Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li qed insemmi separatament hijiex intitolata għal xi forma ta' pensjoni għas-snin li ħallset il-kontribuzzjonijiet tas-servizzi soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.
Billi l-persuna msemmija separatament hija marida u qabżet il-massimu ta' 156 benefiċċju u din ma għandhiex mezzi biex tgħix, jista' l-Viċi Prim Ministru jara illi jinħareġ ir-relief malajr kemm jista' jkun?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna li għaliha qed jirreferi, diġa' rċeviet iċ-ċekk tal-Għajnuna Soċjali, liema ċekk jissarraf fl-14 ta' Ottubru 2000.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment ta' l-Anzjani mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fid-Dipartiment u l-perijodu ndikat ġew impjegati żewġ casual substitute clerks wara sejħa għall-applikazzjonijiet ippubblikata fil-Gażżetta tal-Gvern fis-17 ta' Novembru 1999.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Jannar sal-10 ta' Settembru 2000 kienu impjegati 18-il Casual Substitute Clerks mad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali. L-applikazzjonijiet kienu maħruġa bejn is-17 ta' Novembru u l-10 ta' Diċembru 1999 u notifikati fil-gażżetta tal-Gvern tas-17 ta' Novembru 1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'kontroll għandu id-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali u dipartimenti oħra fil-Ministeru fuq għotijiet li jingħataw lill-għaqdiet volontarji?
Liema huma dawk l-għaqdiet li matul din is-sena finanzjarja talbu u ingħataw xi għotja?
Kemm kienet kull għotja u f'liema data ingħatat?
Liema huma dawk l-għaqdiet li talbu u ġew rifjutati? Għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali, permezz tal-liaison officer ma' l-NGOs jitlob rapport ta' evalwazzjoni kull sitt xhur dwar il-proġett li għalih kull għaqda volontarja tkun irċeviet fondi. F'dan ir-rapport l-għaqda trid tindika kif ikunu qiegħdin jintefqu l-flus mogħtija u x'attivitajiet ikunu qed jitwettqu fost il-klijenti tagħha.
It-tqassim tal-fondi lill-NGOs isir fuq il-parir ta' kumitat maħtur għal dan il-għan, wara li jiġu evalwati s-sottomissjonijiet mill-NGOs u skond il-fondi disponibbli.
Ninsab infurmat li l-għaqdiet li talbu u ma ngħatawx fondi
għal din is-sena kienu:
Special Olympics
Fondazzjoni Suret il-Bniedem (Crisis Centre)
Salesian Pastoral Youth Service
AIESEC
Kummissjoni Emigranti
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba fit-tieni u tielet parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid matul din is-sena - fl-ewwel disa' xhur - kemm-il persuna taħt is-sittax (16) il-sena inqabdu jaħdmu?
Fl-liema xogħol?
X'passi ttieħdu kontra dawk li ħaddmu lil dawn iż-żgħażagħ illegalment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid il-patterns of homeownership ta' pajjiżna fuq bażi ta' owner-occupation ratio in per cent għas-snin:
(a) 1970
(b) 1980
(ċ) 1990
(d) 1995
(e) 2000
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni dwar din il-Mistoqsija qed tinġabar u tingħata risposta aktar tard.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru l-lifts ġewwa l-flats tal-gvern ġewwa l-housing estates ta' San Ġwann?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skema V - Skema ta' Installazzjoni ta' Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta' tal-Gvern kienet miftuħa għall-lokalitajiet tal-Birgu, Isla, Bormla, Kalkara, Furjana, l-Belt Valletta u għall-dawk il-blokki/entraturi fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex fejn hemm persuni b'diżabilita' ta' mobilita'.
L-Awtorita' tad-Djar irċeviet talba waħda mil-lokal ta' San Ġwann iżda ma jirriżultax li hemm xi persuna b'diżabilita' ta' mobilita'.
Hu ttamat li l-quddiem din l-Iskema tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-lift ġewwa Bk E/3/HE Ta' Xbiex meta hemm persuni anzjani u anke persuna handikappata li joqogħdu ġo dan il-flat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant mitlub jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 20067.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-lift ġewwa BkD3 fil-housing estate ta' Ta' Xbiex meta hemm persuni anzjani u anke persuna handikappata ġo dan il-blokk?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onor. Interpellant mitlub jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 20067.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru l-lifts ġewwa il-housing project tal-gvern li hemm il-Gżira meta hemm diversi persuni ta' eta' avanzata li qed isibu diffikulta' biex jitilgħu u jinżlu t-taraġ minħabba mard?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema V - Skema ta' Installazzjoni ta' Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta' tal-Gvern - kienet miftuħa għall-lokalitajiet tal-Birgu, Isla, Bormla, Kalkara, Furjana, l-Belt Valletta u għall-dawk il-blokki/entraturi fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex fejn hemm persuni b'diżabilita' ta' mobilita'.
Sal-lum l-Awtorita' tad-Djar ma jirrizultalhiex li rċeviet xi applikazzjoni mill-Housing Project tal-Gżira.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru l-lifts ġewwa l-housing estate ta' Ta' Xbiex meta ġo ħafna blocks hemm persuni ta' eta' avanzata u ma jistgħux jitilgħu jew jinżlu t-taraġ minħabba problemi mediċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-lokal ta' Ta' Xbiex l-Awtorita' tad-Djar irċeviet erba' applikazzjonijiet taħt skema V - Skema ta' Installazzjoni ta' Lifts fi Blokki/Entraturi Residenzjali li huma Proprjeta' tal-Gvern.
Fi tlett Blokki ser issir applikazzjoni ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara l-1 ta' Novembru 2000 minħabba li wara din id-data ser isir tibdil fil-policies ta' l-istess Awtorita' ta' l-Ippjanar biex il-lift jibqa' tiela' sal-livell tal-bejt.
Fi blokk ieħor il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ħareġ. Ser tinħareġ l-offerta għax-xogħolijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew maqtugħa nies mir-reġistrar, xahar b'xahar, matul dawn l-aħħar sitt xhur, x'kienu r-raġunijiet (m'hemmx għalfejn jingħataw individwali iżda jistgħu jinqasmu fi gruppi)? Kemm minn dawk maqtugħa appellaw id-deċiżjoni? X'sar minn dawn il-każi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-basement tad-dar ta' l-anzjani ta' Bormla ser jintuża bħala ċentru għal persuni b'dizabilita'?
Minn min ser jitmexxa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed tiġi studjata l-possibbilta' li jiġi provdut Servizz ta' Matul il-Jum lill-adulti b'diżabilita' minn units li jkunu parti mill-komunita'. F'dan ir-rigward qed jiġu kkunsidrati diversi siti fosthom dak indikat fil-Mistoqsija.
Jista l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk qedx jgħin lid-dar tas-Salesjani Osanna Pia f'Tas-Sliema?
B'liema mod? X'għajnuna ingħatat din is-sena?
X'inhu n-numru ta' residenti f'din id-dar u dawn qed jingħataw xi benefiċċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali, jgħin lid-Dar Osanna Pia permezz ta' għotjiet finanzjarji mill-vot allokat għas-Sussidji lill-Istituzzjonijiet Privati. L-għotja għal din is-sena kienet ta' Lm14,500.
Ninsab infurmat li fil-mument m'hemmx residenti f'din id-Dar peress li qed isir refurbishment fiha. Ninsab infurmat ukoll li reċentement inbidel id-direttur li jmexxi din id-Dar u li qed isiru preparamenti biex din id-Dar terġa' tibda tilqa' fiha r-residenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 19558 kollha u jgħid kemm inħarġu appartamenti bil-kera mill-Awtorita' tad-Djar u mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, għas-sena 2000 mill-ewwel ta' Jannar sa l-aħħar ta' Settembru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, fil-perijodu ndikat fil-Mistoqsija, in-numru ta' appartamenti u djar maħruġa mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorita' tad-Djar kien ta' 113.
Il-kera ta' dawn il-postijiet tkun sussidjata skond id-dħul ta' l-applikant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jiġi upgraded l-ambjent madwar il-housing estate ta' l-Erba' Mwieżeb f'San Pawl il-Baħar, partikolarment għalqa fil-viċin u mad-dawra li tħalliet żdingata
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li r-responsabbilita' għax-xogħol indikat hi tal-Kunsill Lokali u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-membri li ġew maħtura biex jifformaw il-KNDP? X'kondizzjonijiet tax-xogħol ġew assenjati? X'pagi għandhom? X'servizzi anċillari, (karozza, mobiles eċċ) ġew assenjati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' maħtura skond Parti V ta' l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs (Persuni b'Diżabilita') hi komposta kif ġej:
Is-Sur Joe Camilleri Chairman
Dott. Anthony Charles Viċi-Chairman
Rev. Karm Abela Membru
Dott. Marie Alexander "
Is-Sur Karl Borg "
Is-Sinj. Rita Borg "
Is-Sur Alfred Camilleri "
Is-Sinj. Claire Camilleri "
Is-Sur Lawrence Dalli "
Is-Sur Edgar Galea Curmi "
Is-Sur Philip Grech A.&C.E. "
Is-Sinj. Mary Rose Mifsud "
Is-Sinj. Pamela Muscat "
Is-Sur John Peel "
Is-Sinj. Josett Pisani "
Dott. Marvic Sammut M.D. "
Is-Sur Alfred Bezzina "
Il-Membri tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ma jithallsux tax-xogħol tagħhom fi ħdan din il-Kummissjoni għajr għaċ-Chairman u s-Segretarju li huma mpjegati full-time mas-segretarjat tal-Kummissjoni u għalhekk is-salarju u kundizzjonijiet oħra ta' dawn it-tnejn huma marbuta mal-impjieg full-time tagħhom u mhux mal-karigi li għandhom fuq il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16642, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-imsemmijin proċeduri? Jekk dan l-uffiċjal jinstab ħati, x'passi beħsiebha tieħu l-ETC rigward terzi persuni relatati ma' dan il-każ? Ċioe' beħsiebha tieħu passi kontra dawn it-talin ukoll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Membru li l-proċeduri dixxiplinarji issa ntemmu anke fi stadju tal-konsiderazzjoni mill-Bord ta' l-Appell maħtur skond il-proċeduri stabbiliti mill-ftehim kollettiv.
Sal-lum ma jirriżultax li hemm każ biex jittieħdu passi kontra xi terzi persuni. Madankollu, kemm il-Bord tad-Dixxiplina kif ukoll il-Bord ta' l-Appell ta' dan il-każ se jintalbu uffiċċjalment bil-miktub biex jindikaw jekk hux il-każ li jittieħdu passi dixxiplinarji kontra xi terzi persuni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jintbagħat handyman jara s-saqaf li qiegħed iqattar għand anzjana, partikolaritajiet dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha l-kartuna r-roża u li tikkwalifika għal dan is-servizz?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nies tal-Handyman marru aktar minn darba biex jaraw x'inhi l-problema iżda ma sabux l-individwu d-dar.
Barra minn hekk ippruvaw kemm il-darba jagħmlu kuntatt bit-telefon imma s-issa qatt ma kellhom tweġiba.