Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tħaffir għaż-żejt — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt li se jiffirma ma’ dawk interessati biex ifittxu għaż-żejt f'pajjiżna hux se jkun tat-tip Production Sharing Contract jew inkella bħal dak li kien iffirma l-Gvern Laburista bejn l-1996 u 1-1998 biex tħaffer il-bir Madonna taż-Żejt, f'Għawdex, fejn il-Gvern Malti kellu jħallas għat-tħaffir għaż-żejt?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-Petroleum Production Act tippermetti biss żewġ tipi ta kuntratti: Production Sharing Contract u Exploration Study Agreement. Il-Gvern jimxi skont dawn it-tip ta' kuntratti kif dejjem sar matul is-snin li għaddew. Il-bir Madonna taz-Zejt kien l-uniku bir li ma thaffirx taht wiehed minn dawn il-kuntratti minhabba li dan il-bir kien wieħed stratigrafiku u dan il-bir taħt Gvern Laburista kien imħallas permezz tar-raba’ Protocol mill-Italja u mhux minn fondi lokali. Kien biss wara Settembru tal-1998 meta reġa kien hemm bidla fil-Gvern li l-bir kompla jitħaffer minn fondi lokali. Kontra dak li qed jimplika l-Onorevoli Membru, li l-Gvern Laburista kien il-kaġun li x-xogħol li sar wara l-elezzjoni tal- 1998 kellu jitħallas minn flus il-poplu Malti u Għawdxi, il-verita’ kollha hi li qabel l-elezzjoni tal -1998 il-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien, Dr.Eddie Fenech Adami, kien qal lill-poplu li m’hemmx żejt fil-bir li kien qed jitħaffer f’ Għawdex, u li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien u jien bħala Ministru responsabbli konna qed nagħmlu pressjoni fuq it-Taljani biex ikomplu jħaffru peress li kienet riesqa elezzjoni. Wara l-elezzjoni, Dr.Eddie Fenech Adami bħala l-Prim Ministru mhux talli ma waqqafx ix-xogħol, imma għall-kuntrarju ta ordni biex dan il-bir jitħaffer iktar fil-fond. Infakkar ukoll lill- Onorevoli Interpellant li l-fondi biex tkompla dan ix-xogħol f’dak il-bir li skont l-istess Dr.Eddie Fenech Adami ma kienx fih żejt, li ammontaw għal madwar 19-il miljun Ewro ġew imħallsa mill-poplu Malti.

Tħaffir għaż-żejt — negozjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed imexxi n-negozjati f'isem il-Gvern Malti ma’ kumpaniji barranin li qed juru interess biex iħaffru għaż-żejt f'Malta? Xi kwalifiki u esperjenza għandu min qed imexxi dawn in-negozjati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li n-negozjati huma mmexxija minn Dr Albert Caruana fuq direzzjoni diretta tal-Ministru. Dan huwa d-Direttur Generali tad-Dipartiment. Dr Caruana huwa kwalifikat bil-PhD minn Imperial College ta' l-Universita ta' Londra. Huwa beda l-karriera tiegħu f'dan il-qasam fil-1985 fl-Oil Exploration Department u baqa jaħdem f'din id-Diviżjoni matul is-snin taħt amministrazzjonijiet differenti u ħadem ukoll mal-kumpanija internazzjonali Texaco.

Karozzi – rifużjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f'każ illi persuna tkun intitolata li tieħu t-taxxa tar-reġistrazzjoni lura fuq karozza li kienet xtrat skont l-iskema li ħabbar il-Gvern reċentement u din il-persuna tmut qabel tieħu l-pagamenti kollha lura, il-bilanċ jaqa’ fuq l-eredi tagħha jew jintilef?

Response (MIZZI, JOE)

Qed nieħu pjaċir li l- Onorevoli Interpellant qed jitlob informazzjoni dwar fondi li ser jingħataw lura kif kien imwiegħed mill-Gvern preżenti qabel l-elezzjoni u li l-Oppożizzjoni tal-lum meta kienet fil-Gvern kienet qalet li din kienet biss wegħda finta ħabba l-elezzjoni. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jekk persuna li kienet eliġibbli li tieħu l-għotja ta’ darba fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq karozza tmut, il-bilanċ jaqa’ fuq l-eredi.

Karozzi – rifużjoni tat-taxxa tar-reġistrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk li xtraw karozza mingħand dealer hux se jibbenefikaw mill-iskema li ħareġ il-Gvern dan l-aħħar illi jitħallsu t-taxxa tar-reġistrazzjoni lura?

Response (MIZZI, JOE)

Qed nieħu gost li l- Onorevoli Interpellant qed jirrikonoxxi li dak li ġie mwiegħed mill-Gvern preżenti li jingħataw lura l-flus li tħallsu inġustament ma kienetx wegħda fierħa ta’ qabel l-elezzjoni imma wegħda oħra ta’ dan il-Gvern li qed tiġi mwettqa. Għaldaqstamt ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għotja ser tingħata lill-ewwel sid liċenzjat u li m’huwiex bejjiegħ liċenzjat tal-vetturi jew impurtatur. Vetturi reġistrati u liċenzjati minn bejjiegħ liċenzjat ta’ vetturi jew kumpaniji m’humiex eliġibbli għal din l-iskema.

Transport Malta – użu ta’ billboard minn terzi

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5593 u 8229, jista’ l-Ministru jikkonferma li Transport Malta se tapplika klawsola tal-Avviż Legali 368 tal-2004 għat-tneħħija ta’ billboards mhux awtorizzati, sabiex jitwaqqaf dan l-abbuż u dan peress li infrastruttura ta’ Transport Malta qed tintuża illegalment u jidher li l-billboard mhux qiegħda skont il-guidelines of the Safe Placing of Billboards? Jista’ l-Ministru jgħid meta se titwaħħal il-gantry sign minn Transport Malta minflok dan il-billboard illegali?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 8229.

servizz tat-trasport pubbliku — ħaddiema

Question

Jista' l-Minstru jagħti taghrif dwar kemm kien hemm ħaddiema li qabel kienu impjegati mal-Arriva, u issa m'għadhomx impjegati mal-kumpanija tal-Gvern li qed tieħu ħsieb it-trasport pubbliku? Kemm ħaddiema tkeċċew minn mal-kumpanija l-ġdida u kemm ħaddiema ġodda tqabbdu jaħdmu mal-istess kumpanija? F'liema karigi kienu dawk li waqfu/ tkeċċew minn mal-kumpanija l-ġdida, u f'liema karigi ġew imqabbda jaħdmu dawk li issa qed jaħdmu bħala ħaddiema ġodda mal-kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni provdut mill-Operatur kien hemm tmienja u għoxrin impjegat li kienu jokkupaw impjieg mal-Operatur qabel it-2 ta’ Jannar 2014 u li m’għadhomx impjegati mal-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd sal-21 ta’ Marzu 2014. Minn dawn kien hemm sitt xuffiera fejn l-impjieg tagħhom ġie itterminat, tlett Senior Personnel li kienu sekondati mill-Operatur preċedenti u m’għadhomx u dsatax-il impjegat ieħor li rreżenjaw. Il-karigi ta’ dawk li rreżenjaw jinkludu: ħdax-il xufier, tlett Managers, żewġ Cleaners, Mechanic u żewġ Administrative Personnel. Mit-2 ta’ Jannar 2014, jiġifieri minn meta ħa l-operat f’idejħ il-Gvern, sal-21 ta’ Marzu 2014 ma ġie impjegat ħadd ġdid minn barra ż-żewġ persuni li ġew sekondati minn Transport Malta. Dawn huma ic-Chief Executive Officer u l-Operations Director.

Proġett MODUS

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6653, jista’ l-Ministru jgħid min huma n-“nies tekniċi oħra” li qed jagħmel referenza għalihom fit-tweġiba tiegħu?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li n-nies tekniċi li ngħataw struzzjonijiet speċifiċi sabiex jaħdmu fuq dan il-proġett u jagħtuh prijorità assoluta huma żewġ periti, uffiċjal tekniku fil-grad ta’ Assistant Manager u draughtsman.

Tħaffir għaż-żejt – risk assessment

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika r-risk assessment fejn se jkun qed isir tħaffir għaż-żejt fl-areas li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Malti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li skont il-kuntratt li l-Gvern għandu ma' Phoenicia Energy u Melita Exploration, dokumenti marbuta mal-bir huma meqjusa bħala kunfidenzjali u għalhekk il-Gvern ma jistax jippublika dawn id-dokumenti.

Tħaffir għaż-żejt – risk assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jagħmel ir-risk assessment ta’ fejn se jsir it-tħaffir għaż-żejt fl-areas li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Malti? Dan ix-xogħol ingħata b'tender, quotation jew direct order? Xi kredenzjali għandu/għandha l-persuna/kumpanija li ġiet ikkummissjonata tagħmel dan ir-risk assessment?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li r-Risk Assessment sar mill-kumpanija Phoenicia Energy u Melita Exploration kif obligati fil-kuntratt mal-Gvern Malti. Dan ix-xoghol sar bħala parti mill-obbligi tal-Production Sharing Contract li l-Gvern għandu ma’ Phoenicia Energy u Melita Exploration.

Tħaffir għaż-żejt — data tal-għeluq għal-licensing round

Question

Peress illi ħareġ il-licensing round għal min hu interessat li jħaffer għaż-żejt fl-areas li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Malti, jista’ l-Ministu jgħid meta se jagħlaq dan il-proċess, peress illi dan il-proċess irid ikollu data ta' għeluq hekk kif stipulat mir-regoli tal-Unjoni Ewropea?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li d-direttiva ta' l-Unjoni Ewropea tippermetti li l-Membri Stati jagħmlu avviż fuq il-ġurnal uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u fih jgħidu liema areas huma miftuħa għal-licenzjar mingħajr ma issir licensing round u mingħajr data ta' għeluq. Dan il-proċess jissejjaħ 'open door policy'.

Tħaffir għaż-żejt — bidders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ibbidja għal-liċenzja biex iħaffer għaż-żejt fl-areas li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li din mhix kwistjoni ta’ ibbiddjar, imma hija kwistjoni ta’ diskussjonijiet li huma għaddejjin kontinwament.

Tħaffir għaż-żejt — diskussjonijiet

Question

Peress illi xi żmien ilu l-Ministru kien qal illi qatt ma kien hemm daqshekk taħdidiet ma’ kumpaniji taż-żejt f'dawn l-aħħar 20 sena daqskemm kellu hu f' dawn l-aħħar xhur, jista’ l-Ministru jgħid ma’ min kellu dawn id-diskussjonijiet u fiex kienu jikkonsistu dawn id-diskussjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni għandha valur kummerċjali u għalhekk ma tistax tingħata. Ġa la darba jingħalaq ftehim il-Gvern jippublika id-dettalji relevanti.

Tiġrijiet taż-żwiemel — permessi

Question

B'referenza għat-tiġrijiet taż-żwiemel li saru fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-bypass tal-Imrieħel, jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta ħarġitx il-permessi meħtieġa? Min applika għall-permessi, minn min ingħataw il-permessi u fuq isem min ħarġu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta toħroġ in-No-Objection suġġett għal diversi kundizzjonijiet u mhux il-permess.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ix-xogħlijiet li ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament huma kif ġej: Xogħlijiet mill-Ministeru jammontaw għal €26,713.24 li minn informazzjoni mogħtija lili kollha ingħataw permezz ta’ Direct Order. Xogħlijiet minn dik li kienet l-Malta Maritime Authority (MMA) jammontaw għal €5,910.93 li mill-informazzjoni disponibbli ma jirriżultax li saret sejħa għall-offerti. Xogħlijiet li ingħataw minn Transport Malta ileħħqu is- €16,391.39 li mill-informazzjoni disponibbli ma jirriżultax li saret sejħa għall- offerti. Dawn ix-xogħlijiet jammontaw għal total ta’ €49,015.56 . Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dettalji kollha mitluba.

Vetturi mingħajr liċenzja mħallsa

Question

Billi fil-media lokali kien hemm rapporti li f'Malta hawn iktar minn 32,000 vettura li m'għandhiex il-liċenzja mħallsa, jista' l-Ministru jagħti break down ta' kif inhuma mqassma f'kategoriji differenti l-vetturi li m'għandhomx il-liċenzji mħallsa skont il-kategoriji tal-vetturi mqassma minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn informazzjoni mgħoddija lili minn Transport Malta sa l-aħħar ta’ Frar ta’ din sena kien hemm 24,038 vettura bil-liċenzja mhux mħallsa. Hu maħsub li 1,600 biss minn dan in-numru ta’ vetturi għadhom jiċċirkolaw fit-toroq. Qed isir kull sforz biex din l-irregolarita’ tinqata’ mit-toroq tagħna. Dawn il-vetturi huma maqsuma skont dawn il-kategoriji: Kategorija ta’ Vettura Numru ta’ Vetturi Agricultural 85 Coaches 14 Minibuses 6 Motorcycles 1,953 ATV/Quads 149 Garage Hire 72 Self Drive 221 Leased 129 Passenger Cars 17,004 Commercial Vehicles 4,405 TOTAL 24,038

Transport Malta – Arranġamenti ta’ linji fit-toroq

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7040, jista' l-Ministru jara jekk din it-talba ġietx milqugħa peress li issa saret talba mill-kunsill lokali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta għadha ma rċeviet l-ebda talba mill-kunsill lokali jew mill-individwu kkonċernat relatata ma’ sinjali taż-żebgħa fit-triq u li għaliha qed jagħmel referenza fil-mistoqsija tiegħu.

Transport Malta – sms alert fuq karozzi li jdaħħnu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti fuq l-sms alert ta’ Transport Malta fejn wieħed jinforma lill-Awtorità dwar karozzi li jdaħħnu matul l-2013? Jista’ jgħid kemm-il karozza ittellgħu għat-test kaġun ta’ dawn l-sms mill-pubbliku? Jista’ jgħid kemm-il karozza ġiet ċertifikata li ma laħqitx il-livelli stabbiliti wara li saru dawn it-testijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċedura tas-sistema tal-emission alert hija li vettura trid tkun irċeviet aktar minn tlett rapporti permezz ta’ SMS minn numri tal-mobajl differenti fi żmien tlett xhur sabiex tkun eliġibli għall-ispezzjoni. Jitneħħew ukoll dawk ir-rapporti mil-lista ta’ SMSes li ma jkollhomx id-dettalji tajbin jew kompleti. Wara dan il-proċess sid il-vettura jiġi mitlub sabiex itella l-vettura għal spezzjoni permezz ta’ notifika illi jirċievi bil-posta. Meta vettura tittella’ għal spezzjoni u ma tkunx laħqet il-livell stabbilit ta’ emissjonijiet, sid il-vettura jingħata appuntament ieħor. F’dan l-istadju is-sid tal-karozza tinħariġlu multa. Dan il-proċess jibqa’ għaddej sa mal-vettura tgħaddi mill-ispezzjoni. F’każ li vettura ma tittellax għal spezzjoni, is-sid tal-vettura jingħata appuntament ieħor fejn ikun mitlub li jtella’ il-vettura tiegħu. Iżda wara żewg appuntamenti fejn sid il-vettura ma jkunx tella’ l-vettura għal spezzjoni hekk kif rikjest, issir restrizzjoni fuq il-liċenzja tal-vettura sabiex din ma tkunx tista’ tiġi mġedda. Ir-restrizzjoni fuq il-liċenzja titneħħa biss wara li sid il-karozza jtella’ l-vettura għall-ispezzjoni u din tgħaddi. Ninsab infurmat li t-total ta’ rapporti li daħħlu f’dan ir-rigward fis-sena 2013 ammonta għal 12,529. Minħabba l-proċedura kif spjegat hawn fuq, in-numru ta’ vetturi li kienu eliġibli għal spezzjoni jammonta għal 250 vettura. Minnhom kien hemm 21 vettura li ma laħqux il-livell stabbilit.

Trasport Pubbliku — passiġġieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm passiġġieri użaw it-trasport pubbliku f’Jannar 2014? Kemm kien id-dħul min-nollijiet tal-passiġġieri matul Jannar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku l-ammont ta’ passiġġieri li wżaw it-trasport pubbliku matul Jannar 2014 huwa stmat li kien ta’ 2,724,728. Id-dħul min-nollijiet għall-istess xahar jammonta għal €1,379,728. Informazzjoni addizzjonali: Ara dokument Nru 2535 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 132 nhar it-Tnejn 24 ta' Marzu 2014

Birżebbuġa – Triq Għar Dalam – vehicle activated sign

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6644, jista’ l-Ministru jgħid meta se tiġi implimentata l-Vehicle Activated Sign fi Triq Għar Dalam bħala miżura sabiex jiġi kkontrollat sewqan eċċessiv li jista’ jsir f’din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tinsab infurmata illi s-sinjal li qed jirreferi għalih ġie nkluż mat-tieni programm ta’ stallazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ sinjali. Bħalissa s-sinjali li jagħmlu parti mit-tieni programm qed jiġu mmanifatturati barra minn Malta skont speċifikazzjonijiet mogħtija minn Transport Malta u mistennija jitwaħħlu fit-toroq għan-nofs din is-sena.

Is-Swieqi – skema ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jagħti data speċifika ta’ meta l-Parking Management Policy il-ġdida se tiġi mnedija u meta se jibda u jagħlaq il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar din il-policy li għamel referenza għaliha fir-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 5863 u 6645?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni nterna tista’ tgħid li ġiet fi tmiemha. Għalkemm saru xi tibdiliet lill-istess polza għadna qed nistennew xi suġġerimenti oħra li ġejna nfurmati li se jingħatawlna dalwaqt. Wara dan inkunu nistgħu nippreparaw biex jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.