Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li żaru t-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien fis-snin 2013 u 2014?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2013 marru 83,094 viżitatur it-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien, filwaqt li fl-2014 in-numru ta’ viżitaturi kien ta’ 77,149.
Madanakollu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi f’dan is-sit partikolari, meta wieħed jikkunsidra s-siti kollha li huma miftuħa għall-pubbliku, is-sena 2014 kienet waħda rekord għall-Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li żaru l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu fis-snin 2013 u 2014?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2013 marru 40,281 viżitatur il-Palazz tal-Inkwiżitur, filwaqt li fl-2014 in-numru ta’ viżitaturi kien ta’ 37,590.
Madanakollu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi f’dan is-sit partikolari, meta wieħed jikkunsidra s-siti kollha li huma miftuħa għall-pubbliku, is-sena 2014 kienet waħda rekord għall-Heritage Malta.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li żaru l-Mużew Marittimu tal-Birgu fis-snin 2013 u 2014?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2013 marru 29,348 viżitatur il-Mużew Marittimu, filwaqt li fl-2014 in-numru ta’ viżitaturi kien ta’ 26,562.
Madanakollu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi f’dan is-sit partikolari, meta wieħed jikkunsidra s-siti kollha li huma miftuħa għall-pubbliku, is-sena 2014 kienet waħda rekord għall-Heritage Malta
Żurrieq — Inkonvenjent minn parkeġġ quddiem residenza
Question
Jista’ l-Ministru jara li ssir kaxxa safra quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li mal-bankina ta’ quddiem din ir-residenza jipparkjaw l-karozzi u din il-bankina tant hi dejqa li dawn ir-residenti qed isibuha diffiċli jidħlu jew joħorġu mid-dar tagħhom? X’inhi r-raġuni li għalkemm ir-residenti ta’ din id-dar ilhom jagħmlu din it-talba lill-kunsill lokali għal diversi snin, qatt ma ngħataw widen?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li l-ilment li ressaq l-Onor. Interpellant għadu kemm kien diskuss fit-tieni s-seduta tal-Kunsill Lokali tal-leġislatura li għadha kemm bdiet. Kien hemm qbil li l-Kunsill se jara l-każ u jieħu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-inizjattivi kollha meħuda mill-Fondazzjoni V-18 minn Marzu 2013 'l hawn u kemm swiet kull waħda minn dawn l-inizjattivi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Heritage Malta – Merchandise Supplies and Artists – expression of interest
Question
B’referenza għall-expression of interest li ħarġet Heritage Malta dwar il-Merchandise Supplies and Artists, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sottomissjonijiet, fuq liema kriterji se jiġu magħżula s-suppliers u l-artist/i u x’miżuri se jittieħdu sabiex is-selection board ma jkollu l-ebda tip ta’ konflitt ta’ interess? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ individwi li se jservu fis-selection board?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li kien hemm 22 sottomissjoni għall-expression of interest. Il-kriterji huma l-prezz, ir-rilevanza kif ukoll il-preċiżjoni teknika fil-kaz ta’ replika ta’ oġġetti. Kull kunflitt ta’ interess ser jiġi evitat billi min jagħżel ma jkunx jaf min hu s-supplier. L-evalwaturi se jkunu differenti għal kull suġġett u/jew oġġetti peress illi is-suġġett ivarja ħafna u jorbot miegħu oqsma differenti.
Heritage Malta – Kuntratt għal interactive audio visual
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13296, jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta żammitx id-drittijiet tal-awtur jew le? Jekk fin-negattiv, jista’ jikkonferma li l-kuntrattur għandu d-drittijiet (copyright) fuq il-produzzjoni u jgħid jekk ingħatax dritt li jinnegozja t-tali produzzjoni u raw footage ieħor?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-copyright tal-prodott huwa miżmum bejn Heritage Malta u l-kumpanija kkonċernata u allura kemm Heritage Malta kif ukoll il-kumpanija privata m’għandhomx dritt li jinnegozjaw l-imsemmija produzzjoni mingħajr l-involviment tal-parti l-oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 13297 u 13895, ladarba qed jingħad li peress li s-CEO ta’ Heritage Malta stess ħa r-rwol ta’ HR Manager u li b’hekk dan id-Dipartiment ingħata l-importanza xierqa, jista’ jispjega kif din ir-responsabilità importantissima ma kenitx wieħed mill-objectives li fuqu s-CEO ingħata l-performance bonus tal-2014? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni li f’dan il-perjodu dan id-dipartiment tħalla b’Coordinator biss u s-CEO li għandu ħafna responsabilitajiet oħra?
Heritage Malta – kontravvenzjonijiet tat-traffiku minn vetturi
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsijiet 13591 u 13894, jista’ l-Ministru jispjega x’inhuma l-kriterji li fuqhom Heritage Malta timxi biex tistabbilixxi jekk l-istess Aġenzija għandhiex tħallas ċitazzjonijiet tat-traffiku jew le? Jista’ jgħid jekk din iċ-ċitazzjoni ġietx ikkuntestata u jekk il-persuni li rċevew iċ-ċitazzjoni ngħatawx għajnuna u sapport legali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta tikkunsidra li tħallas ċitazzjoni on a case by case basis wara li tevalwa l-fatti kollha fuq il-prinċipju ta' fairness. Fil-każ imsemmi ċ-ċitazzjoni ma ġietx ikkontestata.
Nittama li l-Onor Interpellant mhux qed jissuġġerixxi li Heritage Malta tħallas hi minn flus pubbliċi kull ċitazzjoni li jeħlu l-ħaddiema irrispettivament mill-fatti tal-każ.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol tal-Kumitat Reġjonali fir-rigward tal-cameras li hemm stallati fit-toroq Maltin li minnhom wieħed jista' jagħmel monitoring tat-traffiku tal-vetturi fit-toroq? Jista' jgħid jekk inħarġitx liċenzja biex setgħu jiġu stallati dawn il-cameras? Jista' jgħid min hi l-awtorità li saret din il-liċenzja? Jista' jgħid jekk hemmx policy li tirregola l-operat ta' dawn il-cameras? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li tirregola dawn il-cameras? Jista' jgħid min hi l-kumpanija li timmaniġġa dawn il-cameras? Jista' jgħid jekk hemmx xi forma ta' kuntratt jew ftehim bejn il-kumpanija inkwestjoni u l-Kumitat Reġjonali u jekk fl-affermattiv, jpoġġi kopja ta' dan il-kuntratt jew ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li żaru l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni ta’ Ħal Tarxien fis-snin 2013 u 2014?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2013 marru 28,398 vizitatur fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, filwaqt li fl-2014 in-numru ta’ vizitaturi kien ta’ 28,182.
Madanakollu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ viżitaturi f’dan is-sit partikolari, meta wieħed jikkunsidra is-siti kollha li huma miftuħa għall-pubbbliku, s-sena 2014 kienet waħda rekord għall-Heritage Malta.
Heritage Malta – esebizzjonijiet ta’ artisti lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’għamlet Heritage Malta minn Marzu 2013 s’issa sabiex tgħin lill-artisti lokali jesibixxu t-talent tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta għadha toffri l-istess faċilitajiet li ilha toffri għal dawn l-aħħar ħdax-il sena sabiex artisti jesibixxu x-xogħlijiet tagħhom. Artisti lokali jistgħu jippreżentaw proposti u portafoll ta’ xogħlijiet lil Heritage Malta b’mod regolari u d-deċiżjoni tittieħed fuq bażi ta’ mertu u kwalità. Il-faċilitajiet li toffri Heritage Malta jinkludu kurazija, għajnuna fil-ġarr ta’ xogħlijiet li jkunu ser jidhru fl-esibizzjoni u għajnuna biex l-artist jħejji l-wirja.
Ninsab infurmat li Heritage Malta ma tieħu ebda ħlas ta’ dan is-servizz għalkemm tagħżel kwadru, flimkien mal-artist, biex dan jirrappreżentah fil-kollezzjoni nazzjonali.
Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-lista tas-siti għad-dispożizzjoni ta’ wirjiet tinsab fuq is-sit ta’ Heritage Malta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14501, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li filwaqt li l-informazzjoni mitluba fuq il-heads u s-CEO ngħatat, dik rigward kull grad ma ngħatatx ? Jista’ jikkonferma li kull manager għandu sett ta’ kriterji stabbiliti u li l-bonus jingħata skont il-performance u mhux l-individwu? Jista’ jikkonferma li mhemmx proċedura ta’ kif il-kriterji tal-performance bonus jiġu stabbiliti u li ħafna mill-kriterji jkunu wisq vagi fejn ikun hemm lok ta’ interpretazzjoni vasta? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża ta’ Heritage Malta fir-rigward tal-performance bonuses tal-managers u senior curators għas-sena 2014?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li kull manager ikollu miri stabbiliti li jistgħu jinbidlu matul is-sena skont l-esġenzi tal-Aġenzija u li l-bonus jingħata skont kriterji stabbiliti u skont il-prestazzjoni ta’ dak li jkun. Ninsab infurmat li l-ispiża totali f’bonuses lill-managers u senior curators fl-2014 kienet ta’ €63,992.74.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14503, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża kapitali kif ukoll l-ammont ta’ labour hours relatati ma’ dan il-proġett?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-ispiża kapitali kienet tammonta għal madwar €10,000, filwaqt li l-ammont ta’ sigħat tax-xogħol tal-impjegati ta’ Heritage Malta (mastri, mastrudaxxi, electricians u skilled tradesmen bl-għajnuna ta’ studenti mill-MCAST) ammonta għal 5000 siegħa.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 14504 u 14505, jista’ l-Ministru jgħid xi trid tfisser Heritage Malta bis-sentenza “Il-ktieb ġie riċerkat u miktub wara l-ħin formali tax-xogħol”?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li r-riċerka meħtieġa għall-kitba ta’ dawn it-tip ta’ pubblikazzjonijiet ma ssirx waqt il-ħin tax-xogħol, iżda fil-ħin liberu tal-awturi rispettivi.
Għandi nifhem li l-Onor Interpellant bħali huwa kburi b’dawn it-tip ta’ pubblikazzjonijiet li jagħmlu unur mhux biss lil min jiktibhom imma lill-pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kollaborazzjoni kien hemm bejn Heritage Malta u NGOs li jaħdmu fil-qasam kulturali u jmexxu xi siti u/jew mużewijiet minn Marzu 2013 s’issa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda ftehim ta’ kollaborazzjoni formali bejn Heritage Malta u NGOs li jmexxu siti jew mużewijiet, iżda li r-relazzjonijiet huma tajbin u li jkun hemm kollaborazzjoni ad hoc skont iċ-ċirkostanzi.
Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa – inawgurazzjoni ta’ uffiċċju ġdid
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Oppożizzjoni kenitx mistieda uffiċjalment għall-ftuħ tal-Uffiċċju ġdid tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa li ġie inawgurat ftit jiem ilu mill-Prim Ministru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ir-rappreżentanti tad-Distrett taż-żewġ naħat kienu mistiedna permezz t’ ittra rreġistrata u anki b’ email. Dakinhar kien hemm preżenti l-Onor. Ryan Callus u l-Onor. Clyde Puli.
Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni – investigazzjoni ta’ każijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-jum li qed issir din l-interpellanza, persuna li tikteb lill-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni biex tinvestiga każ, il-kummissjoni hijiex f’pożizzjoni li tibda tinvestiga l-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għandha d-doveri mogħtija lilha taħt l-Att dwar il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni.
Il-Kummissjoni hija kostitwita u għalhekk hija f’pożizzjoni li tagħmel dak kollu li jrid minnha l-imsemmi Att.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Armerija li bħalissa tinsab fil-pjan terran tal-Palazz fil-Belt Valletta hijiex ser terġa’ tieħu postha fil-post li bħalissa huwa l-Kamra tad-Deputati ġaladarba l-Parlament jirriloka għall-bini l-ġdid u għalhekk l-Kamra tad-Deputati ta’ bħalissa tiġi battala? Dan biex l-Armerija tkun esebita f’iktar spazju u b’mod li tkun apprezzata ferm iktar milli hija llum.
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsieb huwa li eventwalment isir preciżament hekk, għad li dan mhux se jsir immedjatament wara r-rilokazzjoni ta’ dina l-Kamra fil-binja tal-Parlament il-ġdid.