien infurmat ukoll li n-numru ta` nisa fl-istess Bordijiet huwa tmienja li seba` minnhom jieħdu xi forma ta` Onorarja.
Ser nipprova nara li fil-Bordijiet imsemmija jkun hemm żieda kemm fin-numru ta` żagħżagħ, kif ukoll fin-numru ta` nisa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' taxis, mini buses u karozzi tat-trasport pubbliku reġistrati matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena f'Malta u Għawdex?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġha fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir ir-ring road bejn Triq il-Falkunier u Triq Ħaż-Żabbar fiż-Żejtun?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq beħsiebu jidħol f`diskussjonijiet ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar sabiex il-parti tar-`Ring Road` li tneħħiet minn żona ta` żvilupp terġa` tiddaħħal biex it-triq tkun tista` tinbena.
Sadanittant ittieħdet azzjoni mil-`Joint Office` biex l-art meħtieġa għal bini ta` parti minn din it-triq li tagħti għal Triq E. Attard Bezzina tgħaddi għand id-Dipartiment tat-Toroq biex it-triq tkun tista` tinbena.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Dejma, Triq Dwiemes, Triq it-Tempji u Triq it-Tamburin fiż-Żejtun se jingħataw surface bit-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawn it-toroq għadu qed isir l-iżvilupp fihom u għad hemm postijiet fejn anki l-Main ta` l-ilma għadu temporanju, għalhekk ma jistgħux jiġu asfaltati għal issa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-area ta' Albertown, fil-Marsa tingħata tindifa ġenerali u jsiru l-bankini ġodda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant jaqa` taħt ir-responsabilta` tal-Kunsill Lokali, għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinkariga rappreżentanti tad-dipartiment tat-toroq sabiex jieħu ħsieb jagħmel rapport ta' l-istat tat-toroq ġewwa Ħaż-Żabbar, fil-parti magħrufa bħala ta' San Pietru minn Triq Alessio Erardi sal-konfini tal-Kalkara, billi dawn jinsabu fi stat diżastruż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Inkarigajt lid-Dipartiment tat-Toroq sabiex jagħmel l-ispezzjonijiet issuġġeriti mill-Onor. Interpellant.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni kollha li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarji parlamentari, fejn dan japplika? Għal kull persuna, jista' l-Ministru jindika d-dipartimenti jew azjendi parastatali li ġejjin minnhom, il-grad tagħhom u d-dmirijiet li qegħdin jaqdu bħalissa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratti-ftehim tal-persuni li għandhom jaqdu dmirijiet fis-Segretarjat tiegħi għadu mhux konkluż.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar dawk il-persuni f`dan is-Segretarjat Privat li diġa ffirmaw il-kuntratt-ftehim. Aktar dettalji fuq ir-responsabilitajiet assoċjati mal-pożizzjonijiet ta` dawn l-individwi jinsabu fid-dokument `Engagement of Staff for Private Secretariats` li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fit-2 ta` Novembru 1998.
Risposta sħiħa għal din il-mistoqsija u għall-mistoqsijiet oħra simili tingħata f`xi seduta oħra.