Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #17299 Sitting 283 2015-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – esproprjazzjonijiet ta’ art fiċ-Ċittadella

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’esproprjazzjonijiet ta’ art fiċ-Ċittadella f’Għawdex saru fl-aħħar sentejn? F’kull każ, jista’ jgħid kemm kien il-kejl tal-art espropjata u min kien il-proprjetarju? Jista’ jgħid f’kull każ kemm kien il-prezz li tħallas għal kull waħda minn dawn l-esporprjazzjonijiet ta’ art fiċ-Ċittadella?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar sentejn saret l-espropjazzjoni ta’ art fiċ-Ċittadella li tikkonsisti f’rovini ta’ importanza arkeoloġika u storika. Din l-espropjazzjoni saret kif rakkomandat fil-Masterplan taċ-Ċittadella li sar fl-2010. Il-propjetajiet espropriati huma mnizzla fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #17300 Sitting 283 2015-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġie wżat il-vot ta’ €700,000 għall-promozzjoni ta’ Għawdex sal-lum? Liema inizjattivi saru permezz ta’ dan il-vot mill-bidu tas-sena sal-lum? Kemm swiet kull inizjattiva? F’kull każ, min ta s-servizz jew għamel ix-xogħol ġie magħżul wara tender, kwotazzjonijiet jew permezz ta’ direct order? F’każ ta’ kwotazzjoni u direct orders lil min ingħata xogħol u kemm tħallas f’kull każ?

Response (REFALO, ANTON)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #17302 Sitting 283 2015-07-01 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Airstrip Feasibility Study

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Airstrip Feasibility Study imsemmi fil-baġit għal din is-sena tlestiex? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid kemm sewa u min għamlu? Min intgħażel biex jagħmel dan l-istudju u intgħażel wara sejħa għall-offerti? Jekk għadu mhux lest, jista’ jgħid meta hu maħsub li jkun lest dan l-istudju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dan l-istadju m'għandi xejn aktar xi nżid mal-Interpellanza Parlamentari bin-numru 11887.
Leg 12 PQ #17291 Sitting 282 2015-06-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Dħul minn fees tal-Qorti t’Għawdex u fees tal-biċċerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħħal mill-fees tal-biċċerija għas-sena 2013, għas-sena 2014 u għal din is-sena sal-lum il-Ministeru tiegħu? Bl-istess mod, jista’ jgħid kemm il-Ministeru tiegħu daħħal mill-fees tal-Qorti t’Għawdex għas-sena 2013, għas-sena 2014 u għal din is-sena sal-lum?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab skond it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #17292 Sitting 282 2015-06-30 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xewkija – Estensjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-estensjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija fix-Xewkija, Għawdex? Kemm se jiżdiedu oqbra b’din l-estensjoni? Kemm minn dawn l-oqbra se jkunu komunitarji u kemm se jinbiegħu lill-privat? Kemm se tkun l-ispiża totali ta’ din l-estensjoni u kemm hu mistenni li jdaħħal il-Gvern mill-bejgħ tal-oqbra? Kemm inbiegħu minn dawn l-oqbra sal-lum u kemm kien id-dħul tal-Gvern s’issa minn dan il-bejgħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-oqbra l-ġodda fl-estensjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija fix-Xewkija, Għawdex jinsabu fi stadju avvanzat. Kif ippjanat, qed jinbnew madwar tliet mija u tnejn u sebgħin (372) qabar ġdid fil-parti estiża ta’ dan iċ-ċimiterju fejn huwa maħsub li 10% ta’ dawn l-oqbra l-ġodda se jinżammu bħala oqbra komuni waqt li l-oħrajn se jinbiegħu lill-pubbliku in ġenerali. L-ispiża totali ta’ dan il-proġett hija stmata li tkun koperta mid-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-oqbra li hu mistenni li jkun ta’ €778,009.59. Sal-lum ġew iffirmati tlett mija u erbgħa u tletin (334) konvenju ta’ akkwist ta’ qabar fiċ-Ċimiterju Santa Marija, ix-Xewkija, Għawdex fejn tħallas nofs il-prezz tal-qabar kif stipulat fl-Avviż Legali 377 tal-2007 kif amendat b’ A.L. 35 tal-2013. Id-dħul s’issa minn dawn il-konvenji t’akkwist jammonta għal €389,003.13.
Leg 12 PQ #17386 Sitting 282 2015-06-30 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għall-Għawdex — persuni impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17049 jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta' impjiegi fil-gradi kollha li saru mill-entitatjiet (bħal Dipartimenti, Kunsilli, Awtoritajiet, Kummissjonijiet u Aġenziji eċċ) kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-perjodu indikat? Kemm minn dawn l-impjegi kienu ta' persuni rikonuxxuti uffiċjalment bħala persuni b'diżabilità?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex u d-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu impjegaw minn Marzu 2013, (16) sittax-il persuna, li minnhom persuna waħda hija uffiċċjalment rikonoxxuta bħala persuna b’diżabilta’.
Leg 12 PQ #17049 Sitting 280 2015-06-23 Oral · Final From: CHARLÒ BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għall-Għawdex — persuni impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni impjegati ma' xi dipartiment jew kwalunkwe entità oħra li taqa' taħtu minn Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu persuni uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b'diżabilità?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċra x’ jifhem eżatt b’persuni impjegati ma xi dipartimnet jew kwalunkwe entita oħra.
Leg 12 PQ #17271 Sitting 280 2015-06-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Is-Sannat - Triq Sannat u Triq Ta' Ċenċ - toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu biex tiġi rranġata s-sitwazzjoni ħażina ħafna li huma fihom Triq Sannat u Triq Ta' Ċenċ fis-Sannat Għawdex? Peress li dawn huma toroq li huma arterjali u jgħaddu minnhom ħafna karozzi kuljum mistenni jitlesta x-xogħol fuqhom? X'qed isir biex jitaffew l-inkonvenzjenzi li qed isofru r-residenti ta' dawn it-toroq?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dal-Ministeru bi ħsiebu illi fil-futur qrib jittakilja dawn it-toroq ukoll, wara kwart ta' seklu t'abbandun taħt Gvernijiet Nazzjonalisti.
Leg 12 PQ #17280 Sitting 280 2015-06-23 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Vot tal-Eco Għawdex — inizjattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi saru mill-ewwel ta' din is-sena sal-lum permezz tal-Vot Eco-Għawdex li kien hemm fil-baġit tal-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid kemm se tiswa kull waħda minn dawn l-inizjattivi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infumat li il-fondi allokati fil-vot imsemmi ser jintefqu kollha fuq proġetti u inizzjattivi kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #17039 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Skema ta’ assistenza lill-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi

Question

B'referenza għall-iskema ta' assistenza lill-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi, liema skema skont l-Estimi Finanzjarji għas-sena 2015, eżattament taħt Line Item 5274 hemm allokat 50,000 Ewro, jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-NGOs li applikaw għall-assistenza taħt din l-iskema fl-ewwel sejħa li għalqet fi Frar li għadda? Jista' jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li ġew allokati għal din l-ewwel sejħa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex irċieva b’kollox 115-il applikazzjoni għas-sejħa għall-assistenza finanzjarja lill-NGOs u li l-ammont ta’ flus allokat għal dan l-iskop kien ta’ €43101.44.
Leg 12 PQ #17062 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għall-Għawdex – ingaġġ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’irwol kellha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw b’mod separat f’xi kumpanija, bord, entità, awtorità, aġenzija, dipartiment, fondazzjoni, korporazzjoni, tribunal li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu bejn l-2008 u Marzu 2013? Jista’ jgħid jekk inħatritx b’sejħa jew b’għażla diretta? Jista’ jgħid kemm damet tokkupa kull kariga b’mod separat? Jista’ jgħid x’kien il-pakkett ta’ rimunerazzjoni li kellha, inkluż il-perkaċċi kollha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-persuna msemmija kellha kariga bħala membru tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija Gozo Channel. Ġiet maħtura f’din il-kariga b’mod dirett fl-24 ta’ Lulju 2008 u żammet din il-kariga sad-19 ta’ April 2013. Matul dan il-perjodu il-pakkett tar-rimunerazzjoni inklużi l-perkaċċi kienu kif murija fit-tabella mehmuża.
Leg 12 PQ #17217 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Marsalforn — Menqa - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fil-Menqa f'Marsalforn b'makkinarju kbir baqa' għaddej xorta waħda wara l-15 ta' Ġunju u dan minkejja direttivi tal-Gvern stess li wara dik id-data f'postijiet turistiċi fosthom f'Marsalforn ma għandu jsir l-ebda xogħol ta' dan it-tip? Jaf il-Ministru li f'dawn il-ġranet kien hemm ħsejjes kbar u trabijiet li dejqu bil-kbir lit-turisti li kienu qed joqgħodu fil-lukanda lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kif ukoll li kienu qed jutilizzaw ir-restaurants li hemm fil-Menqa? X'qed isir mill-Ministeru tiegħu biex dan l-inkonvenjent ma jibqax?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għandu ‘exemption’ mill-MTA biex ikompli għaddej bix-xogħol matul ix-xhur tas-sajf anke peress illi dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-UE. Minkejja dan, il-Ministeru qed jieħu il-miżuri kollha meħtiega biex jinħoloq l-inqas inkonvenjent possibbli lill-lukanda u r-ristoranti tal-inħawi. Fil-fatt, ix-xogħlijiet li l-aktar kienu joħolqu nkonvenjent lil dawn ta’ l-aħħar kienu is-‘slipway’ u d-‘dry standing area’ li tlestew fil-gimgħat li għaddew.
Leg 12 PQ #17234 Sitting 279 2015-06-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – skemi ta’ opportunità ta’ xogħol għall-istudenti Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għas-sajf 2015 hux ser issir skema li tagħti opportunità lill-istudenti Għawdxin li jaħdmu f'Għawdex stess għal tmien ġimgħat fix-xhur tas-sajf kif kien isir fis-snin li għaddew? Jekk iva, meta ser jinħarġu l-applikazzjonijiet u kemm se jkun in-numru ta' studenti Għawdxin li se jibbenefikaw minnha? Liema studenti jistgħu jibbenefikaw u kemm se tkun ir-remunerazzjoni li se jingħataw l-istudenti għal dan ix-xogħol?

Response (REFALO, ANTON)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sajf 2015 ser issir skema li tagħti opportunità lill-istudenti Għawdxin li jaħdmu f'Għawdex stess għal tmien ġimgħat fix-xhur tas-sajf kif kien isir fis-snin li għaddew. L-applikazzjonijiet ser jinħarġu nhar it-Tnejn 22 ta’ Ġunju 2015 u n-numru ta' studenti Għawdxin li se jibbenefikaw minnha ser ikun bejn 300 u 350. L-istudenti li jistgħu jibbenefikaw huma dawk li qed ifittxu xogħol li sas-26 ta’ Ġunju 2015 (għeluq tal-applikazzjonijiet) jkollhom bejn is-16 u l-24 sena. Ir-remunerazzjoni li se jingħataw l-istudenti għal dan ix-xogħol ser tkun ta € 75 fil-ġimgħa ta’ 20 siegħa
Leg 12 PQ #16875 Sitting 278 2015-06-17 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għal Għawdex

Moniteraġġ tal-livell tal-melħ fl-ilma tax-xorb

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-livell ta’ melħ fl-ilma tax-xorb ipprovdut mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f’Għawdex hux jiġi mmoniterat? Kull kemm isir tali moniteraġġ u f’liema lokalitajiet Għawdxin qed isir? Jista’ jagħti r-riżultati tat-testijiet li saru bejn Settembru 2014 u Frar 2015 li jindikaw il-livell ta’ melħ fl-ilma tax-xorb f’kull lokalità Għawdxija?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Leg 12 PQ #16950 Sitting 278 2015-06-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur – Triq it-Torri Sopu — xogħlijiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16261, jista' l-Ministru jgħid jekk is-sejħa għall-offerti għal xogħol biex jinbena ħajt fi Triq it-Torri Sopu fin-Nadur ġietx aġġudikata? Jekk iva kemm hu l-valur tax-xogħol li jrid isir u sa meta għandu jitlesta dan ix-xogħol? Fiex ser ikun jikkonsisti dan ix-xogħol li ser isir permezz ta' din is-sejħa għall-offerti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li x-xogħol irid jitlesta fi żmien tlett ġimgħat u jinvolvi x-xogħol ta’ skavar, tindif, pediment u bini mill-ġdid tal-ħajt. Hu mistenni jiswa Ewro 38,777.85 eskl. VAT. Ix-xogħol se jsir minn Peter Paul Said.
Leg 12 PQ #16965 Sitting 278 2015-06-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — vjaġġi

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-iskeda tax-xitwa u mid-season tal-Gozo Channel ikollha nklużi wkoll vjaġġi fis-6 am, fis-6:30 am, fis-7 am u fis-7:30 am (kull nofs siegħa minflok kull tliet kwarti) peress li l-Għawdxin li jaqsmu lejn Malta żdiedu u ma kull vjaġġ qed jitħallew ħafna karozzi jistennew il-vapur ta’ wara b’telf ta’ ħin prezzjuż għall-Għawdxin speċjalment dawk li jkunu sejrin għall-istudju jew ix-xogħol? Jaf il-Ministru li dawn il-vjaġġi b’din il-frekwenza huma aktar meħtieġa fix-xhur tax-xitwa u mid season milli fis-sajf, peress li fis-sajf - ħafna Għawdxin ma jkollhomx skola jew ikunu bil-vaganzi u allura n-numru li jużaw dawn il-vjaġġi jonqos?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. interpellant li l-Gozo Channel Co Ltd diġa qiegħda tistudja il-possibilita illi l -iskeda tax-xitwa u mid season ikollha nklużi wkoll vjaġġi fis-6 am, fis-6:30 am, fis-7 am u fis-7:30 am (kull nofs siegħa minflok kull tliet kwarti). Ta min ifakkar illi il-kumpanija fil-mid season illi għadu kif spiċċa żiedet il-vjaġġi ta fil-għaxija, u kull meta kien hemm bżonn anke żiedet il-vjaġġi ta filgħodu. Barra minn hekk l-iskeda tas-sajf inbdiet ġimgħa qabel. Wieħed irid jistudja l-impatt finanzjarju ta dan it-tibdil fuq il-kumpanija, biex din ma terġax issib ruħha fid-diżastru finanzjarju illi ħalliha fih il-Gvern Nazzjonalista f’Marzu 2013.
Leg 12 PQ #16769 Sitting 276 2015-06-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Għarb – xogħlijiet fi Triq Franġisk Portelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq Triq Franġisk Portelli fl-Għarb peress li din tinsab fi stat ħażin ħafna u ma saret l-ebda manutenzjoni fiha? Jista’ jagħti data ta’ meta se jsir u jitlesta x-xogħol fuq din it-triq li jgħaddi minnha kull min imur fil-villaġġ tas-Snajja’ ta’ Dbieġi, kull min jidħol San Lawrenz, kull min imur fil-lukanda Kempinski u kull min imur fil-bajja tad-Dwejra?

Response (REFALO, ANTON)

Nagħraf lill-Onor. Interpellant li din it-triq oriġinarjament kienet ippjanata issir mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja u għax ma saritx mill-amministrazzjoni preċedenti, issa qeda issir minn din l-amministrazzjoni. Fil-fatt diga’ saret parti minn din it-triq mis-substation il ġewwa u dan minn fondi Nazzjonali. Baqa parti, minn salib it-toroq sas- substation li ser isir fil-futur qrib, naturalment ukoll mill-fondi Nazzjonali.
Leg 12 PQ #16770 Sitting 276 2015-06-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – In-Nadur – xogħol ta’ resurfacing fi Triq ir-Ramla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid issa li qed isir ix-xogħol ta’ resurfacing fi Triq ir-Ramla, in-Nadur, għaliex ma saritx l-esproprjazzjoni ta’ żewġ biċċiet raba’ li joħorġu ’l barra mil-linja tat-triq peress li dawn huma ta’ periklu f’din it-triq li twassal sal-bajja tar-Ramla u li tant tintuża mit-turisti u mill-Maltin u l-Għawdxin? Possibbli li l-Gvern isib ftit mijiet ta’ euro biex jesproprja dawn il-ftit kejliet ta’ raba’ ħalli jitneħħa kull periklu mit-triq, ladarba fil-ġimgħat li għaddew sab kważi żewġ miljun euro biex xtara nofs indiviż ta’ proprjetà fil-Belt u ftit qabel ħallas €4.2 miljun biex ħa lura proprjetà tiegħu stess?

Response (REFALO, ANTON)

Naqbel ma l-Onor. Interplellant li din it-triq li twassal għal bajja tar-Ramla tintuza ħafna mit-turisti u mill-Maltin u l-Għawdxin. Propju għax dan hu Gvern li jisma’, dan ix-xogħol ta resurfacing fi triq ir-Ramla Nadur, ha l-prijorita’ mehtieġa kuntrarjament għal-amministrazzjonijiet preċedenti. Dwar it-tieni parti tad-domanda, L-Onor. Interpellant hu mitlub jindika liema huma dawn is-siti li aċċenna għalihom fil-mistoqsija.
Leg 12 PQ #16670 Sitting 275 2015-06-10 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Tindif u żamma tajba tal-bajjiet – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies b’kollox mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li jaħdmu fuq it-tindif u żamma fi stat tajjeb tal-bajjiet ta’ Għawdex? Jista’ jgħid x’inhu l-grad ta’ dawn il-persuni u kif inhuma maqsumin f’kull bajja li hemm f’Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #16641 Sitting 274 2015-06-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi – organizzazzjoni tad-dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fix-Xlendi, il-parti tal-port fejn hemm l-istatwa ta’ Sant’ Indrija, ma tiġix organizzata sew biex ikun hemm ordni mis-sidien tad-dgħajjes li jpoġġu d-dgħajjes tagħhom f’din l-area?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-parti tal-port fejn hemm l-istatwa ta’ Sant’ Indrija, ma taqax taħt ir-responmsabilità tal-Ministeru għal Għawdex, iżda taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali.