Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birżebbuġa – Triq l-Irziezet tal-Marnisi/Triq it-Torri — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jara li Triq l-Irziezet tal-Marnisi/Triq it-Torri f'Birżebbuġa tingħata t-tarmak għax tinsab f'sitwazzjoni perikoluża għar-residenti li joqogħdu f'din l-area? X'inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar snin qatt ma saret manutenzjoni ta' din t-triq tant li ġiet f'sitwazzjoni li llum mhux posssibli li tiġi rranġata? Jista’ jgħid meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa x-xogħol ta' resurfacing ta' din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li hu konxju li l-istat tat-tarmak tat-triq imsemmija ma jinstabx fi stat tajjeb ħafna. Madanakollu l-pożizzjoni finanzjarja preżenti tiegħu ma tippermettix li jsiru nefqiet ta’ natura kapitali. Sussegwentement, ma hemmx pjanijiet illi matul l-2015, it-toroq imsemmija jingħataw wiċċ ġdid bit-tarmak.

Birżebbuġa – Dawl fi Triq l-Irziezet tal-Marnisi/Triq it-Torri

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġu installati biżżejjed dwal fi Triq l-Irziezet tal-Marnisi/Triq it-Torri, Birżebbuġa, peress li wara nżul ix-xemx din l-area hi perikoluża ħafna għal dawk kollha li joqogħdu fl-inħawi?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li hu konxju li fiż-żona jista’ jkun hemm xi postijiet aktar mudlama minn oħrajn. L-isfida tikber meta l-inħawi jkunu jinsabu f’żoni remoti bħalma hu f'dan il-każ għaliex ix-xogħol meħtieġ biex ikunu nstallati lampi ġodda jinvolvu spejjeż konsiderevoli.

Birżebbuġa – Triq San Tumas – xogħol ta’ livellar

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir ix-xogħol meħtieġ fi Triq San Tumas, Birżebbuġa biex titneħħa għadira li żżomm l-ilma tax-xita bil-konsegwenza li qed tikkawża ħsara mal-faċċata tar-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li ħa nota tax-xogħol meħtieġ u se jiddaħħal fil-programm ta’ ħidma tiegħu.

Birżebbuġa – Triq Kalafrana – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba sar xogħol ta' manutenzjoni fi Triq Kalafrana, Birżebbuġa fis-snin 2013, 2014 u fl-ewwel tliet xhur tal-2015? Jista’ jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa rċeviex talbiet għal rifużjoni ta' ħsarat f’vetturi b'riżultat ta' ħofor f'din it-triq għas-snin imsemmija? X'kienu dawn it-talbiet, każ b'każ? Jista’ jgħid jekk dawn it-talbiet ġewx milqugħa u ċjoè tħallsux l-ispejjeż mitluba, jew inkella ġewx miċħuda? X'kienet r-raġuni li ta l-kunsill f’każ li tali talbiet ma ġewx aċċettati mill-kunsill lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li matul l-2015 sar xogħol ta’ manutenzjoni fuq Triq Kalafrana. Dan ix-xogħol iżda ma sarx fuq ordni tal-Kunsill Lokali iżda mill-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura. Intant infurmat ukoll mill-istess Kunsill li rċieva talba waħda għal rifużjoni ta’ ħsarat fuq vettura b’riżultat ta’ ħofra fit-triq, liema ħofra pero’ kienet ikkawzata minn xogħlijiet li għamlet fl-istess triq il-kumpanija GO plc li kienet mgħarrfa bil-każ. Dan il-każ għadu pendenti.

Kunsilli Lokali — skemi ta' finanzjamenti minn fondi speċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk għadx hemm skemi ta' finanzjament minn fondi speċjali, għall-kunsilli lokali li għalihom għadhom pendenti l-applikazzjonijiet? Liema huma dawn l-istess skemi?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jikkjarifika għal liema skema qed jirreferi.

Is-Siġġiewi — Kappella tal-Lunzjata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa biex tiġi salvata l-Kappella tal-Lunzjata li tinsab fil-limiti tas-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi, wara r-rapporti u l-appell li sar mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u 26 għaqda nongovernattiva f’dawn il-jiem, in vista tal-istat perikoluż tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Kappella tal-Lunzjata fil-limiti tas-Salib tal-Għolja fis-Siġġiewi m’hix propjetà pubblika, u jiġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li r-responsabilità ta’ restawr ta’ kwalunkwe binja hi vestita fis-sidien ta’ dik l-istess proprjetà. Madankollu, kif diġà għamel f’diversi okkażjonijiet fil-passat fuq diversi Kappelli madwar Malta, il-Ministeru, permezz tad-Direttorat tar-Restawr se jinvestiga l-kundizzjoni preżenti tal-Kappella msemmija sabiex ikun f’pożizzjoni aħjar li jifhem il-kawżi tal-ħsara li qed iġġarrab il-Kappella u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu dwar jekk għandux jintervjeni u jekk fl-affermattiv, b’liema mod.

Heritage Malta — performace bonuses

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338, jista’ l-Ministru jispjega għaliex it-top management team ta’ Heritage Malta ta’ spiss jagħmel aċċenn lill-ħaddiema li l-aġenzija għandha problemi kbar ta’ finanzi u li hemm bżonn li jsiru sagrifiċċji f’ċert siti u mużewijiet filwaqt li qed jintefqu eluf ta’ Euros f’performance bonuses? Jista’ jgħid f’termini ta’ Euro u relatata mas-sena 2014, x’kienet l-ispiża f’bonuses imsemmija f’din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-bonuses jingħataw skont il-kuntratt u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. It-total ta’ bonuses li ingħataw lit-top management team fl-2014 huwa ekwivalenti għal dawk li ngħataw fl-2011, 2012 u 2013.

Marsaxlokk – Triq ix-Xatt — parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jitneħħa l-parking minn Triq ix-Xatt, Marsaxlokk, kull meta jarma s-suq, kemm dak ta' fost il-ġimgħa kif ukoll dak tal-Ħadd?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant isaqsi din id-domanda lill-Ministru koncernat.

Marsaxlokk – Triq ix-Xatt – żona pedonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq ix-Xatt, Marsaxlokk, issir żona pedonali? Jekk fl-affermattiv, f'liema ġranet u ħinijiet se jsir dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li fil-preżent għaddej f’diskussjonijiet mal-Gvern Ċentrali bl-għan li jitfassal regeneration plan għal Marsaxlokk. Inkluż fir-regeneration plan hemm proposti għal Triq Xatt is-Sajjieda. Minħabba l-fatt illi d-diskussjonijiet għadhom mhux finalizzati, u r-regeneration plan għadu fi stadju ta’ abbozz, ikun prematur li wieħed jistabbilixxi jew jgħid b’ċertezza li Triq Xatt is-Sajjieda ser issir żona pedonali għalkemm il-possibilità li dan iseħħ ma tistax tiġi eskluża.

Orkestra Nazzjonali – mużiċisti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15815 u jgħid kemm kien in-numru ta’ mużiċisti full-time u part-time fi ħdan l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta sad-9 ta’ Marzu 2013 skont l-istrument li jdoqqu? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa finali għall-pagi tal-mużiċisti u s-surmast għas-sena 2013? ? Jista’ jgħid kemm kien hemm mużiċisti li spiċċaw bl-età mid-9 ta’ Marzu 2013 sas-26 ta’ April 2015 u x’kien it-tip ta’ strument li kienu jdoqqu? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ mużiċisti full-time skont l-istrument li jdoqqu li llum jifformaw parti mill-Orkestra Nazzjonali? Jista’ jgħid għaliex żdied in-numru ta’ mużiċisti fi ħdan l-Orkestra Nazzjonali? Jista’ jgħid min kienu l-membri fuq il-Bord tal-Għażla biex ġew magħżula dawn il-mużiċisti? Jista’ jgħid x’inhuma l-kwalifiki tal-membri tal-Bord tal-Għażla? Jista’ jgħid liema strumenti żdiedu fi ħdan l-Orkestra Nazzjonali b’din l-għażla/żieda tal-mużiċisti? Jista’ jgħid kemm hi l-ispiża finali fis-sena bħala pagi tal-mużiċisti u surmast għas-sena 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli Lokali — applikazzjonijiet għall-fondi speċjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu s-sejħiet lill-Kunsilli Lokali biex dawn ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi speċjali, matul l-aħħar 12-il xahar? Meta ħarġu s-sejħiet, u f'kull każ liema kienu l-kunsilli lokali li applikaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jikkjarifika għal liema skema qed jirreferi.

Arranġamenti mal-MEUSAC — applikazzjonijiet għall-fondi

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibilità li l-Ministeru jagħmel arranġamenti mal-MUESAC, biex kemm kunsilliera, kif ukoll segretarji eżekuttivi fil-kunsilli lokali jkunu preparati aħjar biex japplikaw għall-fondi li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għal Gvern Lokali diġà qiegħed jikkollabora mal-MEUSAC għal organizzazzjoni ta’ seminars immirati għal kunsilliera u segretarji eżekuttivi għal programmi ta’ fondi Ewropej fosthom il-programmi URBACT III u Europe for Citizens. Barra minn hekk, permezz tal-proġett FSE 4.248 – ‘Insaħħu l-Governanza Lokali’; id-Dipartiment għal Gvern Lokali fi żmien li ġej ser ikun qed jorganizza taħriġ għas-segretarji eżekuttivi speċifikament fuq fondi mill-Unjoni Ewropea. Dan it-taħriġ ser jagħti iktar informazzjoni u jipprovdi l-għodda neċessarji fuq kif tapplika, kif tipplimenta u tagħlaq proġetti.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — ingaġġ ta' impjegati mill-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta? Jekk iva, jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' dawn il-persuni u fejn qed jaħdmu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-ebda ħaddiem mis-segretarjat, dipartiment jew entità pubblika oħra li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħi ma bbenefika minn skema ta’ irtirar kmieni mill-AirMalta.

Heritage Malta — donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kull donazzjoni li ngħatat lill-Heritage Malta matul is-snin 2013 u 2014? Jista’ jinkludi ukoll id-dettalji relatati mal-oġġetti, il-condition assessment u f’liema post qed tiġi miżmuma kull donazzjoni? Jista’ jikkonferma li kull min jagħti xi donazzjoni għall-kollezzjoni nazzjonali jiġi mogħti rċevuta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li matul l-2013 u l-2014 Heritage Malta irċeviet 237 donazzjoni formali kif muri fil-lista mehmuza li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn kienu fi stat relattivament tajjeb ta’ konservazzjoni u ġew miġbura mal-bqija tal-kollezzjonijiet ta’ riserva fil-mużewijiet rispettivi. Kull donazzjoni tiġi reġistrata u għaldaqstant id-donaturi jingħataw irċevuta. Nieħu l-opportunita’ biex f’isem il-Gvern nirringrazzja minn qalbi lil kull min ta donazzjoni lil pajjiżna.

Heritage Malta — pubblikazzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13891, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-awtur ta’ dan il-pubblikazzjonijiet issottomettiex talba bil-miktub lill-Heritage Malta sabiex jitlob permess jaħdem fuq din il-biċċa xogħol ta’ riċerka li setgħet involviet konflitt ta’ interess? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din it-talba?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-awtur tal-pubblikazzjoni msemmija talab permess minn Heritage Malta sabiex jaħdem fuq dan ix-xogħol u l-awtorizzazzjoni ingħatatlu verbalment.

Heritage Malta – Culture Card

Question

Jista’ l-Ministru jagħti update dwar il-culture card u meta din se tkun tista’ terġa’ tiġi użata fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta? Jista’ jgħid kemm studenti utilizzaw il-culture card ġewwa s-siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta minn Marzu 2013 s’issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-culture card hija attiva u tista’ tintuża fil-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta. Bejn Marzu 2013 u April 2015, Heritage Malta organizzat sbatax (17)-il attivita’ għall-istudenti li għandhom il-culture card. B’kollox attendew 285 partiċipant għall-istess attivitajiet.

Heritage Malta — performace bonuses - kriterji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-objettivi u l-kriterji kollha li fuqhom se jingħata l-performance bonus matul is-sena 2015 lis-CEO, il-Heads u l-Managers ta’ Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Heritage Malta — performace bonuses

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jingħata xi tip ta’ rikkonoxximent finanzjarju lill-ħaddiema kollha li taw is-sehem tagħhom biex jittellgħu l-esibizzjonijiet temporanji tant sbieħ ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur u l-wirja tal-100 Oġġett? Jekk fl-affermattiv, meta se jingħata dan il-bonus mistħoqq, kemm se jammonta u jekk hux se jkun komparabli mal-bonus li ngħata lis-CEO u lill-Heads vis-à-vis dawn l-esebizzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 16014.

Heritage Malta — performace bonuses

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jingħata xi tip ta’ bonus finanzjarju lill-ħaddiema kollha li ħadmu biex intlaħqet il-mira ta’ €250,000 bejgħ mill-ħwienet ta’ Heritage Malta u 1% żieda mid-dħul ta’ bejgħ ta’ biljetti tal-entratura?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma hemmx ħsieb biex dan isir. Il-bonuses jingħataw skond il-kuntratt u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Kull ċentezmu ta’ introjtu li tagħmel Heritage Malta imur dritt lura fil-wirt kulturali.