Jista' l-Ministru jgħid fejn hi r-residenza ta' l-għalliema fl-iskejjel Primarji ta' Bormla, Birgu u Isla?
Jista' jgħid kemm-il sena ilhom jgħallmu fl-istess skola kull għalliem?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel li użaw it-track tal-Marsa filgħodu skond it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru. 20462 dejjem matul din is-sena?
Kemm ħallsu kull darba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel tal-Gvern li użaw it-track matul il-ġurnata kienu:-
Sir Adrian Dingli (darbtejn)
Sec. Schools combined meeting (4 darbiet)
Ġuże` Galea, Ġużeppi Despott Lyceum
Liċeo Vassalli, Qormi St Sebastian
Lorenzo Gafa` (mingħajr ħlas)
Barra minn hekk, Chiswick House School (darbtejn), St Catherine High School (darbtejn) St Elias College, St Albert the Great College, St Edward College (4 darbiet), Mother Theresa School, San Andrea School, St Martin School, St Dorothy (Sliema), Stella Maris College, Thai Lakin School, St Aloysius College, St Dorothy (Żebbuġ) organizzaw l-Isports Day tagħhom il-Marsa. Dawn ħallsu Lm30 kull darba li għamlu użu mill-faċilitajiet.
Mir-risposti mogħtija għal mistoqsijiet 20462 u din il-mistoqsija, jidher ċar li ma hemmx id-disorganizzazzjoni kif semma' l-Onor. Membru fil-mistoqsija numru 20462.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija nru. 20447 jista' l-Ministru jgħid meta saru l-applikazzjonijiet tal-Malta Football Association u l-Malta Amateur Bodybuilding Association għall-għajnuna tat-testijiet tad-doping? X'intalab?
X'għajnuna ngħatat għall-istess skop matul l-1999? Lil-liema għaqdiet ingħatat l-għajnuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-talba ssir billi l-għaqdiet konċernati jibgħatu l-kontijiet imħallsa minnhom sabiex dawn jiġu 're-imbursed' mill-Gvern.
Fil-każ tal-Malta Amateur Body Building Association, it-talba kompluta waslet fit-13 ta' Ottubru 2000.
Għar-rigward tal-Malta Football Association, dawn bgħatu talba ta' Lm4,000 mingħajr irċevuti. Dawn l-irċevuti intalbu fid-29 ta' Awissu 2000 u sa llum, dawn għadhom ma' waslux.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 20460: Kemm jinżamu flus għall-kull booking? Kemm saru bookings għal din is-sena? X'kien id-dħul għad-dipartiment s'issa din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlas għall-bookings ivarja skond il-faċilita` użata.
Il-linja ġenerali ta' ħlas hija hekk:
Gruppi Barranin - Lm50 kull sessjoni ta' sagħtejn
jew Lm2 kull sessjoni kull atleta
Gruppi Lokali
Skejjel/Clubs - Lm30 għall-użu tat-track ta' l-atletika u
Lm25 għall-tal-grounds tal-ħaxix tal-football.
Dawk l-għaqdiet li jagħmlu użu tal-faċilitajiet tal-Marsa fuq bażi regolari iħallsu rata mnaqqsa skond kif isir il-ftehim.
Informat ukoll li l-bookings li fil-fatt jinqdew fil-Marsa Grounds ilaħħaq għal madwar 1300 f'għaxar xhur. Dan jinkludi l-użu regolari mill-Marsa FC, Valletta FC, Floriana FC, Malta Rugby Union, Federazzjoni tan-Netball, Gvern u Parastatali u entitajiet oħra li minn żmien għal żmien jitolbu użu skond il-ħtieġa tagħhom, bħal fil-każ ta' meta intuża mill-Inter FC.
Entitajiet governattivi, kif ukoll għaqdiet u clubs li huma bbażati l-Marsa ma jħallsux għall-użu tal-faċilitajiet għall-attivitajiet tagħhom.
Id-dħul għal din is-sena s'issa tela' għal Lm3,671.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Boys Scouts ta' Ħal Qormi se jingħataw post xieraq minn fejn joperaw peress li ilhom mit-twaqqif tagħhom joperaw minn post taħt it-triq u bil-għan li anke jkunu jistgħu jkabbru l-attivita' tagħhom f'post fejn jenħtieġ ferm li jikbru u jissaħħu l-attivitajiet indirizzati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li normalment ikunu l-għaqdiet infushom li jindikaw xi fond li jkun jista' jospita l-funzjonijiet tagħhom. Jekk il-Qormi Boy Scouts jafu b'xi propjeta` tal-Gvern mhux użata u li fil-lokalita` li tista' taqdi dawn il-ħtiġijiet u jagħmlu talba għaliha din tkun ikkunsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-lift tal-Junior College, Ġan Franġisk Abela fl-Imsida jista' biss jintuża mill-għalliema u mhux mill-istudenti?
Jista' l-Ministru jgħid min ħa din id-deċiżjoni u x'kienet ir-raġuni għaliha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-uniċi żewġ lifts fil-bini tal-Junior College ilhom fis-servizz snin twal u jeħtieġ li jinbidlu. Mhux konċepibbli li dan il-lift ikun disponibbli għall-aktar minn 2700 ruħ.
Il-lift li jintuża mill-istaff akkademiku u mhux akkademiku ta' xi 250 impjegat. L-istudenti li għandhom ċertifikat mediku li jitlob il-bżonn ta' l-użu ta' dan il-lift qegħdin jużawh ukoll. Din id-deċiżjoni ġiet meħuda mill-Amministrazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ilmenti dwar nuqqasijiet ta' trasport għall-iskejjel li ġew irrapportati lid-dipartiment mindu bdiet is-sena skolastika?
X'inhija l-pożizzjoni llum fid-dawl ta' dawn l-ilmenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mindu bdiet is-sena skolastika 2000-2001 kellna madwar 30 ilment fl-ewwel ġranet minn madwar 1600 trip kuljum. Il-pożizzjoni fil-preżent hi sodisfaċenti.
Jista' l-Ministru jinformani jekk hemmx arranġamenti bejn id-Dipartiment tal-Kultura u dipartiment/awtoritajiet oħra sabiex garaxxijiet abbandunati fl-Imtarfa jiġu wżati mid-deletanti li jarmaw il-karrijiet tal-Karnival?
Jekk iva, meta u meta bdew jintużaw dawn l-arranġamenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-sitwazzjoni ta' użu ta' propjeta` tal-Gvern għall-iskopijiet ta' kostruzzjoni ta' karrijiet tal-Karnival hija waħda mimlija irregolaritajiet li f'xi mument jeħtieġ li jiġu indirizzati. Il-ħsieb għal dawn l-aħħar snin kien li jinbena villaġġ għall-karrijiet tal-karnival iżda minħabba prioritajiet oħra, il-proġett ma setax jitwettaq. Id-dewmien għas-soluzzjoni ta' din il-problema m'għandhom qatt jiġu interpretati bħala xi aċċettazzjoni min-naħa tal-Gvern tal-pussess tal-propjeta` tiegħu li, fejn m'hemmx prova kontrarja, huma kollha abbużivi u kontra l-liġi. Dwar il-garaxxijiet imsemmija fl-Imtarfa hemm diskussjonijiet bejn id-Dipartimet tal-Kultura u d-Diviżjoni tas-Saħħa.
Jista’ l-Ministru jgħid x'qed isir biex il-part-time clerks fl-iskejjel jiġu upgraded partikolarment fejn m'hemmx Assistant Head u dawn ikollhom jerfgħu ħafna responsabbilta' fix-xogħol amministrattiv ta' l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Ix-xogħol ta' part-time clerks fl-iskejjel ma għandux x'jaqsam max-xogħol ta' Assistenti Kapijiet. Ta' l-ewwel huwa xogħol klerikali/amministrattiv u tat-tieni huwa xogħol edukattiv/maniġerjali.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex xogħol ta' manutenzjoni li kellu jsir fis-sajf fl-iskola primarja ta' Bormla ma sarx sabiex qed isir issa meta l-istudenti qed jattendu l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalkemm ix-xogħol fuq l-irranġar ta' toilets fl-Iskola Primarja, Bormla, beda fil-bidu tas-sajf li għadda dan waqaf għal xi żmien minħabba li saret talba għal varjazzjoni fix-xogħol u għal xogħol addizzjonali. L-approvazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet ingħatat lill-kuntrattur f'nofs Settembru meta seta' jitkompla x-xogħol.
Il-Kumpanija Kalaxlokk għandha l-inkarigu li tibdel is-saqaf tat-tromba tat-taraġ ta' l-imsemmija skola. Minħabba raġunijiet tekniċi x-xogħol ma setax jibda fis-sajf li għadda u għalhekk ittieħdu prekawzjonijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa ta' min jagħmel użu mill-imsemmi taraġ. Hemm ħsieb li l-Kumpanija Kalaxlokk tagħmel dan ix-xogħol matul il-vaganzi ta' l-Għid.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet hemm bżonn li jsiru fl-iskola Primarja ta' Bormla?
Jista' l-Ministru jserraħ ras il-ġenituri li m'hemmx ħsarat fis-soqfa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Primarja, Bormla, jinħtieġu dawn ix-xogħlijiet:
* Tibdil tas-saqaf tat-tromba tat-taraġ
* Tiswijiet u tibdil ta' numru ta' aperturi
* Tiswija tal-kolonni fil-faċċata
* Tiswijiet fil-waterproofing membrane
* Ridekorazzjoni ta' klassijiet u kuriduri.
Is-saqaf tat-tromba tat-taraġ li sa jinbidel tul il-vaganzi ta' l-Għid mill-Kumpanija Kalaxlokk, twaħħal taħtu tagħmir għall-iskansar mill-periklu. Għaldaqstant ġejt assigurat dwar is-safety u s-sigurta` meħtieġa għal kulħadd.
Jista l-Ministru jinforma l-Kamra (a) kemm visitaturi marru jaraw l-Ipoġew, (b) kemm ħallsu għal dan il-għan u (c) jekk kienx hemm tfal ta' skejjel primarji u sekondarji li marru hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:-
a) Bejn Awissu u Settembru 2000, marru jaraw l-Ipoġew 2626 visitaturi.
b) 2452 visitaturi ħallsu għal dan il-għan.
c) S'issa ma kienx hemm tfal ta' skejjel primarji u sekondarji li marru hemm.
Jista' l-Ministru jinforma l-Karma kemm tfal ta' l-iskejjel primarji ttieħdu sabiex jaraw uħud mill-mużewijiet u postijiet storiċi tagħna.
Jista' wkoll jiġi ndikat post post bl-ammont ta' tfal li marru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux possibbli jingħad kemm tfal ta' l-iskejjel primarji ittieħdu jaraw uħud mill-mużewijiet u postijiet storiċi tagħna peress li l-istatistika li tinżamm, tinżamm għal tfal ta' l-iskejjel kollha.
Informat ukoll li bejn Jannar u Settembru 2000, 28060 tfal ta' l-iskejjel ittieħdu jaraw uħud mill-mużewijiet u postijiet storiċi tagħna.
Post post l-ammont ta' tfal li marru huma:
Museums of Archaeology 1962
Museums of Fine Arts 546
Museum of Natural History 2577
Museum of Roman Antiquities 2154
Għar Dalam Cave and Museum 2226
Ħaġar Qim Temples 2008
Inquisitor's Palace 1795
Maritime Museum 928
Palace Armoury 1791
Palace State Rooms 1257
St Paul's Catacombs 1382
Ħal Saflieni Hypogeum /
Tarxien Temples 2053
War Museum 647
Museum of Archaeology, Gozo 806
Museum of Folklore, Gozo 1244
Museum of Natural Science, Gozo 341
Ġgantija Temples, Gozo 2721
Windmill, Gozo 1622
B'konnessjoni mar-IV Edizzjoni Konkors Kitba għall-Palk Francis Ebejer organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura fl-1999, kemm nefaq id-Dipartiment tal-Kultura biex isir id-dramm rebbieħ "Kull Ġieħ u Glorja fit-Teatru Manoel"?
Min ħadu d-dħul li kien hemm mill-bejgħ tal-biljetti? Għaliex id-Dipartiment tal-Kultura ddeċieda li jiffinanzja d-dramm "Tkun Darb'Oħra, Mikelanġ" biex dan ukoll isir fit-Teatru Manoel meta d-dramm la ħa t-tieni jew it-tielet premji u ġie l-aħħar wieħed fost il-ħamsa li ssemmew b'ġieħ?
Id-Dipartimenti tal-Kultura beħsiebu jiffinanzja d-drammi li ġew it-tieni u t-tielet u l-erba' l-oħra li ssemmew qabel "Tkun Darb'Oħra, Mikelanġ" biex dawn ikunu jistgħu jsiru wkoll? Jekk le, din ma tkunx diskriminazzjoni kontra dawn? Kemm ħareġ flus id-Dipartiment tal-Kultura għall-"Tkun Darb'Oħra, Mikelanġ" u kif tqassmu?
Min se jieħdu d-dħul li jkun hemm mill-bejgħ tal-biljetti għal dan id-dramm? Kemm ħarġet l-Universita' ta' Malta f'pustaġġ, stampar ta' karti, eċċ biex tagħmel propaganda lil "Tkun Darb'Oħra, Mikelanġ" u għaliex l-Universita' ddeċidiet li tagħmel dan?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li:-
a) L-ispiża kienet ta' Lm3298 kollox inkluż anke l-kiri tat-Teatru Manoel
bl-ispejjeż tiegħu.
b) Id-dħul mill-biljetti ħadu d-Dipartiment tal-Kultura.
c) Ma kienx hemm klassifika f'dawk id-drammi li fil-fehma tal-ġurija
"spikkaw fuq l-oħrajn".
d) Mhux l-ewwel darba li d-Dipartiment tal-Kultura għin fil-produzzjoni
ta' drammi bil-Malti u mhux biss dawk li jkunu ġew ippremjati f'xi
konkors.
e) Le
f) Id-Dipartiment tal-Kultura sponsorja parzjalment dan id-dramm billi ser
joħroġ Lm2000. Dawn ikopru biss parti mill-ispejjeż ta' din il-produzzjoni.
Informat ukoll li l-Universita` ma nefqet xejn fl-istampar ta' ebda materjal b'konnessjoni mad-dramm "Tkun darb'oħra, Mikelanġ". Hija parti mill-'mission statement' tal-Precincts Office li jgħin kemm lill-istudenti kif ukoll lill-istaff ta' l-Universita` fl-organizzazzjoni u l-promozzjoni ta' attivitajiet kulturali organizzati minnhom. Is-somma totali li ntefqet f'pustaġġ in konnessjoni mad-dramm imsemmi keinet ta' Lm15.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal ilmenti pendenti dwar transport ta' l-iskejjel?
Jinżamm rekord dwar dan?
Liema sezzjoni hi nkarigata minn ilmenti dwar transport?
Din is-sessjoni għandha customer service? Jekk iva, x'ħinijiet jaħdmu? Fejn hi stazzjonata din is-sezzjoni? Minn min hi komposta u x'inhuwa l-grad tagħhom?
X'channels iridu jużaw min ikollu lment dwar transport ta' l-iskejjel?
X'inhi l-ispiża għat-trasport ta' l-iskejjel fis-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemmx ilmenti pendenti pero' f'dan it-tip ta' xogħol l-uffiċċjal responsabbli ikun qed isegwi l-andament tat-trasport fuq każi ta' kuljum.
Rekords ta' l-ilmenti jinżammu ta' kuljum mill-bidu tas-sena skolastika.
L-uffiċjal inkarigat mit-trasport u l-uffiċju tiegħu jilqgħu l-ilmenti waqt il-ħinijiet ta' l-uffiċju. Dan l-uffiċju jinsab fil-bini tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fil-Furjana u hu kompost mis-Sur Mario Abela (Enforcement Officer I) uffiċjal inkarigat mit-trasport ta' tfal, u mis-sinjorina Cecilia Pace (General Hand) li tagħmel xogħol klerikali.
Kull min ikollu xi lment għandu jċempel fuq in-numru 225124. L-ispiża biex jitwasslu mat-tlieta u għoxrin elf student/a kuljum taqbeż il-miljun lira Maltin fis-sena.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm studenti l-Universita' minn kull raħal u belt f'Malta u Għawdex fl-1985, 1986 u sa Mejju 1987 u fl-1999 u 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhuwiex possibbli li tingħata l-informazzjoni mitluba għas-snin 1985,1986 u 1987 peress li f'dak iż-żmien l-informazzjoni ma kinetx komputerizzata. L-informazzjoni għas-snin 1999 u 2000 tingħata f'seduta oħra peress li matul ix-xahar kollu ta' Ottubru jkun hemm ħafna ċaqliq ta' studenti minn kors għall-ieħor, kif ukoll studenti li għalkemm ikunu aċċettati f'xi kors ma jibdewx il-kors u għalhekk ir-reġistru ta' l-istudenti ma jkun stabbli qabel nofs Novembru.
B'referenza għall-mistoqsija numru 19902, jista' jagħti ċ-ċifra ta' kemm intefqu flus f'hospitality u jagħti breakdown ta' kif intefqu?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-persentaġġ ikkwotat fil-mistoqsija parlamentari Numru 19902 jirreferi għaċ-ċifra allokata għal vot ta' hospitality fl-Estimi Ġenerali u għalhekk huwa faċli għall-Onor. Membru li joħroġ iċ-ċifra li talab.
Dwar il-breakdown ta' kif intefqet iċ-ċifra m'għandix x'inżid mat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 19173 fuq l-istess suġġett.
Royal National Institute for the Blind — Sponsorship
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidraxli l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament u li hija nieqsa mid-dawl, tingħata sponsorship mill-Gvern sabiex tkun tista tattendi ir-Royal National Institute for the Blind ġewwa ir-Renju Unit?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament hija studenta li tattendi l-iskola Helen Keller il-Qrendi tliet darbiet fil-ġimgħa u darbtejn oħra fl-iskola Sekondarja tal-Bniet Fra Diego Bonanno Marsa.
Ir-Royal National Institute for the Blind (RNIB) hija istituzzjoni volontarja ġewwa l-Ingilterra li tipprovdi servizz ta' konsulenza, u appoġġ fir-rigward ta' persuni neqsin mill-vista, iżda ma toffri ebda provvediment edukattiv.
It-taqsima Bżonnijiet Edukazzjoni Speċjali għandha kuntatti mar-Royal National Institute for the Blind fir-rigward ta' informazzjoni aħħarija dwar l-edukazzjoni ta' persuni neqsin mill-vista.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bini tal-iskola primarja A ta' Raħal Ġdid?
Kemm fadallu biex jintemm?
Jistgħu jittieħdu passi biex l-iskola tinżamm nadifa peress li hemm tfal bl-asthma li qed jitilfu ħafna jiem ta' skola minħabba t-trab li hemm fl-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta' bini tat-toilets ta' l-iskejjel Primarji 'A' u 'B' Raħal Ġdid, ilu lest minn Settembru li għadda. Baqa' biss xogħlijiet żgħar ta' irfinar li qed isiru f'dawn il-ġranet.
Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika li għaddiet u f'din li għadha kemm bdiet liema skejjel tal-Knisja daħlu studenti ġodda fihom fil-klassijiet 2 - 6 tal-Junior u f'Forms 2 - 5 tas-sekondarja?
Kemm daħlu studenti f'dawn is-snin f'kull skola?
B'liema kriterji ġew magħżulin biex jidħlu dawn l-istudenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni mhix f'pożizzjoni li tagħti l-figuri li qed jitlob l-Onor. Membru.
Dawn il-figuri ma jintalbux lill-iskejjel tal-Knisja għar-raġuni li l-proċedura ta' kif jimtlew postijiet battala, u li normalment huma ftit, f'dawn l-iskejjel wara dħul fl-ewwel klassi tal-'Junior School' u f'Forms 2-5 tas-sekondarji, hi totalment f'idejn l-amministrazzjoni ta' l-iskejjel konċernati u d-Diviżjoni ma tidħolx fihom sakemm in-numru fil-klassijiet ma jaqbiżx in-numru stabbilit fin-'National Minimum Conditions'.