Minn dawk li qegħdin il-ħabs jistennew ġuri kemm minnhom diġa' għandhom id-data tal-ġuri tagħhom iffissata? Kemm hemm li qed jistennew biex jgħaddu ġuri li d-data tal-ġuri tagħhom għadha ma ġietx iffissata? Kemm f'kull każ huma barranin? Fil-każ tal-ġurijiet diġa' ffissati, kemm ilu jistenna fil-ħabs kull akkużat? X'inhuma l-akkużi ta' dawk il-ġurijiet li diġa' ġew magħrufa d-data tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Bħalissa hemm 8 persuni li għandhom id-data tal-ġuri tagħhom iffissata. Minn dawn, 3 huma barranin. Tabella li turi d-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant rigward l-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta oħra.
Dwar il-bqija ta' dawk taħt arrest preventiv, għar-raġunijiet varji, wieħed ma jistax jgħid kemm minnhom finalment ser jgħaddu ġuri. Il-każijiet ta' uħud minnhom għadhom fi stadju ta' kumpilazzjoni, filwaqt li ta' l-oħrajn, għalkemm il-kumpilazzjoni ntemmet, għad ma kienx hemm deċiżjoni dwar jekk il-każ tagħhom għandux jinstema` quddiem ġuri jew le.
18.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jżid il-pulizija fl-għases tal-Mellieħa, Buġibba, San Pawl il-Baħar, Qawra u Mġarr għall-istaġun tas-sajf li ġej? Jekk fl-affermattiv, kemm se jkun in-numru ta' pulizija f'kull għassa u x'mezzi ta' trasport se jkollhom aċċessibbli għas-servizz?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn dan is-sajf, il-Pulizija ser timplimenta s-seasonal deployment f'dawk il-lokalitajiet li huma l-aktar iffrekwentati fix-xhur tas-sajf. In-numru ta' Pulizija li ser jiżdiedu jiddependi fuq il-ħtiġijiet partikulari ta' kull lokalita' u dan wara li jkun ikkunsidrat il-complement attwali f'kull lokalita'.
Ninsab infurmat ukoll illi, fil-preżent l-għases tal-lokalitajiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant għandhom tlett vetturi u żewġ motor scooters għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minnhekk, hemm ukoll vettura tal-Mobile Squad li tkun assenjata mill-Kwartieri Ġenerali għall-patrol duties u assistenza meħtieġa f'dawn il-lokalitajiet.
18.05.99 (a.m)
Il-pulizija kemm irriżultawlha li kien hemm inċidenti tat-traffiku f'St. Venera bypass kemm ilha li nfetħet? Kemm minnhom wasslu għal fatalitajiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn mindu ġiet inawgurata l-By-Pass ta' Santa Venera f'Settembru, 1992, seħħew tlett imwiet kawża ta' inċidenti tat-traffiku.
Rigward in-numru ta' inċidenti tat-traffiku fl-istess post rappurtati lill-Pulizija, ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar, 1998, id-data li fiha bdew jinżammu rekords fuq il-PIRS, sa l-10 ta' Mejju, 1999, dan kien ta' 61.
17.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kif u fejn se jpoġġi l-isquatters li hemm fl-inħawi fejn se jsir il-proġett tal-Kottonera? Jekk dan se jsir, jista' l-Ministru jgħidli meta ġew informati?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
17.05.99 (a.m.)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 6827 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' jekk jogħġbok tgħid x'se jsir minn plot li tinsab f'Ganu Street wara l-Mitħna ta' Birkirkara għaliex qegħda toħloq inkonvenjent ta' ħmieġ u periklu lir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-iżvilupp tal-plot li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huwa suġġett għall-permess PA 5569/95, liema permess skada, u li presentament qiegħed fil-proċess ta' tiġdid skond applikazzjoni PA 3265/98. Jirriżulta wkoll illi x-xogħol fuq dan is-sit kien ġie ordnat jieqaf mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u dan għaliex l-iżvilupp kien qed isir mingħajr ma ġiet mogħtija l-linja uffiċjali skond il-kundizzjonijiet tal-permess. Issa li din il-kwistjoni ġiet regolarizzata, l-iżvilupp fuq dan is-sit jista` jitkompla appena l-permess jiġi mġedded. Fil-frattemp, il-plot in kwistjoni ġie mdawwar b'ħajt u 'fence' sabiex jitnaqqas kemm jista` jkun l-inkonvenjent. L-uffiċjal ta' l-Awtorita` inkarigat ser jibqa` jsegwi l-każ sabiex jiġi assigurat li l-kundizzjonijiet qed jiġu rispettati.
17.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx massimu ta' bond li jista' jintalab mill-Planning Authority fuq il-proġett? Jekk iva, hemm xi skala għal forom ta' żvilupp differenti?
Response (BORG, TONIO)
Il-liġi ma tispeċifikax massimu ta' garanzija finanzjarja marbuta ma' xi kondizzjoni. Il-garanzija tkun ta' ammont li jirrifletti il-kundizzjoni li għaliha tkun meħtieġa l-istess garanzija. B'dan il-mod ikun jista` jiġi assigurat li l-istess kundizzjoni tinżamm mill-iżvilupattur. Il-flus ma jinġibdux jekk il-kundizzjoni tkun osservata.
17.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli biex jalloka l-fondi li ġew ivvotati għal pulizija fid-diversi sezzjonijiet tal-korp? X'inhi r-raġuni li minkejja li għaddiet terz minn din is-sena hemm numru ta' sezzjonijiet fil-Korp tal-Pulziija li għadhom ma jafux kemm hemm flus allokati għalihom mill-budget ta' din is-sena, partikolarment għax-xiri ta' equipment li jitħallas mill-vot kapitali?
Response (BORG, TONIO)
Il-fondi li jingħataw taħt il-vot tal-Pulizija, bħal f'kull Dipartiment ieħor, jiġu allokati skond il-programmi u t-talbiet li jkunu ġew sottomessi fil-Business Plans tad-Dipartiment, wara li dawn il-fondi jiġu approvati fl-Estimi għas-sena partikolari. Naturalment, il-fondi li eventwalment jiġu pprovduti, jitqassmu b'mod li jkun jirrifletti l-prijoritajiet tad-Dipartiment kif murija fl-istess Business Plans.
Fl-ambitu tal-parametri msemmija, l-allokazzjoni ssir mill-Kummissarju b'konsultazzjoni mad-Direttur responsabbli mill-Finanzi u Amministrazzjoni.
17.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jara li l-liġi f'Għawdex tiġi applikata għal kulħadd fis-sens illi hemm min qiegħed jabbuża fil-bajja tar-Ramla, fin-Nadur, Għawdex bid-dgħajjes tal-kiri fuq ir-ramel li huwa protett mill-Ambjent u mingħajr l-ebda permess neċessarju u dan bil-barka tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għamlet u ser tibqa' tagħmel spezzjonijiet fil-bajja li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant sabiex ma jkunx hemm l-abbuż msemmi.
17.05.99 (a.m)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-complement ta' gwardjani tal-ħabs bħalissa fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fit-12 ta' Mejju, 1999, in-numru ta' uffiċjali fir-rank ta' gwardjan (Correctional Officer) fil-Faċilita` Korrettiva ta' Kordin kien ta' 145.
17.05.99 (a.m.)
Billi minn tweġiba għall-interpellanza parlamentari numru 6207, jidher li ħadd mill-membri tal-Korp tal-Pulizija ma rriżenja wara l-istedina li l-Ministru kien jagħmel għal min mhux jieħu x-xogħol tiegħu bis-serjeta', jista' l-Ministru jispjega x'miżuri se jieħu hu biex inaddaf lill-Korp minn dawn l-elementi?
Jista' l-Ministru jikkonferma xniegħat li se jiġu affettwati transfers massiċi oħrajn fil-ġimgħat li ġejjin fil-Korp tal-Pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma diġa` kelli l-okkażżjoni li ngħid, qed tingħata importanza sabiex tissaħħaħ l-Internal Affairs Unit fil-Korp, kif ukoll li jinħatar Bord ta' nies indipendenti li jisimgħu ilmenti kontra l-pulizija kif ukoll mill-pulizija nnfushom.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, kif diġa` kelli okkażżjoni li ngħid fit-Tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti, it-trasferimenti fil-Korp tal-Pulizija jsiru meta u kif ikun il-bżonn, fl-aħjar interessi ta' l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
Niskanta kif l-Onorevoli Interpellant qatt ma wera ansjeta` meta l-Gvern li kien jifforma parti minnu, wettaq 855 transfer fil-Korp tal-Pulizija fi 22 xahar.
17.05.99 (a.m.)
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi dwar l-aġir irresponsabbli ta' l-Immigration Officer, li qed toffendi persuni Għarab li jmorru fl-uffiċċju tagħha għal skopijiet uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Mill-informazzjoni li għandi, ma jirriżultax li qed isir l-abbuż li qed tirreferi għalih l-Onor. Interpellanti, għalhekk nitlobha tgħaddili d-dettalji tal-persuna nvoluta sabiex inkun f'pożizzjoni li nivverifika aħjar.
12.05.99 (p.m.)
Peress li l-familja, li isimha qed jintbagħat separatament, ilha li ħallset is-somma ta' Lm100 għal aktar minn erba' snin sabiex tifdi ċ-ċens tar-residenza tagħha, jista' l-Ministru jinformani x'qed jikkawża dan id-dewmien fil-proċess ta' din l-applikazzjoni? Jista' l-Ministru jara li jiġi rimedjat dan il-każ u każijiet oħra simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-każ partikolari li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa dwar proprjeta` li għaliha għad ma hemmx klassifikazzjoni fl-Anness 7 tal-Ftehim dwar il-proprjeta` li l-Awtoritajiet tal-Knisja Maltija għaddew lill-Gvern Malti. Għalhekk l-Uffiċċju Konġunt għalissa ma jistax jifdi ċ-ċens imsemmi u ċnus oħra simili.
Ninsab infurmat ukoll li d-diskussjonijiet biex issir il-klassifikazzjoni meħtieġa issa kważi ntemmu u fi żmien qrib mistennija deċiżjoni li permezz tagħha dawn l-applikazzjonijiet jkunu jistgħu jibdew jiġu proċessati.
12.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet fuq karozzi rapportati lill-pulizija matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April ta' din is-sena? Kemm kien in-numru ta' kolliżjonijiet tat-traffiku rapportati lill-pulizija għall-istess perjodu? Kemm kienu kawżati kolliżjonijiet fatali u/jew gravi għall-persuni nvoluti matul l-istess perjodu? Jista' l-Ministru jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 1995/98 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
12.05.99 (p.m.)
Kemm hawn persuni li f'Malta u Għawdex għandhom il-permess li jagħmluha ta' parkers tal-karozzi? F'kull każ fejn huma dawn il-lokalitajiet? Huwa permess li meta jmut parker ibnu jbiegħ għal eluf ta' liri il-liċenzja ta' parker lil xi persuna oħra? Kemm hemm persuni li applikaw għall-parker?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi f'Malta u Għawdex hawn 47 persuni bil-liċenzja ta' car park attendant. Dawn qegħdin mqassma hekk : Il-Belt Valletta - 18, il-Furjana - 7, Tas-Sliema - 5, Għajn Tuffieħa - 4, ir-Rabat (Malta) - 3, iċ-Ċirkewwa - 2 u l-Ġnejna - 2, filwaqt li f'dawn il-lokalitajiet hemm wieħed - Guardamangia, Ħal Qormi, Raħal Ġdid, Wied iż-Żurrieq, Ħaġar Qim, Delimara. L-ebda liċenzja jew permess tal-Pulizija ma jista` jinbiegħ. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li hemm 8 applikazzjonijiet pendenti.
12.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji se jiġu kkalkolati l-valur ta' l-art kontigwa li applikaw għaliha beach concessions diversi fl-aħħar sena per eżempju Costa del Sol fl-Għadira?
Fuq liema kriterji se jiġi stabilit il-valur ta' l-art ta' dawk li għalqilhom iċ-ċens tal-beach concessions u applikaw biex jerġgħu jingħataw l-art mill-ġdid?
Response (BORG, TONIO)
Nippresumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Beach Establishments li nbnew fuq art tal-Gvern li ġiet mogħtija b'ċens ta' 25 sena apposta għal dan l-iskop.
Il-policy dejjem kienet u għadha li, f'każijiet bħal dawn, meta jagħlaq iċ-ċens jerġgħu joħorġu l-offerti u l-persuna li f'idejha kellha ċ-ċens tingħata d-dritt ta' l-ewwel rifjut.
Presentament qed tiġi mistħarrġa l-possibilita' illi uħud minn dawn il-fondi jinbiegħu b'offerta.
Fi kwalunkwe każ, il-valur tal-proprejta` dejjem jiġi bażat fuq il-press tas-suq.
12.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid x'ikel jistgħu jippreparaw u jservu l-kiosks u l-gabbani mxerda ma' Malta u Għawdex skond ir-regolamenti li taħthom ingħataw il-permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kiosks liċenzjati prinċipalment għall-bejgħ ta' ikel take away li jinħtieġ preparazzjoni jew tisjir huma limitati li jippreparaw u jservu burgers, hot dogs, chips u ħobż biż-żejt.
12.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari numru 1940 li saret f'seduta 37 dwar fidi ta' ċens skond referenza ta' l-irċevuta Nru. (M136007)? Dettalji qegħdin jintbagħtu separatament.
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6125 f'Seduta 89.
Nirreferih ukoll għat-tieni parti tat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6643 f'din l-istess Seduta.
12.05.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il enforcement notice ħarġet mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u ma ġietx imwettqa, minn mindu ilha mwaqqfa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jista' l-Ministru jindika l-post ukoll ta' fejn ħareġ l-enforcement?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn mindu twaqqfet l-Awtorita` ta' l-Ippjanar (01/01/1993) sa l-aħħar ta' Frar ta' l-1999, inħarġu 7,672 Avviż (Enforcement Notice u/jew Stop and Enforcement Notice). L-ammont ta' 2,532 (jew 33%) minn dawn l-avviżi ġew osservati u/jew ittieħdu passi mill-Awtorita` u l-illegalita` illum tneħħiet jew ġiet sanzjonata. Il-kumplament, u ċioe` 5,140 għadhom pendenti. Minn dawn l-avviżi, 1,047 huma suġġetti għal-applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorita`, liema applikazzjonijiet qegħdin jitolbu li l-ksur jiġi ssanat. 316 avviżi oħra huma quddiem il-Bord ta' l-Appell. Għalhekk, skond il-liġi, l-azzjonijiet fuq dawn il-1,363 avviżi huma sospiżi sakemm ikun hemm xi forma ta' deċiżjoni. Il-kumplament, u ċioe` 3,777 avviżi huma pendenti b'azzjoni li għad trid tittieħed mill-Awtorita`. L-enforcement notices nħarġu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
12.05.99 (a.m.)
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3052, jista' l-Ministru jaġġorna l-informazzjoni li ta f'din it-tweġiba sa nofs Marzu 1999, u l-informazzjoni tkun maqsuma skond l-eta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul il-perijodu bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u l-15 ta' Marzu, 1999, kien hemm 90 persuna li nqabdu jsuqu taħt l-effett ta' l-alkoħol. L-etajiet tagħhom kienu jvarjaw bejn it-18 u 62 sena kif jidher f'din it-Tabella .
Eta' Numru ta' Persuni
---- -----------------
Bejn it-18 u t-22 sena 20
Bejn it-23 u t-27 sena 13
Bejn it-28 u t-32 sena 9
Bejn it-33 u t-37 sena 11
Bejn it-38 u t-42 sena 13
Bejn it-43 u s-47 sena 12
Bejn it-48 u t-52 sena 10
Bejn it-53 u s-57 sena 1
Bejn it-58 u t-62 sena 1
12.05.99 (a.m.)