B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 6180 u 6651, jista’ l-Ministru jgħid, meta Transport Malta tagħti l-approvazzjoni tagħha biex jiġu stallati billboards fuq siti li huma proprjetà tagħha, kemm hi l-kirja f'termini ta' flus u għal kemm tul ta' żmien? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-approvazzjonijiet u oġġezzjonijiet li ħarġu minn Transport Malta fir-rigward tal-konsultazzjoni li saret magħha mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlametari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-approvazzjoni għat-tqegħid ta’ billboards tingħata mill-Awtorità tal-Ambjent u Ippjanar. Transport Malta toħroġ biss No Objection mil-lat ta’ sigurtà fit-toroq. L-Awtorità ma nediet l-ebda skema ta’ kirjiet għat-tqegħid ta’ billboards fit-toroq. Il-lista tal-approvazzjonijiet u oġġezzjonijet kif mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6652, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Persuni b'Diżabilità taqbilx mad-deċiżjoni tal-gvern preżenti illi l-kaxxi tal-parkeġġ għal persuni b'diżabilità ma jiġux personalizzati u għalhekk persuna b'diżabilità ma jkollhiex parkeġġ assenjat lilha quddiem ir-residenza tagħha bil-probabilità illi ma ssibx tipparkja u għalhekk tkun qiegħda tonqos l-aċċessibilità għal persuni b'diżabilità?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilità (KNPD) taqbel mad-deċizjoni tal-Gvern preżenti li l-parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabbilita’ ma jiġux awtomatikament personalizzati kollha kif kien qed jiġi propost mill-Amministrazzjoni preċedenti. Il-Kummissjoni talbet li jiġi mfassal qafas fejn il-ftit każijiet speċjali biss jistgħu jiġu kkunsidrati għal parkeġġ riservat personalizzat. L-Amministrazzjoni tal-Gvern preżenti ser tikkunsidra din il-proposta tal-Kummissjoni għax temmen fl-aħjar interessi għall-persuni b’diżabbiltà.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6653, jista’ l-Ministru jissostanzja l-allegazzjoni tiegħu illi din il-persuna ma ngħatatx libertà li tieħu d-deċiżjonijiet tekniċi neċessarji u timxi skont il-proċeduri fil-libertà? X'deċiżjonijiet din il-persuna ħasset li kellha tieħu u ma tħallietx teħodhom? Min ma ħallihiex tieħu dawn id-deċiżjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 6653.
L-Imrieħel – xogħlijiet ta’ tiswija fuq l-Akkwadott ta’ Wignacourt
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet ta’ tiswija fuq l-Akkwadott ta’ Wignacourt fl-Imrieħel viċin ta’ fejn topera l-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji? Jista’ jgħid għala dan ilu fi stat imkisser sa mis-27 ta’ Diċembru 2013?
Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jokkupa l-pożizzjoni ta' chief enforcement officer ma’ Transport Malta? Jekk din il-pożizzjoni hi vakanti, kif se timtela din il-vacancy, b'call for application interna jew esterna? X'livell ta' edukazzjoni jrid ikollu min ikun eliġibli għal din il-pożizzjoni? X'esperjenza jrid ikollha/a min ikun eliġibbli għal din il-pożizzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pożizzjoni ta’ Chief Officer Enforecement għadha vakanti. Il-kompetenzi, l-esperjenza u l-livell t’edukazzjoni mitluba se jiġu indikati fil-Call for Applications għal din il-pożizzjoni meta din tinħareġ.
L-Imqabba – Sqaq Buħar fi Triq il-Parroċċa – tarmak
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6639, jista’ l-Ministru jgħid konkretament meta l-Kunsill Lokali għandu l-ħsieb li jibda x-xogħol ta' għoti ta' tarmac fi Sqaq Buħar f'Triq il-Parroċċa, l-Imqabba? Saru stimi dettaljati biex isir dan ix-xogħol flimkien mal-applikazzjonijiet għal permessi neċessarji? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn li stimi u tal-applikazzjoni għal permessi neċessarji?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
L-Imqabba – Sqaq Buħar fi Triq il-Parroċċa – tarmak
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6640, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istat tal-wiċċ ta' din it-triq/sqaq ġiex verifikat fuq il-post minn uffiċjali ta' Transport Malta u għalhekk hux f'pożizzjoni li jgħid x' tip ta' asfaltar għandu dan l-isqaq?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6640.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5864 u 6643, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx stima mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet ta' kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol u jekk il-Ministeru għandux il-ħsieb li dan ix-xogħol jibda s-sena d-dieħla?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nerġa nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 5864, ninfurmah li x-xogħol ta’ tisbieħ tal-imsemmi proġett hu stmat li jiswa is-somma ta’ €80,747.70.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet in-nefqa tax-xogħol li sar madwar Malta u Għawdex għal dak li hu xogħol li sar fuq iz-zuntier tal-knejjes differenti madwar il-Gżejjer maul l-aħħar tnax-il xahar? Liema kienu l-knejjes li sar ix-xogħol fuq iz-zuntier tagħhom matul dan l-istess perijodu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dawn l-aħħar 12-il xahar sar xogħol fuq żewġ zuntieri. Dak tal-Parroċċa ta’ San Gużepp il-Kalkara li fuqu sal-lum saru ħlasijiet ta' €144,000 (in-nefqa sħiħa fuq dan il-proġett mistennija li tlaħħaq €233,717) u dak tal-paroċċa ta' San Gejtanu l-Ħamrun li fuqu sal-lum saru ħlasijiet ta' €30,224.(in-nefqa sħiħa fuq dan il-proġett mistennija li tlaħħaq €65,299).
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-ħames inċidenti ta' ħruq ta' karozzi tal-linja li ġraw kemm ilha li l-Malta Public Transport Ltd. ħadet l-operat tat-trasport pubbliku f'idejha, dawn il-vetturi kenux armati b'fire extinguishers? Jekk dawn il-vetturi kellhom il-fire extinguishers, kemm kienet ilha ma ssir manutenzjoni fuq dawn il-fire extinguishers?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7616 fejn ġie spjegat li l-ħames inċidenti li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant ma kienux kollha relatati ma’ ħruq. Dawn l-inċidenti seħħew fuq erba’ xarabanks, peress li kien hemm żewġ inċidenti ta’ natura mhux relatata li ġraw fuq l-istess xarabank.
Infurmat ukoll li minn informazzjoni ipprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, x-xarabanks involuti f’ dawn l-inċidenti kienu kollha mgħammra b’fire extinguishers. F’erba’ każijiet il-fire extinguisher intuża waqt l-inċident, filwaqt li f’wieħed mill-inċidenti fejn ix-xarabank ħadet in-nar ġewwa Burmarrad, il-fire extinguisher ma ntużax minħabba li skont l-istqarrija li għamel ix-xufier dan kien vojt.
Il-fire extinguishers jiġu ċċekjati ta’ kuljum bħala parti mill-ispezzjoni li ssir mix-xufiera li jkunu qed jagħmlu użu mix-xarabank qabel ma’ din tinħareġ fuq is-servizz tat-trasport pubbliku. F’każ li fire extinguisher ma jilħaqx il-kriterji mitluba, dan jinbidel immedjatament u jintbagħat għall-manutenzjoni neċessarja.Wara li seħħ l-inċident ta’ Burmarrad, l-operatur tat-trasport ħareġ ċirkulari lill-ħaddiema kollha sabiex ifakkarhom dwar l-importanza li jsiru dawn l-ispezzjonijiet, li jinkludi ċċekkjar fuq il-gauge tal-fire extinguisher. Barra minn hekk, Transport Malta għamlet eżerċizzju fejn ġew iċċekkjati il-fire extinguishers kollha sabiex jiġi assigurat li kollha qed jaħdmu sew.
Jista’ l-Ministru jgħid min laħaq direttur ġenerali taċ-Civil Aviation fi ħdan it-Transport Malta dan l-aħħar? Jista’ jgħid kif ġie impjegat id-direttur taċ-Civil Aviation, jekk hux permezz ta' call for applications jew a bażi ta' position of trust? Jekk ħarġet call for applications, min applika għal dan il-post? X'paga u x’remunerazzjoni hemm marbuta ma’ dan il-post?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li George Borg Marks ġie appuntat Direttur Ġenerali (Interim) Civil Aviation mill-20 ta’ Jannar 2014. Ma kien hemm l-ebda tibdil fil-paga u remunerazzjoni tiegħu minn dik id-data ‘l hawn.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li qed jagħmlu l-overtime f'kull dipartiment fi ħdanTransport Malta, kif ukoll ma’ liema direttorat huma attached u ma’ liema direttorat qed taħdem l-overtime kull persuna mit-12 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Għal kull persuna dan l-overtime kemm jammonta u liema perijodu jkopri?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7413.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — tenders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-tenders li ħareġ kull dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mit-12 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — quotations
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-quotations li ħareġ kull dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mit-13 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu d-direct orders li ħareġ kull dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mit-12 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6208, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li fuqhom qed isir studju u tħejjijiet oħra li għandhom jitwettqu fil-ħames snin li ġejjin? Fiex waslu l-istudji u tħejjijiet għal kull proġett? Kemm hu stmat li ġej jiswa kull proġett? Meta hi d-data ta' bidu ta' xogħol fuq kull proġett u d-data ta' meta x-xogħol relatat ma’ kull proġett ikun komplut?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti ta’ natura infrastrutturali ivarjaw fin-natura tagħhom u bħalissa qed isir evalwazzjoni dwar in-nefqa li tkun meħtieġa, bl-involviment tas-settur privat. Il-proġetti se jkunu mħabbra hekk kif jiġu konklużi dawn l-evalwazzjonijiet.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija paralmentari 4614 fejn il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura kien allega illi tender li kienet ħarġet għal spare parts ta' traffic lights instab li kienet ivvizjata, jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet din it-tender, meta għalqet u meta nduna li din it-tender kienet ivvizjata? X'passi ħa l-Ministru fil-konfront ta' min kien involut fl-allegat ivvizjar ta' tenders?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li Transport Malta ħarġet sejħa għall-kwotazzjonijiet (Call for Quotations for The Supply and Delivery of Traffic Lights Controllers and Signal heads and Related Equipment – TM141/2013) nhar is-26 t’April 2013 u għalqet fit-3 ta’ Mejju 2013. Erba’ offerti ġew sottomessi, liema offerti kienu jvarjaw bejn Eur43,685 sa Eur79,362.
Il-kumitat t’evalwazzjoni rrakkomanda li din is-sejħa għandha tiġi kkanċellata minħabba dawn ir-raġunijiet:
- Inkonsistenza bejn l-ispeċifikazzjonijiet ikkwotati
- Ċertu speċifikazzjonijiet setgħu jiffavorixxu prodott partikolari
Il-bidders ġew infurmati bil-miktub fit-18 ta’ Ġunju 2013 li is-sejħa kienet se tiġi rtirata. Ġew ukoll infurmati li, skont il-Public Procurement Regulations dawn kellhom id-dritt jappellaw kontra din id-deċiżjoni billi jissottomettu Notice of Objection sa mhux aktar tard mill-12.00hrs tal-24 ta’ Ġunju u jiddepożitaw somma ta Eur 554. L-ebda appell ma ġie sottomess.
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-passi li ħadt kienu li jiena qbilt mar-rakkomandazzjoni li tiġi rtirata din is-sejħa u mhux nagħlaq għajneja u nħalli l-affarijiet jibqgħu għaddejjin bħal ma jidher li kien jagħmel ħaddieħor mill-amministrazzjoni preċedenti.
Jekk skont kif kien iddikjara l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura stess fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4614, kellha tinħareġ mill-ġdid tender oħra għall-provvista ta' spare parts tat-traffic lights, f'liema stadju waslet din it-tender? Meta ħarġet it-tender, meta għalqet, meta sar it-tender adjudication tagħha u min ħa t-tender? Min ipprepara l-ispecifications għal din it-tender u min kien fuq it-Tender Adjudication Board?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Call for Quotations for the Supply and Delivery of Traffic Lights Controllers and Signal Heads and related equipment ġiet ippubblikata fis-26 ta’ Ġunju 2013 u għalqet fit-12 ta’ Lulju 2013. It-Tender Adjudication Committee kellu l-ewwel laqgħa fit-28 t’Awwissu 2013 u l-aħħar laqgħa saret fit-12 ta’ Novembru 2013. Din il-kwotazzjoni ġiet awarded lil KDM Traffic fejn il-kuntratt ġie ffirmat u finalizzat fid-9 ta’ Diċembru 2013.
L-ispeċifikazzjonijiet ta’ din it-tender ġew preparati minn uffiċjal ta’ Transport Malta bl-għajnuna ta’ uffiċjal mid-dipartiment tal-MSD, filwaqt li t-Tender Adjudication Board kien kompost minn uffiċjali minn direttorati differenti ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid b'liema metodu ta' procurement inxtraw l-electric cars li fondi għalihom ingħataw mill-Unjoni Ewropea? Dawn inxtraw b'tender jew b'direct order?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-vetturi tal-elettriku li diġa’ inxtraw relatati ma’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, saru permezz ta’ sejħiet għall-offerti ppubblikati mid- Dipartimenti tal-Kuntratti. Saru diversi sejħiet għall-offerti mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Fil-każijiet fejn irriżulta li ma kienx hemm offerti mitfugħa, ġie invokat l-Artiklu 67(a) tal-S.L.174/04
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji intgħażlu l-persuni li gawdew mill-iskema li jagħmlu perijodu ta' trial bl-electric cars? Jista’ jagħti lista ta' dawn il-persuni li gawdew minn din l-iskema?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nirreferi lill- Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall- mistoqsija parlamentari numru 7977, ninfurmah li skont il-Grant Agreement tal-proġett DemoEV, tliet tipi ta’ voluntiera kellhom jagħmlu parti minn dan il-proġett:
- Households
- Entitajiet Kummerċjali
- Uffiċjali ta’ Ministeri.
Skont dan l-istess Grant Agreement, il-persuni intgħażlu fuq il-kriterji hekk kif murija hawn taħt:
1. Voluntier wieħed kellu jkun mill-gżira ta’ Għawdex; voluntier mir-reġjun Tramuntana ta’ Malta; voluntier mir-reġjun Ċentrali; voluntier ieħor mir-reġjun tal-Port u ieħor mir-reġjun Nofsinhar ta’ Malta.
2. Ikollhom il-faċilita’ jiċċarġjaw mid-dar / faċilitajiet alternattivi biex jiċċarġjaw il-karozzi
3. Ikollhom karozza li għandha minn tal-inqas ħames snin
4. Ikollhom kondotta tajba
5. Ikollhom liċenzja tas-sewqan nadifa
6. Minn tal-inqas 8 voluntiera irid ikollhom pannelli fotovoltajċi installati fid-djar tagħhom.
Fil-każ ta’ entitajiet kummerċjali, il-kriterji kienu kif ġej:
1. Kondotta tajba
2. Liċenzja tas-sewqan nadifa
3. Minn tal-inqas 8 voluntiera irid ikollhom pannelli fotovoltajċi installati fid-djar tagħhom.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tad-Data, ma jistawx jitpoġġew ismijiet tal-voluntiera kif mitlub. Għaldaqstant, minnflok qed inpoġġi lista bil-kodiċi ta’ kull voluntier u l-kategorija li jaqa’ taħtha.