Legislature:
Category:
Reset
Active:

CCF — Priġunieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħabsin fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin illum, x'eta' għandhom u għaliex qegħdin hemm? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma irġiel? Kemm kien hemm li ntbagħtu għall-programm ta' riabilitazzjoni mid-droga flok il-ħabs din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' priġunieri fl-20 ta' Mejju 2004 kien ta' mitejn u tlieta u sebgħin (273). It-tagħrif dwarhom mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija — Membri li tressqu quddiem bord ta' dixxiplina

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li tressqu quddiem bord ta' dixxiplina din is-sena u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm 157 membru tal-Korp tal-Pulizija li għaddew proċeduri sommarji tad-dixxiplina skond it-Tielet Skeda ta' l-Att dwar il-Pulizija (Kap 33), filwaqt li fil-konfront ta' 2 oħra inbdew proċeduri skond ir-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Pulizija — Breathalyser tests

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru breathalyser tests din is-sena u x'kien ir-riżultat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kien hemm 51 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol. Minn dawn, 29 irriżultaw fil-pożittiv, filwaqt li 22 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut.

Pulizija/gwardjani lokali — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew preskritti ċitazzjonijiet is-sena l-oħra, kemm minn dawn inħarġu mill-pulizija u kemm inħarġu mill-gwardjani lokali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika.

Pulizija — Tipjip fil-pubbliku

Question

Issa li huwa magħruf b'mod xjentifiku li t-tipjip huwa ħażin għas-saħħa u nħarġu regolamenti biex jikkontrollaw it-tipjip, ma jaħsibx il-Viċi Prim Ministru li tkun ħaġa tajba li membri ta' korp dixxiplinat bħal pulizija jagħtu eżempju u ma jpejpux fil-pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi membri tal-Korp tal-Pulizija m`humiex permessi li jpejpu waqt li jkunu bl-uniformi fil-pubbliku.

Korp tal-pulizija — Tkeċċija ta' membri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tkeċċew membri tal-korp tal-pulizija mill-korp kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 9 membri li tkeċċew mill-Korp tal-Pulizija wara li kienu nstabu ħatja ta' reati kriminali, filwaqt li 5 oħra tneħħew fl-interess pubbliku.

CCF — Priġunieri li ngħataw amnestija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw amnestiji lill-ħabsin f'dawn l-aħħar 20 sena, għaliex ingħataw u kemm żmien ingħata f'kull kas? Se tingħata amnestija għal dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Proklami li permezz tagħhom ingħataw amnestiji lill ħabsin f'dawn l-aħħar 20 sena. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ngħatat ebda amnestija fl-okkażjoni minnu msemmija.

CCF — Priġunieri li ngħataw home leave

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħabsin li gawdew minn home leave din is-sena, għaliex u għal kemm żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet għall-leave li ġew approvati mill-1 ta' Jannar sa l-14 ta' Mejju 2004 kien mija u ħamsa u tletin (135). Dawn kienu maqsuma kif jidher hawn taħt:- Month Compassionate Family Occasion Special Educational Work January 18 3 4 2 February 19 4 5 3 March 17 4 8 2 April 10 11 4 1 May 14th 10 9 1 Compassionate leave - vista ta' sagħtejn Family occasion - vista ta' erba sigħat Special - appuntamenti għal visti medikali privati, skond il-bżonn.

Reġistru Pubbliku — Twelid ta' trabi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid: i) kemm twieldu trabi lil koppji miżżewġin sena b'sena fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003? ii) Jista' jgħid kemm twieldu trabi lil koppji mhux miżżewġin fl-istess żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fir-Reġistru Pubbliku ma tinżammx statistika tat-tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellanti. Din l-informazzjoni toħroġ mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika li ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi. Madankollu dawn infurmawni bid-dettalji kif murija fit-tabella ta’ hawn taħt: Sena Twelid ta’ trabi fiż-żwieġ Twelid ta’ trabi barra miż-żwieġ Total 2000 3,922 464 4,386 2001 3,436 499 3,935 2002 3,337 569 3,906 2003 3,358 678 4,036

Kwestjonarju dwar il-konċett ta' medjazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġiex ippreparat, b'mod dirett jew indirett, xi tip ta' kwestjonarju sabiex jiġi stabbilit x'inhi r-reazzjoni tal-pubbliku dwar il-konċett ta' medjazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Kwestjonarju għadu ma sarx sal-lum u dan billi kien diġa' maħsub li jsir wara sitt xhur. Fil-fatt il-Kummissjoni Familja għandha tul is-sajf tieħu ħsieb tesegwih.

San Ġiljan — Artijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6069, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema partijiet mill-art li hija murija bil-bordura l-ħamra, hija mikrija? Jista' f'kull każ jgħid għal liema skopijiet hija mikrija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fuq il-pjanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Belt Valletta — Appartamenti tal-Gvern - xiri mill-inkwlini

Question

Peress li n-nies li jgħixu fl-appartamenti tal-gvern ġewwa City Gate fil-Belt Valletta kellhom żewġ okkażjonijiet sabiex jintavolaw petizzjoni sabiex jiġi konċess lilhom id-dritt li jixtru u jakkwistaw l-appartamenti minnhom okkupati b'possession and useu peress li nifhem li kien hemm xi intoppi sabiex dan isir, pero' il-gvern kien wiegħed li se jieħu l-miżuri neċessarji sabiex dan iseħħ, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra jekk il-gvern attwalment ħax dawn il-miżuri u jekk le, meta beħsiebu jeħodhom?

Response (BORG, TONIO)

L-amendi fil-Kapitolu 88 tal-Ordinanza dwar Akkwist ta' Proprjeta` għall-Skopijiet Pubbliċi saru u ġew fis-seħħ f'Marzu 2003. Il-Gvern issa jista' jixtri t-titolu ta' pussess u użu billi jikkapitalizza l-kera bil-1%. Id-Dipartiment tal-Artijiet jieħu l-passi neċessarji skond dawn l-amendi kemm għal din il-lokalita' kif ukoll għal ħafna lokalitajiet oħra, dejjem skond ir-riżorsi finanzjarji li għandu a dispożizzjoni tiegħu.

Qrati — Persuni mħarrka mis-cybercrime unit

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti mis-cybercrime unit tal-pulizija minn mindu din twaqqfet u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi x-xogħol tas-Cyber Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija huwa li tipprovdi assistenza speċjalizzata fl-informatika matul l-investigazzjonijiet u mhux tiprosekwixxi quddiem il-Qorti.

Qrati — Persuni mħarrka mill-iskwadra ta' l-ALE

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti s-sena l-oħra mill-iskwadra ta' l-Administrative Law Enforcement u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2003 in-numru ta' ċitazzjonijiet li ħarġet is-sezzjoni tal-Administrative Law Enforcement tal-Korp tal-Pulizija huwa kif ġej: Nsib32 Kaċċa204 Ġlied ta’ klieb3 Pussess ta’ speċi protetti64 Importazzjoni illegali ta’ speċi protetti9 Żamma ta’ annimali kontra l-liġi8 Kontravenzjonijiet dwar telegrafija20 Evażjoni ta’ dazju15 Kontravenzjonijiet b’dgħajjes187 Kontravenzjonijiet taħt Litter Act21 Kontravenzjonijiet taħt Environment Protection Act47 Kontravenzjonijiet tat-traffiku153 Oħrajn178

Qrati — Persuni mħarrka mill-iskwadra ta' kontra l-vizzji

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti mill-iskwadra ta' kontra l-vizzji u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena l-Iskwadra ta' kontra l-Vizzji ressqet quddiem il-Qorti 133 persuna fuq diversi akkużi fosthom prostituzzjoni, bigamija, korruzzjoni ta' minorenni, logħob illegali, pornografija, stupru u attakk u resistenza fuq uffiċjali tal-Pulizija.

Pulizija — Ħruġ ta' permessi kummerċjali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' permessi kummerċjali li l-korp tal-pulizija awtorizza fil-preżent f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jagħti breakdown lokal lokal fejn jinsabu dawn il-liċenzji/permessi eċċ.?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Persuni li kisbu ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw ċittadinanza Maltija is-sena l-oħra u din is-sena u minn liema pajjiż oriġinarjament kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni barranin li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija is-sena l-oħra u din is-sena huwa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.