Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies seconded mal-Ministeru tiegħu u mil-liema entita' ġejjin?
Jista' l-Ministru jgħid x'salarju qed jirċievu u x'allowance qed jirċievu?
Jista' l-Minsitru jgħid ukoll kemm minn dawn huma appuntati f'bordijiet u f'kumitati u xi ħlas qed jirċievu għal dan l-appointment?
Jista' l-Ministru jgħid f'liema bordijiet qegħdin dawn l-individwi?
Response (BORG, TONIO)
Fil-Ministeru ta' l-Intern ma hemm l-ebda persuna li hija 'seconded'.
12.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalista' Libjana li għandhom residence permit u work permit illum? X'tip ta' xogħol jagħmlu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bħalissa hawn 3 persuni ta' nazzjonalita` Libjana li qegħdin hawn Malta permezz ta' Residence Permit. Infakkar lill-Onor. Interpellant li persuni li qed jgħixu hawn bis-saħħa ta' Residence Permit ma jistgħux jaħdmu f'Malta.
Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' persuni Libjani li għandhom liċenzja ta' impjieg biex jaħdmu Malta huwa 113. Dawn jagħmlu diversi xogħlijiet bħalma huma Diretturi ta' kumpaniji, Managers, Għalliema, Konsulenti u Sportsmen fost oħrajn kif jidher mill-lista ta' nies barranin li għandhom liċenzja ta' impjieg li tiġi ppublikata kull xahar mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni.
12.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' talbiet għall-permessi tal-bini, change of use, eċċ li jinsabu fil-proċess ta' appelli quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara li ġew diġa' rifjutati mill-istess awtorita'? X'inhi fil-fatt l-ispiża globali li tħallset sabiex saru u setgħu jersqu dawn l-appelli quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq l-ewwel nippreċiża li appelli minn deċiżjonijiet ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma jinstemgħux mill-Awtorita` iżda minn Bord ta' Appell dwar l-Ippjanar li huwa awtonomu mill-Awtorita` innifisha.
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 1,089 applikazzjoni b'talba għall-appell minn deċiżjoni ta' l-Awtorita'. Ninsab infurmat ukoll li l-ammont ta' Lm87,120 ġie mħallas biex jiġu sottomessi dawn it-talbiet għall-appell.
12.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mhux jintbgħat pulizija sabiex jidderiġi temporanjament it-traffiku waqt il-funerali li jsiru fil-lokal tar-Rabat, Malta? Jista' l-Ministru jara li jirrimedja għal dan in-nuqqas?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi waqt funzjonijiet reliġjużi fit-toroq, il-Pulizija tieħu dawk il-miżuri għall-kontroll tat-traffiku skond kif dik il-funzjoni partikulari tkun tinħtieġ.
12.05.99 (a.m.)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5919, jista' l-Ministru jikkonsidra li jintroduċi skema ġdida sabiex fir-rigward ta' inċidenti fatali jkun hemm kumpens aktar xieraq lill-familjari tal-vittmi tal-pulizija u cioe' l-gvernijiet permezz tal-voti tal-Ministeru ta' l-Intern jkun responsabbli għall-pagamenti dovuti skond iż-żmenijiet tal-lum u għall-futur?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant diġa` qed jiġi kkunsidrat attivament.
11.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il permess ingħata għal rave parties mill-1 ta' Jannar, 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u s-6 ta' Mejju, 1999, il-Pulizija kienet approvat permess wieħed għall-rave party. Pero` din l-attivita` kienet ġiet imħassra mill-organizzatur.
11.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jintroduċi l-Victim/Offender Rehabilitation Programme li huwa mħaddem f'pajjiżi oħra?
Response (BORG, TONIO)
Fil-programm elettorali tal-gvern hemm l-impenn li tiġi amendata l-liġi sabiex il-vittmi tar-reati ma jibqgħux jitqiesu biss bħala xhieda fil-proċess kriminali imma jkollhom dritt, ħlief f'każi rari, li jkunu preżenti matul is-smigħ kollu. Il-Pulizija flimkien mad-Diviżjoni tal-Politika Soċjali ser ikollhom ir-responsabbilita' li jħarsu l-interessi u jieħdu ħsieb ta' ħtiġijiet tal-vittmi tar-reati li jgħaddu minn trawma wara t-twettieq tar-reati.
Ġie maħtur kumitat b'rappreżentanza tal-Ministeru ta' l-Intern, ta' l-Avukat Ġenerali, tal-Ministeru tal-Politika Soċjali u tal-SWDP biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-gvern dwar dan is-suġġett.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid hux beħsiebu l-Gvern jirriorganizza u jsaħħaħ it-Taqsima tal-Vice Squad u l-Victims Support Unit tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' taħriġ l-membri tal-korp tal-pulizija li jintbagħtu jaħdmu f'din it-taqsima, jingħataw?
Response (BORG, TONIO)
It-tisħieħ ta' l-iskwadra fi ħdan il-Korp msemmija mill-Onor. Interpellanti, huwa proċess li jsir skond il-ħtiġijiet attwali tal-mument. Kif spjegat fil-Pjan Strateġiku tal-Korp tal-Pulizija, il-Korp ser ikompli jinvesti fir-riżorsi umani tiegħu, billi jkunu identifikati l-kwalitajiet tax-xogħol meħtieġ u jitqabblu mal-kwalitajiet li għandhom diġa` l-membri fil-Korp, sabiex b'hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati u organizzati l-programmi ta' taħriġ li jkun hemm bżonn.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk inħarġx xi permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-estensjoni ta' barriera bid-dħul tagħha jkun mill-Fortizza tal-Għargħur?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-dħul għall-estensjoni tal-barriera tal-qawwi f'Birguma li għaliha inħareġ permess mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar huwa l-istess wieħed li jagħti għall-fortizza tal-Għargħur. Fl-għoti ta' dan il-permess ittieħdu dawk il-konsiderazzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex l-istrutturi li jagħmlu parti mill-fortizza ma jiġux effettwati ħażin bħala riżultat tal-operat ta' l-imsemmi sit.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, xahar b'xahar, kemm saru ċitazzjonijiet minħabba dagħa fil-Ground Nazzjonali f'Ta' Qali; f'Pace Grasso; fil-Gozo Stadium u fi grounds oħra tal-football? Matul l-istess żmien kemm saru ċitazzjonijiet minħabba ġlied jew raġunijiet oħra ta' ksur ta' liġi fil-grounds imsemmija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' April 1999, saru dawn iċ-ċitazzjonijiet fil-postijiet speċifikati fil-Mistoqsija : -
Ground Jannar Frar Marzu April
------ ------ ---- ----- -----
Ta' Qali xejn 1 (dagħa) 1 (dagħa) xejn
1 (serq)
Victor Tedesco xejn 1 (dagħa) xejn xejn
Sannat xejn 1 (insulti) xejn xejn
10.05.99 (p.m.)
B'riferenza għall-artikli li dehru fil-ġurnali lokali dwar estensjoni ta' xi gabbani fil-Bajja ta' Għajn Tuffieħa, jista' l-Ministru jinforma lill-kamra x'investigazzjonijiet qed isiru dwar dan il-kas? Meta bdew dawn l-investigazzjonijiet? Liema awtoritajiet huma nvoluti? Meta se jitlestew dawn l-investigazzjonijiet u x'deċiżjonijiet se jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-investigazzjonijiet li saru mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar, il-qlugħ tal-qasab, imsemmi fl-artikolu li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, mhux bilfors jista` jiġi relatat ma tkabbir ta' xi gabbana għalkemm dan ma jistax jiġi eskluż. Dan għaliex ma rriżultax minn kien responsabbli għal dan l-att.
Ninsab infurmat ukoll li mpjegati tad-Dipartiment ta' l-Art u ta' l-Estates Management qegħdin jagħmlu spezzjonijiet fil-lokalitajiet kollha f'Malta u Għawdex fejn normalment jinħarġu permessi għall-gabbani. Dan qed isir biex qabel joħroġ il-permess għas-sena kurrenti, jiġi żgurat li l-gabbani ma jokkupawx sit akbar milli kien permess is-sena ta' qabel.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba saru talbiet għall-estensjonijiet ta' art u bini fuq ir-Ramla tal-Bajja ta' Għajn Tuffieħa lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Meta saru u x'permessi ngħataw f'kull każ? Kemm kienu t-talbiet li saru mis-sidien tal-gabbani f'din il-bajja u ġew rifjutati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'permessi għandhom mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar is-sidien tal-gabbani ta' Għajn Tuffieħa sabiex jagħmlu l-iżviluppi, kif rapportati f'ġurnal lokali riċentement?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-uniku permessi eżistenti huma referuti fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6315.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hemm permessi għall-gabbani fil-Bajja ta' Għajn Tuffieħa? X'qisien suppost li dawn jokkupaw fuq ir-ramla skond il-permess tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, fis-snin li għaddew, id-Dipartiment ta' l-Artijiet kien ta tlett permessi għal gabbani fil-Bajja ta' Għajn Tuffieħa, liema permessi jridu jintalbu kull sena. Dawn il-gabbani għandhom ukoll liċenzja tan-negozju mill-Pulizija.
Fil-każ ta' żewġ gabbani l-permess kien ikopri 20 metru kwadru kull waħda, u waħda minnhom kellha permess għal żewġ gabbani fuq xulxin minħabba d-dislivell tat-triq. L-oħra ma kelliex speċifikat id-daqs ta' l-art li trid tokkupa.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta żgħażagħ taħt it-18-il sena ma jingħatawx il-liberta' proviżorja mill-Qorti jitħallewx jitħalltu ma' priġunieri oħra li jkunu diġa' ġew ikkundannati għaliex instabu ħatja ta' ksur ta' liġi?
Peress li x-xahar li għadda kien hemm tfal ta' 15-il sena li ma ngħatawx il-liberta' proviżorja wara akkużi ta' stupru, ma jaħsibx il-Ministru li għandu jkun hemm post riservat għall-każi bħal dawn, dejjem biex żgħażagħ ikunu jistgħu jiġu mgħejjuna flok il-possibilta' li jsiru kriminali agħar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ż-żgħażagħ ta' taħt it-tmintax-il sena li jittieħdu fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin minħabba li ma jingħatawx il-liberta' proviżorja mill-Qorti, jitpoġġew fid-diviżjoni taż-żgħażagħ magħrufa bħala l-'YOURS'. Għandu jingħad li din id-diviżjoni issa ġiet trasferita fil-blokk il-ġdid ġewwa l-Faċilita' Korrettiva stess.
Ninsab infurmat ukoll li t-tlett żgħażagħ li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, kienu nżammu fid-diviżjoni taż-żgħażagħ matul il-ħdax-il ġurnata li dawn għamlu taħt arrest preventiv.
10.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid xi programmi ta' taħriġ u/jew re-training il-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw u f'liema oqsma? Dawn il-programmi huma regolari? Meta nbdew? Kull membru tal-korp jattendi għalihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li prinċipalment il-programmi ta' taħriġ u ta' 're-training' għall-membri tal-Korp tal-Pulizija jsiru fl-Akkademja tal-Ġustizzja Kriminali u jsiru fuq erba' livelli, jiġifieri : -
a) korsijiet basiċi ta' taħriġ għall-rekluti qabel ma' jsiru membri tal-Korp;
b) korsijiet intiżi biex jgħinu membri tal-Korp biex jottjenu kwalifiki akkademiċi jew jissuperaw eżamijiet għar-rank ta' surġent u spettur;
c) korsijiet ta' 're-training' magħrufa bħala 'in-service' jew 'refresher courses'; u
d) korsijiet f'oqsma speċjalizzati.
Dawn il-korsijiet bdew u komplew isiru fuq bażi regolari sa mill-ftuħ ta' l-Akkademja fis-sena 1998, u jattendu għalihom membri tal-Korp fir-rankijiet minn pulizija sa Assistent Kummissarju. Korsijiet speċjalizzati jsiru wkoll barra minn Malta.
10.05.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba b'dati l-pulizija għamlet voluntary extra duty mill-5 ta' Settembru, 1998 sat-28/2/99 fid-distretti tal-Mosta, Tas-Sliema, Ħal Luqa u Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
It-tagħrif dettaljat hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant jinħtieġ ħafna żmien u riżorsi biex jinġabar li ma nħossx li hu ġustifikat.
Dwar in-numru ta` drabi li l-Pulizija għamlet extra duty fid-distretti fil-perjodu speċifikat fil-Mistoqsija ninsab infurmat kif ġej:-
Mosta 680
Sliema 2,471
Luqa 797
Għawdex 824
10.05.99 (a.m.)
Seduta 92
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ittowjati u kklampjati vetturi fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' l-Ministru jagħti l-figuri xahar b'xahar? Jista' jgħid liema kienu l-ibliet u l-irħula fejn sar dan ix-xogħol? Kemm daħħal flus il-gvern minn kull waħda minn dawn il-kontravvenzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bid-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant li tirreferi għall-ewwel tlett xhur ta' din is-sena. Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar April għadha qed tinġabar.
10.05.99
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena kemm-il darba l-qrati f'Malta u f'Għawdex ikkritikaw l-operat tal-Pulizija f'xi każ u speċifikament talbu li jittieħdu passi kriminali kontra tagħhom? Liema kienu dawn il-każi u kemm kien hemm pulziija nvoluti f'kull każ? Fil-fatt ittieħdu passi kriminali kontra l-membri tal-Korp? Waqt li jkunu għaddejjin passi kriminali kontra membri tal-Korp dawn jiġu sospiżi mid-doveri tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta Jannar u s-26 ta April, 1999, kien hemm każ wieħed, `Il-Pulizija vs Vincent Bugeja, Thomas Zammit, Charles Bugeja` li dwaru l-Qorti ordnat lill-Avukat Generali jipproċedi kontra l-membri tal-Korp involuti f`dan il-każ b`akkużi ta` spergur, abbuż ta` poteri tal-Pulizija u ta` uffiċjali pubbliċi, swat u ħsara volontarja ta` proprjeta`. Il-membri tal-Korp involuti kienu erbgħa tat-Taqsima tat-Tifi tan-Nar. Dwar jekk ittieħdux passi kriminali, infurmat illi min-naħa tal-Pulizija dan il-każ għadu qed jiġi nvestigat.
10.05.99 (a.m.)