Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Ċentru ta' Arbitraġġ

Question

Invista ta' l-emendi proposti dwar l-arbitraġġ mandatorju u peress li f'Għawdex m'hemmx Ċentru ta' l-Arbitraġġ, jikkonsidra li huwa opportun li f'Għawdex ikollna jew altrimenti tinħoloq xi fergħa f'Għawdex biex l-arbitraġġ ta' l-Għawdxin jintħadmu f'Għawdex stess?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jittieħed in konsiderazzjoni meta tiġi biex titħaddem dik il-parti ta' l-abbozz tal-Liġi li qiegħed jiġi preżentement dibattut.

Xatt tas-Sliema — Bankina

Question

Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-bankina ta' max-Xatt tas-Sliema (in-naħa tal-baħar) fl-inħawi tas-Sliema Hotel, tiġi rranġata peress li parti minnha ilha maqlugħa għal diversi ġimgħat?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill ikkonċernat.

Kunsilli lokali — Segretarji eżekuttivi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il segretarju eżekuttiv kellu kull kunsill lokali individwalment minn mindu twaqqfu u kemm damu fil-kariga kull wieħed? Kemm kienu s-segretarji eżekuttivi li mxew minn kunsill lokali għall-ieħor u minn liema kunsill telqu u fejn marru? Kemm-il segretarju eżekuttiv irriżenja mill-kariga tiegħu fiż-żmien tal-kuntratt ta' l-impjieg? Jista' jgħid jekk is-segretarji eżekuttivi humiex uffiċjali pubbliċi? X'inhi r-raġuni ta' dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha trid tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Ħ'Attard — Triq Ferdinandu Inglott - sinjali tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema hi r-raġuni li għalkemm hemm sinjali ċari tat-traffiku mwaħħlin fi Triq Ferdinandu Inglott, Ħ'Attard (triq li hija maqsuma f'żewġ biċċiet) dawn mhumiex qed jiġu obduti u qatt ma jkun hemm sorveljanza tal-pulizija jew wardens, u dan b'periklu konsiderevoli għal tfal żgħar ta' l-iskola li tinsab viċin tat-triq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm jista' jkun, il-Pulizija jattendu fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fil-ħinijiet meta t-tfal jibdew u jispiċċaw l-iskola. Għal dak li jirrigwardja l-Gwardjani Lokali, bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill ikkonċernat.

Ġbir ta' karozzi mningħajr liċenzja

Question

Jista' il-Viċi Ministru jgħid min hu responsabbli li jinġabru karozzi mingħajr liċenzja, number plates u nuqqasijiet oħra, għax mid-dehera għadu mhux ċar jekk hux il-Kunsill Lokali jew il-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tneħħija ta' vetturi abbandunati huwa regolat bir-Regolamenti dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta' Oġġetti ta' Ingombru fir-Regolamenti tat-Traffiku u ċioe' l-Avviż Legali Numru 94 ta' l-1997 kif sussegwement emendat. Skond ir-regolament 8A ta' dawn l-istess regolamenti wara li ssir il-proċedura stabbilita', vettura abbandunata tista' titneħħa, kemm mill-Kummisssarju tal-Pulizija kif ukoll mill-Kunsill Lokali. Dwar "nuqqasijiet oħra" nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar dettalji.

Ipparkjar ta' xarabanks, caravans u trakkijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux permess li jkunu pparkjati fit-toroq quddiem residenzi xarabanks, caravans u trakkijiet? Jekk fin-negattiv x'jista' jsir sabiex dan l-abbuż jispiċċa?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4247. Fil-każ tal-caravans, ninsab infurmat illi jekk dawn m'humiex intiżi biex jinsaqsu fit-triq u allura jinġibdu jew jinġarru, hawnhekk jitqies illi huma 'oġġetti f'xi triq' u għaldaqstant skond l-Avviż Legali 119/2002 dawn ikunu jenħtieġu permess mill-Kunsill Lokali biex jitqiegħdu fit-triq. F'dan il-każ, l-istess Avviż Legali jipprovdi għall-pieni fejn ikun hemm abbuż.

Pulizija — Messaġġiera li saru pensjonabbli

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani jekk il-messaġġiera li saru pensjonabbli qabel il-15 ta' Jannar 1979 (skond staff list maħruġa mid-dipartiment ta' l-informazzjoni tal-1977, paġna 46, li qed tintbagħat separatament, humeix intitolati għal sitt xhur sick leave u dan kif hemm stipulat fil-kondizzjonijiet ta' l-appuntament mogħti lil kull membru li għandhom indikazzjoni ta' stilla ħdejn isimhom? Jekk fin-negattiv, għaliex? Qed ngħaddi separatament kopja ta' ittra fuq persuna, fejn wieħed jista' jistudja l-każ ġaladarba li dan il-persuna qiegħed bla paga.

Response (BORG, TONIO)

Peress li s-suġġett imsemmi jikkonċerna impjegati taċ-Ċivil, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Rikjesti għall-estradizzjoni minn Gvernijiet Barranin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm rikjesti għall-estradizzjoni minn Gvernijiet Barranin lill-Gvern ta' Malta bejn id-9 ta' Frar 2004 sat-30 ta' Gunju 2004? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji? Min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ġew milqugħa mill-awtoritajiet ġudizzjarji u min kienu l-persuni nvoluti? Kemm minn dawn ir-rikjesti ma ġewx riferiti lill-awtoritajiet ġudizzjarji għaliex ġew miċħuda mill-ewwel fuq livell ta' ministeru u min kienu l-persuni nvoluti?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern Malti ma kellu ebda rikjesta għall-estradizzjoni minn Gvernijiet Barranin bejn id-9 ta' Frar 2004 sat-30 ta' Ġunju 2004.

Qrati — Taxxi fil-kawżi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex it-taxxi fil-kawżi l-Qorti mhumiex qed isiru jew qed idumu żmien inaċċettabbli? X'miżuri beħsiebu jieħu sabiex jimmitiga dawn il-problemi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-taxxi fil-Kawżi deċiżi fil-Qorti, u partikolarment dawk tal-Qrati Superjuri, qed isiru regolarment. Jekk kien hemm xi dewmien, dan kien kaġunat minħabba nuqqas ta' ftehim mad-Deputati Reġistraturi li qed jirrifjutaw li jesegwuhom kif inhuma tenuti bil-liġi u bil-kuntratt.

Kumitat dwar il-liġi tad-droga

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 6285, jista' il-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali billi jagħti d-data meta twaqqaf il-forum u d-dati kollha tal-laqgħat li dan il-forum żamm ma' l-organizzazzjonijiet konċernati? Liema huma l-organizzazzjonijiet li ġew konsultati?

Response (BORG, TONIO)

Kif ġa' informajt lill-Onorevoli Interpellant, il-Ministeru ta' l-Intern ma kien involut bl-ebda mod fit-twaqqif ta' dan il-Forum. Għalhekk ma jistax jagħti d-dettalji li talab.

Pulizija — Investigazzjonijiet dwar frodi fit-tlugħ tal-lotterija tar-riċevuti fiskali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-investigazzjoni tal-pulizija dwar il-frodi li kien allegat li kien qed isir fit-tlugħ tal-lotterija ta' l-irċevuti tal-VAT?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant kienu nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra diversi persuni, liema proċeduri għad m'humiex konklużi.

Taqsima proprjeta' tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet it-talba li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, quddiem it-taqsima tal-proprjeta' tal-gvern?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern din il-ġimgħa ser tibgħat it-tweġiba tagħha għat-talba li saret mill-applikant li għamel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant.

Miżbla tal-Magħtab — Proprjeta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittieħdet proprjeta' ta' persuni fejn hemm il-miżbla tal-Magħtab? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni ġew kumpensati tal-proprjeta' li tteħditilhom? Meta se jiġu kkumpensati l-persuni li tteħditilhom l-art u għadhom ma tħallsux?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-art li tittieħed fejn hemm il-miżbla tal-Magħtab, fiha kejl ta' circa 251,192 metri kwadri. B'kollox hemm sitta u għoxrin grupp ta' sidien differenti. Żewġ gruppi ta' sidien li kienu jikkonsistu f'sebgħa persuni ġew ikkompensati. Żewġ gruppi ta' sidien oħra li jikkonsisti fi tnax-il persuna irċevew l-Avviż tal-ftehim. Dawn ikkontestaw il-kumpens offrut u l-każ tagħhom qiegħed jiġi trattat quddiem il-Bord dwar l-Akkwist ta' Artijiet. Ma nistax ngħid kemm hemm persuni involuti fit-tnejn u għoxrin grupp tas-sidien l-oħra fejn id-Dipartiment tal-Artijiet għadu qiegħed għaddej bil-proċess biex iħallas il-kumpens dovut, peress li f'ħafna mill-każi għadu mhux magħruf min huma s-sidien attwali. Id-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jagħmel l-almu tiegħu kollu sabiex jikkompensa lil dawn is-sidien.

Ta' Qali — Foreste/Numero Uno

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min ħin sa x'ħin għandu l-permess il-lokal Foreste/Numero Uno, Ta' Qali, biex jiftaħ u f'liema ġranet tal-ġimgħa? Jista' jgħid sa x'ħin jista' jinżamm mixgħul il-volum għoli tal-mużika, li fil-ħinijiet tal-lejl jinstemgħu b'mod qawwi kemm minn Ħ'Attard kif ukoll mill-Mosta? Jista' jgħid jekk tul dawn l-aħħar tlett ġimgħat il-pulizija għamlitx ronda fl-inħawi ta' dan il-post, speċjalment fil-ħinijiet qrib it-3.00 a.m., biex tara li jitnaqqas il-volum qawwi ta' mużika li joħroġ minn dan il-post? Jista' jgħid jekk il-pulizija kelliex rapporti minn residenti dwar mużika għolja ħierġa minn dan il-post fis-sigħat bikrija ta' filgħodu? Kemm-il rapport kien hemm? Jista' jgħid jekk dan il-post qattx ġie mmultat mill-qorti talli nstab ħati li kellu mużika għolja f'ħinijiet li mhux suppost u kemm kienu jammontaw għal flus jew penali oħra li ngħataw bħala kastig mill-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn verifiki li għamlet il-Pulizija jirriżulta illi l-istabbiliment imsemmi huwa liċenzjat sabiex jibqa' miftuħ sa l-4.00am il-ġimgħa kollha. Infurmat ukoll illi, matul dawn l-aħħar tlett ġimgħat ma kienx hemm rapporti lill-Pulizija dwar dan l-istabbiliment, filwaqt li mir-records disponibbli, ma jirriżultax li sid dan l-istabbiliment kien ġie mmultat mill-Qorti wara li nstab ħati li ħalla tindaqq mużika b'volum għoli. Għal aktar tagħrif dwar il-liċenzji fuq dan l-istabbiliment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel, Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Permess għat-tiġrija taż-żwiemel

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ma ingħatax il-permess għat-tiġrija taż-żwiemel fit-triq (by pass ta' l-Imrieħel) organiżżata fl-okkażjoni tal-festa ta' San Ġorġ, Ħal Qormi?

Response (BORG, TONIO)

Peress li dan il-permess partikolari joħroġ mid-Dipartiment ta' l-Attivita' Veterinarja, nitlob lill-Onor. Interpellanti tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Pulizija — Rapporti dwar serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Mejju 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Mejju 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Mejju 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 49 każ ta' serq.

Pulizija — Rapporti dwar reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Mejju 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Mejju 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi matul Mejju 2004 kien hemm 440 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.

Kumpannija privata — Traffikar ta' tfajliet mill-Ewropa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jgħarraf lill-Kamra jekk il-kumpannija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, f'dawn l-aħħar snin kenitx involuta fit-traffikar ta' tfajliet mill-Ewropa tal-Lvant lejn pajjiżna għal skopijiet illeċti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kumpannija msemmija mill-Onorevoli Interpellant ma kenitx investigata mill-Pulizija dwar is-suġġett imsemmi.